LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pe kap. 3 pp. 25-33
  • Tassew Jgħodd X’Reliġjon Għandek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tassew Jgħodd X’Reliġjon Għandek
  • Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • RELIĠJON FALZA LLUM?
  • QIMA LI ALLA JAPPROVA
  • IS-​SINĊERITÀ WAĦEDHA M’HIJIEX BIŻŻEJJED
  • LI WIEĦED JAGĦMEL IR-​RIEDA T’ALLA HUWA NEĊESSARJU
  • Qima Approvata minn Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Huma r-Reliġjonijiet Kollha Toroq Differenti li Jwasslu Għand Alla?
    Stenbaħ!—2001
  • Hija Kwalunkwe Reliġjon Tajba Biżżejjed?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • X’Jgħallmu r-Reliġjonijiet Foloz Dwar Alla?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
Ara Iżjed
Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
pe kap. 3 pp. 25-33

Kapitlu 3

Tassew Jgħodd X’Reliġjon Għandek

1. Xi persuni x’jemmnu dwar ir-​reliġjon?

‘IR-​RELIĠJONIJIET kollha huma tajbin,’ jgħidu ħafna nies. ‘Huma sempliċement toroq differenti li jwasslu għall-​istess post.’ Jekk dan huwa minnu, ma tagħmilx differenza x’reliġjon issegwi, għax ikun ifisser li r-​reliġjonijiet kollha huma aċċettabbli għal Alla. Imma huma hekk?

2. (a) Il-Fariżej kif ittrattawh lil Ġesù? (b) Il-​Fariżej min kienu jsostnu li kien missierhom?

2 Meta Ġesù Kristu kien fuq l-​art, kien hemm grupp reliġjuż magħruf bħala l-​Fariżej. Kienu bnew sistema taʼ qima u kienu jemmnu li din kellha l-​approvazzjoni t’Alla. Madankollu, fl-​istess ħin, il-​Fariżej kienu qegħdin jipprovaw joqtlu lil Ġesù! Għalhekk Ġesù qalilhom: “Intom tagħmlu x-​xogħlijiet taʼ missierkom.” Bi tweġiba qalulu: “Aħna għandna Missier wieħed, Alla.”​—Ġwann 8:41.

3. X’qal Ġesù dwar missier il-​Fariżej?

3 Kien Alla tassew missierhom? Aċċettaha Alla l-​għamla taʼ reliġjon tagħhom? Xejn affattu! Avolja l-​Fariżej kellhom l-​Iskrittura u ħasbu li kienu qegħdin isegwuha, kienu ġew żvijati mix-​Xitan. U Ġesù dan qalulhom, billi qal: “Intom minn missierkom ix-​Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-​xewqat taʼ missierkom. Dak il-​wieħed kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-​verità, . . . huwa giddieb u missier il-​gidba.”​—Ġwann 8:44.

4. Ġesù kif kien iħares lejn ir-​reliġjon tal-​Fariżej?

4 Jidher ċar li r-​reliġjon tal-​Fariżej kienet falza. Qdiet l-​interessi tax-​Xitan, mhux t’Alla. Mela minflok ma qies ir-​reliġjon tagħhom bħala tajba, Ġesù kkundannaha. Hu qal lil dawk il-​Fariżej reliġjużi: “Intom tagħlqu s-​saltna tas-​smewwiet quddiem il-​bnedmin; għax intom infuskom ma tidħlux, u lanqas ma tippermettu lil dawk li deħlin biex jidħlu.” (Mattew 23:13) Minħabba l-​qima falza tagħhom, Ġesù sejjaħ lil dawk il-​Fariżej ipokriti u sriep velenużi. Minħabba l-​korsa ħażina tagħhom, hu qal li kienu fit-​triq tal-​qerda.​—Mattew 23:​25-33.

5. Ġesù kif wera li l-​ħafna reliġjonijiet m’humiex sempliċement toroq differenti li jwasslu għall-​istess post?

5 Mela Ġesù Kristu m’għallimx li r-​reliġjonijiet kollha huma sempliċement toroq differenti li jwasslu għall-​istess post taʼ salvazzjoni. Fil-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Idħlu mir-​rixtellu d-​dejjaq; għaliex wiesgħa u spazjuża hija t-​triq li tieħu għall-​qerda, u ħafna huma dawk li deħlin fiha; fil-​waqt li dejjaq huwa r-​rixtellu u marsusa t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma dawk li qegħdin isibuha.” (Mattew 7:​13, 14) Minħabba li jonqsu li jqimu ’l Alla bil-​mod it-​tajjeb, il-​biċċa l-​kbira tal-​bnedmin qegħdin fit-​triq għall-​qerda. Ftit biss huma dawk li qegħdin fit-​triq li twassal għall-​​ħajja.

6. X’nistgħu nitgħallmu jekk nagħtu ħarsa lejn il-​qima tal-​ġens taʼ Iżrael?

6 Ħarsa lejn il-​mod kif Alla mexa mal-​ġens taʼ Iżrael tagħmilha ċara kemm huwa importanti li nqimu ’l Alla bil-​mod li japprova hu. Alla wissa lill-​Iżraeliti biex iżommu ’l bogħod mir-​reliġjon falza tal-​ġnus taʼ madwarhom. (Dewteronomju 7:25) Dawk in-​nies issagrifikaw ’l uliedhom lill-​allat tagħhom, u ħadu sehem fi prattiċi sesswali maħmuġin, inkluża l-​omosesswalità. (Levitiku 18:​20-30) Alla kkmanda lill-​Iżraeliti biex jevitaw dawn il-​prattiċi. Meta m’obdewx u qiemu allat oħrajn, ikkastigahom. (Ġożwè 24:20; Isaija 63:10) Mela kien tassew jgħodd x’reliġjon kellhom.

RELIĠJON FALZA LLUM?

7, 8. (a) Ir-reliġjon liema pożizzjoni ħadet matul il-​gwerer dinjin? (b) Kif taħseb li jħossu Alla dwar dak li r-​reliġjon għamlet fi żmien taʼ gwerra?

7 Xi ngħidu dwar il-​mijiet taʼ reliġjonijiet illum? X’aktarx li int taqbel li ħafna affarijiet li jsiru f’isem ir-​reliġjon m’humiex approvati minn Alla. Matul il-​gwerer dinjin taʼ dan l-​aħħar, li miljuni taʼ nies ħajjin illum għaddew minnhom, ir-​reliġjonijiet fuq iż-​żewġ naħat inkuraġġew lin-​nies tagħhom biex joqtlu. “Oqtlu l-​Ġermaniżi​—tassew oqtluhom,” qal l-​isqof taʼ Londra. U, fuq in-​naħa l-​oħra, l-​arċisqof taʼ Cologne qal lill-​Ġermaniżi: “Aħna nikkmandawkom f’isem Alla, biex tiġġieldu sa l-​inqas qatra taʼ demmkom għall-​unur u l-​glorja tal-​pajjiż.”

8 Mela Kattoliċi qatlu lil Kattoliċi bl-​approvazzjoni tal-​mexxejja reliġjużi tagħhom, u l-​Protestanti għamlu l-​istess. Il-​membru tal-​kleru Harry Emerson Fosdick ammetta: “Saħansitra ġol-​knejjes tagħna poġġejna l-​bnadar tal-​gwerra . . . B’rokna waħda taʼ ħalqna faħħarna l-​Prinċep tal-​Paċi u bl-​oħra gglorifikajna l-​gwerra.” Kif taħseb li jħossu Alla dwar reliġjon li ssostni li tagħmel ir-​rieda tiegħu imma tigglorifika l-​gwerra?

9. (a) Kif ħassewhom ħafna nies dwar l-​atti kriminali mwettqin minn membri taʼ reliġjonijiet differenti? (b) Meta xi reliġjon tagħmel lilha nfisha parti mid-​dinja, xi rridu nikkonkludu?

9 Minħabba l-​atti kriminali li saru f’isem Alla mill-​membri taʼ ħafna reliġjonijiet differenti matul l-​istorja, miljuni taʼ nies illum tbiegħdu minn Alla u minn Kristu. Huma jwaħħlu f’Alla għall-​gwerer reliġjużi terribbli, bħal dawk bejn il-​Kattoliċi u l-​Musulmani magħrufin bħala l-​Kruċjati, il-​gwerer bejn il-​Musulmani u l-​Ħindu, u l-​gwerer bejn il-​Kattoliċi u l-​Protestanti. Isemmu l-​qtil tal-​Lhud f’isem Kristu, u l-​inkwiżizzjonijiet krudili tal-​Kattoliċi. Madankollu, avolja l-​mexxejja reliġjużi responsabbli għal dawn l-​atti kriminali orribbli sostnew li Alla kien Missierhom, ma kinux huma wlied ix-​Xitan l-​istess bħalma kienu l-​Fariżej li lilhom Ġesù kkundanna? Ladarba Satana huwa l-​alla taʼ din id-​dinja, m’għandniex aħna nistennew li huwa jikkontrolla wkoll ir-​reliġjonijiet ipprattikati min-​nies tad-​dinja?​—2 Korintin 4:4; Rivelazzjoni 12:9.

10. Liema huma xi affarijiet li twettqu f’isem ir-​reliġjon u li int ma tapprovax?

10 Bla dubju hemm ħafna affarijiet li jsiru f’isem ir-​reliġjon illum li int ma taħsibx li huma sewwa. Taʼ spiss tistaʼ tismaʼ dwar nies li għandhom modi taʼ ħajja mmorali ferm, imma li huma membri rispettabbli tal-​knejjes. Għandu mnejn saħansitra taf b’mexxejja reliġjużi li għandhom mod taʼ ħajja ħażin ferm, imma li xorta għadhom aċċettati bħala mexxejja reliġjużi tajbin fil-​knejjes tagħhom. Xi mexxejja reliġjużi qalu li l-​omosesswalità u r-​relazzjonijiet sesswali barra ż-​żwieġ m’humiex ħżiena. Imma int għandek mnejn taf li l-​Bibbja ma tgħidx hekk. Fil-​fatt, Alla kkastiga bil-​mewt lill-​poplu tiegħu Iżrael talli pprattika dawn l-​affarijiet. Għall-​istess raġuni qered lil Sodom u Gomorra. (Ġuda 7) Dalwaqt se jagħmel l-​istess lir-​reliġjon falza kollha tal-​lum. Fil-​Bibbja, reliġjon bħal din hija rrappreżentata bħala prostituta minħabba r-​relazzjonijiet immorali tagħha mas-​“slaten taʼ l-​art.”​—Rivelazzjoni 17:​1, 2, 16.

QIMA LI ALLA JAPPROVA

11. X’inhu meħtieġ biex il-​qima tagħna tkun aċċettabbli għal Alla?

11 Ladarba Alla ma japprovax ir-​reliġjonijiet kollha, għandna bżonn nistaqsu: ‘Qiegħed jien inqim ’l Alla bil-​mod li japprova hu?’ Kif nistgħu nkunu nafu jekk aħniex? Mhux xi bniedem, imma Alla, hu l-​imħallef taʼ x’inhi l-​vera qima. Mela biex il-​qima tagħna tkun aċċettabbli għal Alla, trid ikollha l-​għeruq tagħha mqabbdin sod fil-​Kelma taʼ verità t’Alla, il-​Bibbja. Għandna nħossuna l-​istess bħalma ħassu l-​kittieb tal-​Bibbja li qal: “Ħalli jkun Alla misjub veru, għalkemm kull bniedem jinstab giddieb.”​—Rumani 3:​3, 4.

12. Ġesù għala qal li l-​qima tal-​Fariżej ma kenitx approvata minn Alla?

12 Il-Fariżej taʼ l-​ewwel seklu ma ħasbuhiex hekk. Ħolqu t-​twemmin u t-​tradizzjonijiet tagħhom u mxew wara dawn minflok wara l-​Kelma t’Alla. B’liema riżultat? Ġesù qalilhom: “Intom għamiltu l-​kelma t’Alla invalida minħabba t-​tradizzjoni tagħkom. Ja ipokriti, sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, meta qal, ‘Dan il-​poplu jonorani b’xofftejhom, madankollu qalbhom hija mbiegħda minni. Huwa għalxejn li jibqgħu jqimuni, għaliex jgħallmu kmandi tal-​bnedmin bħala duttrini.’” (Mattew 15:​1-9; Isaija 29:13) Mela jekk irridu l-​approvazzjoni t’Alla, huwa neċessarju li nkunu ċerti li dak li nemmnu huwa fi qbil mat-​tagħlim tal-​Bibbja.

13. Ġesù x’qal li rridu nagħmlu biex inkunu approvati minn Alla?

13 M’huwiex biżżejjed li ngħidu li nemmnu fi Kristu u mbagħad nagħmlu dak li naħsbu aħna li huwa tajjeb. Huwa assolutament neċessarju li nsibu x’inhi r-​rieda t’Alla dwar dan. Ġesù wera dan fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja meta qal: “Mhux kulmin qiegħed jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ se jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet, imma l-​wieħed li qiegħed jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet se jidħol.”​—Mattew 7:21.

14. Ġesù għala jistaʼ jqisna bħala “ħaddiema taʼ l-​illegalità” avolja nkunu qegħdin nagħmlu “għemejjel tajbin”?

14 Nistgħu saħansitra nkunu qegħdin nagħmlu affarijiet li nemmnu li huma “għemejjel tajbin,” u nkunu qegħdin nagħmluhom f’isem Kristu. Madankollu dawn kollha jkunu bla siwi jekk inkunu nqasna li nagħmlu r-​rieda t’Alla. Inkunu fil-​pożizzjoni taʼ dawk li Kristu mbagħad isemmi: “Ħafna se jgħiduli f’dak il-​jum, ‘Mulej, Mulej, ma pprofetizzajniex f’ismek, u keċċejna demonji f’ismek, u wettaqna ħafna xogħlijiet potenti f’ismek?’ U madankollu mbagħad se nistqarrilhom: Jien qatt ma kont nafkom! Morru lil hinn minni, intom ħaddiema taʼ l-​illegalità.” (Mattew 7:​22, 23) Iva, nistgħu nkunu qegħdin nagħmlu affarijiet li aħna naħsbu li huma tajbin​—u li għalihom bnedmin oħrajn jistgħu jirringrazzjawna u saħansitra jfaħħruna—​imma jekk ma nagħmlux dak li Alla jgħid li huwa sewwa se nitqiesu minn Ġesù Kristu bħala “ħaddiema taʼ l-​illegalità.”

15. Il-korsa li ħadu n-​nies taʼ Berea tal-​qedem għala hija waħda għaqlija għalina biex nimxu warajha?

15 Ladarba ħafna reliġjonijiet illum m’humiex qegħdin jagħmlu r-​rieda t’Alla, ma nistgħux sempliċement nassumu li t-​tagħlim taʼ l-​organizzazzjoni reliġjuża li aħna assoċjati magħha huwa fi qbil mal-​Kelma t’Alla. Is-​sempliċi fatt li l-​Bibbja tintuża minn xi reliġjon ma jagħtix prova minnu nnifsu li l-​affarijiet kollha li din tgħallem u tipprattika huma fil-​Bibbja. Huwa importanti li aħna stess neżaminaw jekk humiex jew le. Nies fil-​belt taʼ Berea kienu mfaħħrin għax, wara li l-​appostlu Kristjan Pawlu ppridkalhom, flew l-​Iskrittura biex ikunu ċerti li dak li kien qiegħed jgħidilhom kien minnu. (Atti 17:​10, 11) Ir-​reliġjon li hija approvata minn Alla trid taqbel f’kollox mal-​Bibbja; m’hijiex se taċċetta ċerti partijiet mill-​Bibbja u tirrifjuta partijiet oħrajn.​—2 Timotew 3:16.

IS-​SINĊERITÀ WAĦEDHA M’HIJIEX BIŻŻEJJED

16. X’qal Ġesù biex juri li s-​sinċerità waħedha m’hijiex biżżejjed biex wieħed ikun approvat minn Alla?

16 Imma xi ħadd jistaʼ jistaqsi: ‘Jekk wieħed ikun sinċier fit-​twemmin tiegħu, ma japprovahx Alla saħansitra jekk ir-​reliġjon tiegħu hija ħażina?’ Sewwa, Ġesù qal li ma kienx se japprova lil “ħaddiema taʼ l-​illegalità” avolja dawn jemmnu li qegħdin jagħmlu s-​sewwa. (Mattew 7:​22, 23) Mela s-​sinċerità waħedha ma tkun approvata lanqas minn Alla. Darba waħda Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Ġejja s-​siegħa meta kulmin joqtolkom se jimmaġina li jkun ta servizz sagru ’l Alla.” (Ġwann 16:2) Qattelin bħal dawn taʼ Kristjani jistgħu sinċerament jemmnu li kienu b’hekk qegħdin jaqdu ’l Alla, imma b’mod ċar li ma kinux. Alla ma japprovax dak li għamlu.

17. Avolja Pawlu kien sinċier, x’għamel qabel ma sar Kristjan?

17 Qabel ma sar Kristjan, l-​appostlu Pawlu għen fil-​qtil taʼ Stiefnu. Iktar tard, fittex modi kif setaʼ joqtol iktar Kristjani. (Atti 8:1; 9:​1, 2) Pawlu spjega: “[I]żżejjed bqajt nippersegwita lill-​kongregazzjoni t’Alla u nħarbatha, u kont qiegħed nagħmel progress akbar fil-​Ġudaiżmu minn ħafna taʼ mpari fir-​razza tiegħi, billi kont ħafna iktar żeluż għat-​tradizzjonijiet taʼ missirijieti.” (Galatin 1:​13, 14) Iva, Pawlu kien sinċier, imma dan m’għamilx lir-​reliġjon tiegħu sewwa.

18. (a) Liema kienet ir-​reliġjon taʼ Pawlu meta ppersegwita lill-​Kristjani? (b) Pawlu u oħrajn fi żmienu għala kellhom bżonn jibdlu r-​reliġjon tagħhom?

18 F’dak iż-​żmien, Pawlu kien membru tas-​sistema reliġjuża Lhudija, li kienet ċaħdet lil Ġesù Kristu, u għalhekk hija, mill-​banda l-​oħra, ġiet miċħuda minn Alla. (Atti 2:36, 40; Proverbji 14:12) Mela biex jikseb l-​approvazzjoni t’Alla Pawlu kellu bżonn li jibdel ir-​reliġjon tiegħu. Hu kiteb ukoll dwar oħrajn li kellhom “żelu għal Alla”​—li kienu sinċieri imma ma kellhomx l-​approvazzjoni t’Alla minħabba li r-​reliġjon tagħhom ma kenitx ibbażata fuq għarfien eżatt taʼ l-​iskopijiet t’Alla.​—Rumani 10:​2, 3.

19. Liema ħaġa turi li l-​verità ma tippermettix kwalitajiet differenti taʼ duttrina reliġjuża?

19 Il-verità m’hijiex se tippermetti dawn il-​forom differenti kollha taʼ duttrina reliġjuża fid-​dinja. Per eżempju, jew il-​bnedmin għandhom ruħ li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt tal-​ġisem jew m’għandhomx. Jew l-​art se tibqaʼ għal dejjem jew m’hijiex. Jew Alla se jġib il-​​ħażen fi tmiem jew mhux. Dawn u ħafna twemmin ieħor huma jew tajbin inkella ħżiena. Ma jistax ikun hemm żewġ tipi taʼ verità meta wieħed ma jaqbilx maʼ l-​ieħor. Jew wieħed inkella l-​ieħor huwa veru, imma mhux it-​tnejn. Li sinċerament temmen ħaġa, u li tipprattika dak it-​twemmin, m’humiex se jagħmluh tajjeb jekk fil-​fatt huwa ħażin.

20. Rigward ir-​reliġjon, kif nistgħu nsegwu “l-​mappa tat-​toroq” it-​tajba?

20 Kif għandek tħossok jekk tingħata prova li dak li temmen huwa ħażin? Per eżempju, nagħmlu mod li qiegħed f’karozza, u sejjer għall-​ewwel darba f’ċertu post. Għandek mappa tat-​toroq, imma ma ħadtx il-​ħin biex teżaminaha bir-​reqqa. Xi ħadd qallek liema triq għandek taqbad. Int tafdah, billi sinċerament temmen li t-​triq li wriek hija tajba. Imma nissoponu li m’hijiex. Nagħmlu mod li xi ħadd jurik l-​iżball. Xi ngħidu kieku hu, billi jirreferi għall-​mappa tiegħek stess, jurik li qbadt triq żbaljata? Sejra s-​suppervja jew l-​ebusija tar-​ras iżżommok milli tammetti li qiegħed fit-​triq żbaljata? Sewwa, allura, jekk teżamina l-​Bibbja tiegħek u ssib li miexi fi triq reliġjuża żbaljata, kun lest li tinbidel. Evita t-​triq il-​wiesgħa li twassal għall-​qerda; idħol fit-​triq id-​dejqa li twassal għall-​​ħajja!

LI WIEĦED JAGĦMEL IR-​RIEDA T’ALLA HUWA NEĊESSARJU

21. (a) Flimkien maʼ li nkunu nafu l-​verità, x’inhu neċessarju? (b) X’se tagħmel int jekk issir taf li Alla ma japprovax ċerti affarijiet li qiegħed tagħmel?

21 Huwa importanti li tkun taf il-​veritajiet tal-​Bibbja. Madankollu dan l-​għarfien huwa bla siwi jekk int ma tqimx ’l Alla fil-​verità. (Ġwann 4:24) Li tipprattika l-​verità, li tagħmel ir-​rieda t’Alla, huwa dak li jgħodd. “Fidi mingħajr xogħlijiet hija mejta,” tgħid il-​Bibbja. (Ġakbu 2:26) Biex togħġob ’l Alla, allura, ir-​reliġjon tiegħek mhux biss trid tkun fi qbil sħiħ mal-​Bibbja imma wkoll trid tiġi applikata f’kull attività tal-​​ħajja. Għalhekk, jekk tintebaħ li qiegħed tagħmel dak li Alla jgħid li huwa ħażin, se tkun trid tinbidel?

22. X’benefiċċji nistgħu ngawdu issa u fil-​futur, jekk nipprattikaw il-​vera reliġjon?

22 Hemm barkiet kbar maħżunin għalik jekk tagħmel ir-​rieda t’Alla. Se tibbenefika saħansitra issa. Li tipprattika l-​vera reliġjon se jagħmlek bniedem aħjar​—raġel aħjar, missier aħjar, mara aħjar, omm aħjar, sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ aħjar, tifel jew tifla aħjar. Se jipproduċi fik kwalitajiet li jogħġbu ’l Alla li se jagħmluk tispikka fost oħrajn minħabba li tagħmel dak li huwa sewwa. Imma saħansitra iktar minn hekk, ikun ifisser li int tkun f’qagħda li tirċievi l-​barkiet taʼ ħajja taʼ dejjem f’hena u saħħa perfetta fuq l-​art ġdida t’Alla magħmula ġenna. (2 Pietru 3:13) M’hemmx dubju dwar dan​—tassew li jgħodd x’reliġjon għandek!

[Stampa f’paġna 25]

Kienu l-​mexxejja reliġjużi li kienu qegħdin jipprovaw joqtlu lil Ġesù qegħdin jaqdu ’l Alla?

[Stampi f’paġna 26, 27]

Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies qegħdin fit-​triq il-​wiesgħa li twassal għall-​​qerda, qal Ġesù. Ftit biss qegħdin fit-​triq id-​dejqa li twassal għall-​​ħajja

[Stampa f’paġna 28, 29]

“Huma pubblikament jiddikjaraw li jafu ’l Alla, imma jiċħduh bix-​xogħlijiet tagħhom.”​—Titus 1:16.

Bil-​Kliem

Bil-​Fatti

[Stampa f’paġna 30]

Minħabba differenza fir-​reliġjon, Pawlu ħa sehem fit-​tħaġġir tad-​dixxiplu taʼ Kristu, Stiefnu

[Stampa f’paġna 33]

Kieku kont fit-​triq żbaljata, kienet is-​suppervja jew l-​ebusija tar-​ras iżżommok milli tammetti dan?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja