LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lv kap. 16 pp. 183-195
  • Opponi lix-Xitan u t-Tnassis Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Opponi lix-Xitan u t-Tnassis Tiegħu
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IX-​XITAN “IĦUF BĦAL ILJUN JGĦAJJAT”
  • ‘NISSARAW KONTRA L-​FORZI TAʼ L-​ISPIRTI MILL-​AGĦAR’
  • L-​IPPRATTIKAR TAʼ L-​ISPIRITIŻMU—ATT TAʼ TRADIMENT
  • IQAJJEM MISTOQSIJIET BIEX JOĦLOQ DUBJI
  • JIPPROFITTA RUĦU MIX-​XEWQAT U L-​BŻONNIJIET TAGĦNA
  • META L-​ISTEJJER DWAR ID-​DEMONJI JOKTRU
  • Aċċetta l-għajnuna taʼ Ġeħova biex tirreżisti spirti mill-agħar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Min Hu X-Xitan?
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Irreżisti lix-Xitan
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
lv kap. 16 pp. 183-195

Kapitlu 16

Opponi lix-​Xitan u t-​Tnassis Tiegħu

“Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.” —ĠAKBU 4:7.

1, 2. Għal min huma taʼ ferħ l-​okkażjonijiet tal-​magħmudija?

JEKK ilek taqdi lil Ġeħova għal għaxriet taʼ snin, x’aktarx li smajt diversi taħditiet tal-​magħmudija fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tagħna. Però, minkejja li kont preżenti kemm-il darba f’okkażjonijiet bħal dawn, x’aktarx li għadek titqanqal kull darba li tara lil dawk bil-​qiegħda fuq quddiem taʼ l-​awditorju jqumu bil-​wieqfa biex jippreżentaw lilhom infushom għall-​magħmudija. F’dak il-​ħin, tqum għagħa t’eċċitament fost l-​udjenza kollha, segwita minn ċapċip qawwi u mill-​qalb. Jistaʼ jkun li għajnejk jimtlew bid-​dmugħ hekk kif tħares lejn grupp ieħor taʼ individwi prezzjużi li ħadu waqfa fuq in-​naħa taʼ Ġeħova. X’ferħ inħossu f’okkażjonijiet bħal dawn!

2 Waqt li aħna għandna mnejn nosservaw xi magħmudija ftit drabi fis-​sena fil-​lokalità tagħna, l-​anġli għandhom il-​privileġġ li josservawhom ħafna iktar spiss. Tistaʼ timmaġina kemm ikun hemm “ferħ fis-​sema” hekk kif jaraw eluf taʼ individwi madwar id-​dinja jiżdiedu mal-​parti viżibbli taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kull ġimgħa? (Luqa 15:7, 10) Bla dubju, l-​anġli jħossuhom ferħanin ħafna li josservaw din iż-​żjieda!—Ħaggaj 2:7.

IX-​XITAN “IĦUF BĦAL ILJUN JGĦAJJAT”

3. Satana għala jħuf “bħal iljun jgħajjat,” u xi jrid jagħmel?

3 Madankollu, b’kuntrast qawwi hemm ħlejjaq spirti li josservaw dawn il-​magħmudijiet b’korla. Satana u d-​demonji jindannaw meta jaraw eluf taʼ nies jagħtu daharhom lil din id-​dinja korrotta. Wara kollox, Satana ftaħar li ebda bniedem ma jaqdi lil Ġeħova bi mħabba sinċiera u li ħadd ma jibqaʼ leali taħt provi ebsin. (Ġob 2:4, 5) Kull darba li xi ħadd jitqanqal biex jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova, Satana joħroġ taʼ giddieb. Huwa bħallikieku Satana jaqlaʼ eluf taʼ daqqiet taʼ ħarta ġo wiċċu kull ġimgħa tas-​sena. Mhux taʼ b’xejn “iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd”! (1 Pietru 5:8) Dan l-​“iljun” jinsab ħerqan biex jiblagħna spiritwalment, billi jġegħelna nagħmlu l-​ħsara lir-​relazzjoni tagħna m’Alla jew saħansitra nkissruha.—Salm 7:1, 2; 2 Timotju 3:12.

4, 5. (a) Ġeħova llimita l-​influwenza taʼ Satana b’liema żewġ modi importanti? (b) Kristjan veru minn xiex jistaʼ jkun ċert?

4 Minkejja li niffaċċjaw għadu feroċi, m’għandniex għalfejn inħossuna maħkumin mill-​biżaʼ. Għala le? Għax Ġeħova llimita l-​qawwa taʼ dan l-​“iljun jgħajjat” b’żewġ modi importanti. X’inhuma? L-​ewwelnett, Ġeħova bassar li “folla kbira” taʼ Kristjani veri se jsalvaw mit-​“tribulazzjoni l-​kbira” li riesqa. (Rivelazzjoni 7:9, 14) Il-​profeziji t’Alla qatt ma jfallu. Għalhekk, anki Satana bilfors jaf li qatt m’hu se jirnexxilu jaqbad il-​poplu t’Alla bħala grupp f’nassa.

5 It-​tieni restrizzjoni nistgħu nsibuha f’verità bażika li lissen wieħed mill-​irġiel leali t’Alla li għex fil-​qedem. Il-​profeta Għażarija qal lis-​Sultan Asa: “Ġeħova jkun magħkom sakemm intom tkunu miegħu.” (2 Kronaki 15:2; 1 Korintin 10:13) Diversi eżempji mniżżlin bil-​miktub juru li fil-​passat Satana qatt ma rnexxielu jiblaʼ lil xi ħadd mill-​qaddejja t’Alla li baqaʼ qrib lejn Alla. (Ebrej 11:4-40) Illum, Kristjan li jibqaʼ qrib lejn Alla jkun kapaċi jopponi u anki jirbaħ lix-​Xitan. Fil-​fatt, il-​Kelma t’Alla tassigurana: “Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—Ġakbu 4:7.

‘NISSARAW KONTRA L-​FORZI TAʼ L-​ISPIRTI MILL-​AGĦAR’

6. Satana kif jiġġieled kontra Kristjani individwali?

6 Satana ma jistax jirbaħ il-​gwerra, biex ngħidu hekk, imma hu jistaʼ jfieri lil xi wħud minna bħala individwi jekk aħna ma nibqgħux għassa. Satana jaf li hu jistaʼ jiblagħna jekk hu jdgħajjef ir-​rabta tagħna maʼ Ġeħova. Satana kif jipprova jwettaq dan? Billi jattakkana b’mod qawwi, persunali, u makakk. Ejja nikkunsidraw dawn l-​istrateġiji prinċipali taʼ Satana.

7. Satana għala qed jattakka n-​nies taʼ Ġeħova b’mod qawwi?

7 Attakki qawwijin. L-​appostlu Ġwanni qal: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Dan il-​kliem fih twissija għall-​Kristjani veri kollha. Ladarba Satana diġà belaʼ d-​dinja kollha taʼ l-​umanità li ċaħdet lil Alla, hu issa jistaʼ jiffoka u jintensifika l-​attakki tiegħu fuq dawk li s’issa rnexxielhom jaħarbulu—in-​nies taʼ Ġeħova. (Mikea 4:1; Ġwanni 15:19; Rivelazzjoni 12:12, 17) Hu għandu rabja kbira għax jaf li ftit baqagħlu żmien. Għalhekk, żied il-​pressjoni. Illum qed niffaċċjaw l-​aħħar dagħdigħa tiegħu taʼ salvaġġiżmu u qerda. Minħabba f’hekk, issa iktar minn qatt qabel, għandna bżonn ‘nagħrfu ż-​żminijiet ħalli nkunu nafu xi jmissna nagħmlu.’—1 Kronaki 12:32.

8. L-​appostlu Pawlu xi jrid ifisser meta jgħid li għandna ‘nissaraw’ kontra l-​ispirti mill-​agħar?

8 L-​issarâr persunali. L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani sħabu: ‘Aħna nissaraw kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar fil-​postijiet tas-​sema.’ (Efesin 6:12) Pawlu għala uża t-​terminu ‘ssarâr’? Għaliex dan jagħti l-​idea taʼ ssarâr bl-​idejn u ġlied frontali. Għalhekk, billi uża dan it-​terminu, Pawlu enfasizza li lkoll kemm aħna għandna ġlieda persunali maʼ spirti mill-​agħar. Kemm jekk ngħixu f’pajjiż fejn it-​twemmin fl-​ispirti mill-​agħar huwa komuni u kemm jekk le, qatt m’għandna ninsew li meta ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova, aħna bdejna ġlieda figurattiva. Minn taʼ l-​inqas, mid-​dedikazzjoni ’l quddiem, kull Kristjan ma jistax jaħrab il-​fatt li qiegħed f’din il-​ġlieda. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ra l-​bżonn li jħeġġeġ lill-​Kristjani f’Efesu għal tliet darbiet biex ‘iżommu sod’!—Efesin 6:11, 13, 14.

9. (a) Satana u d-​demonji għala jużaw “tnassis” differenti? (b) Satana għala jipprova jikkorrompi l-​ħsibijiet tagħna, u kif nistgħu nirreżistu l-​isforzi tiegħu? (Ara l-​kaxxa f’paġni 192-3.) (ċ) Liema tnassis se nikkunsidraw issa?

9 Metodi makakki. Pawlu jwissi lill-​Kristjani biex iżommu sod kontra “t-​tnassis” taʼ Satana. (Efesin 6:11) Innota li Pawlu juża l-​plural. L-​ispirti mill-​agħar ma jużawx metodu makakk wieħed imma diversi metodi—u bir-​raġun. Maż-​żmien, xi wħud li jemmnu u li żammew sod kontra xi prova ċedew meta ffaċċjaw oħra differenti. Għalhekk, ix-​Xitan u d-​demonji josservaw mill-​qrib l-​imġiba taʼ kull wieħed minna biex jaraw fejn aħna l-​iktar dgħajfin. Imbagħad jieħdu vantaġġ minn kwalunkwe dgħjufija spiritwali li jistaʼ jkollna. Però, b’ferħ aħna nistgħu nindunaw b’ħafna mill-​metodi tax-​Xitan, għax huma rivelati fil-​Bibbja. (2 Korintin 2:11) Iktar kmieni f’din il-​pubblikazzjoni, aħna ddiskutejna xi ftit minn dawn il-​metodi bħall-​ġibda tal-​materjaliżmu, is-​sħubija li tagħmel il-​ħsara, u l-​immoralità sesswali. Issa ejja nikkunsidraw tnassis ieħor minn taʼ Satana—l-​ispiritiżmu.

L-​IPPRATTIKAR TAʼ L-​ISPIRITIŻMU—ATT TAʼ TRADIMENT

10. (a) X’inhu l-​ispiritiżmu? (b) Ġeħova kif iqis l-​ispiritiżmu, u int kif tqisu?

10 Wieħed li jipprattika l-​ispiritiżmu, jew id-​demoniżmu, jagħmel kuntatt dirett maʼ spirti mill-​agħar. It-​teħbir, il-​maġija, il-​magħmul, u l-​komunikazzjoni mal-​mejtin huma xi forom taʼ spiritiżmu. Bħalma nafu tajjeb, Ġeħova jqis l-​ispiritiżmu bħala “xi ħaġa mistkerrha.” (Dewteronomju 18:10-12; Rivelazzjoni 21:8) Ladarba aħna wkoll irridu ‘nistmerru dak li hu ħażin,’ ma jgħaddilniex minn moħħna li qatt xi darba se nfittxu l-​kumpanija tal-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar. (Rumani 12:9) X’att taʼ tradiment mistmerr ikun dan kontra Missierna tas-​sema, Ġeħova!

11. Għala tkun rebħa kbira għal Satana jekk iħajjarna nduru għall-​ispiritiżmu? Agħti tixbiha.

11 Madankollu, għall-​istess raġuni li l-​indħil fl-​ispiritiżmu huwa tradiment moqżież kontra Ġeħova, Satana hu determinat li jdaħħal lil xi wħud minna fih. Kull darba li jħajjar Kristjan biex idur għad-​demoniżmu, Satana jikseb rebħa kbira. Għala? Aħseb dwar dan ix-​xebh: Jekk suldat jistaʼ jiġi perswadut biex jitlaq u jittradixxi l-​armata tiegħu u jingħaqad mal-​forzi taʼ l-​għadu, il-​kmandant taʼ l-​għadu żgur li jieħu pjaċir. Għandu mnejn saħansitra jiftaħar bit-​traditur bħallikieku kien xi trofew, sabiex jinsulta l-​kmandat taʼ l-​armata li qabel kien taħtha s-​suldat. B’mod simili, jekk Kristjan idur għall-​ispiritiżmu, hu bil-​ħsieb ikun qed jitlaq lil Ġeħova minn jeddu u jpoġġi lilu nnifsu direttament taħt il-​kmand taʼ Satana. Immaġina xi pjaċir ikun għal Satana biex jiftaħar b’dak it-​traditur bħala trofew tal-​gwerra! Irid xi ħadd minna jagħti lix-​Xitan rebħa bħal din? Dażgur li le! Aħna m’aħniex tradituri.

IQAJJEM MISTOQSIJIET BIEX JOĦLOQ DUBJI

12. Liema metodu juża Satana biex jinfluwenza l-​ħarsa tagħna lejn l-​ispiritiżmu?

12 Sakemm nistmerru l-​ispiritiżmu, Satana mhux se jirnexxilu jużah kontrina. Għalhekk, jaf li jrid ibiddel il-​mod kif naħsbu. Kif? Hu jfittex modi kif iħawwad lill-​Kristjani sal-​punt li xi wħud jaħsbu li “t-​tajjeb hu ħażin u l-​ħażin hu tajjeb.” (Isaija 5:20) Sabiex jagħmel dan, Satana spiss juża wieħed mill-​metodi li ilu juża żmien twil—iqajjem mistoqsijiet biex joħloq dubji.

13. Satana kif uża l-​metodu taʼ li jqajjem mistoqsijiet biex joħloq dubji?

13 Innota kif Satana uża dan il-​metodu fil-​passat. Fl-​Għeden hu staqsa lil Eva: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-​ġnien?” Fi żmien Ġob, waqt laqgħa taʼ l-​anġli fis-​sema, Satana qajjem il-​mistoqsija: “Huwa għalxejn li Ġob jibżaʼ minn Alla?” U fil-​bidu tal-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, Satana sfida lil Kristu billi qal: “Jekk int bin Alla, għid lil dan il-​ġebel isir ħobż.” Immaġina—fil-​każ taʼ Ġesù, Satana ssogra jwaqqaʼ għaċ-​ċajt il-​kliem li Ġeħova nnifsu kien uża xi sitt ġimgħat qabel: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt”!—Ġenesi 3:1; Ġob 1:9; Mattew 3:17; 4:3.

14. (a) Satana kif juża l-​metodu tiegħu li joħloq inċertezzi rigward l-​ispiritiżmu? (b) X’se nikkunsidraw issa?

14 Illum, ix-​Xitan juża metodu simili biex jipprova joħloq inċertezzi dwar il-​ħażen taʼ l-​ispiritiżmu. B’sogħba, hu rnexxielu jqajjem id-​dubji fl-​imħuħ taʼ xi wħud minn ħutna. Huma bdew iqajmu mistoqsijiet dwar jekk ċerti forom taʼ spiritiżmu humiex verament daqshekk ħżiena. F’ċertu sens, qed jaħsbu, ‘Veru?’ (2 Korintin 11:3) Kif nistgħu ngħinu lil dawn l-​uħud jaġġustaw il-​ħsieb tagħhom? Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​metodi taʼ Satana ma jirnexxilhomx jinfluwenzawna? Biex inwieġbu, ejja nikkunsidraw żewġ oqsma fil-​ħajja li bit-​tattika Satana tebbaʼ b’elementi spiritistiċi. Dawn huma d-​divertiment u l-​kura tas-​saħħa.

JIPPROFITTA RUĦU MIX-​XEWQAT U L-​BŻONNIJIET TAGĦNA

15. (a) Ħafna fid-​dinja tal-​Punent kif iqisuh l-​ispiritiżmu? (b) Xi Kristjani kif ġew influwenzati mill-​mod kif id-​dinja tħares lejn l-​ispiritiżmu?

15 Speċjalment fid-​dinja tal-​Punent, l-​okkult, is-​seħer, u forom oħra taʼ l-​ispiritiżmu qed jittieħdu ħafif ħafif. Films, kotba, programmi tat-​televixin, u logħob tal-​kompjuter qed iżidu f’li jpinġu prattiki demonistiċi bħala li huma taʼ divertiment, taʼ ċerta intelliġenza, u bla ħsara. Xi films u kotba li jiffokaw l-​istorja fuq l-​okkult tant saru popolari li l-​ammiraturi organizzaw klabbs għalihom. Biċ-​ċar, id-​demonji rnexxielhom iġibu l-​perikli taʼ l-​okkult fix-​xejn. Ġew influwenzati l-​Kristjani minn din it-​tendenza li l-​ispiritiżmu jitqies bla periklu? Il-​ħsieb taʼ xi wħud ġie effettwat. B’liema mod? Biex nagħtu eżempju komuni, wara li Kristjan ra film li kien fuq l-​okkult, hu qal, “Jien rajtu l-​film, imma ma pprattikajtx l-​ispiritiżmu.” Dan it-​tip taʼ rraġunar għala huwa perikoluż?

16. Għala hu taʼ periklu li nagħżlu divertiment li jiffoka fuq prattiki taʼ l-​okkult?

16 Għalkemm hemm differenza bejn li attwalment tipprattika l-​ispiritiżmu u li tarah, dan żgur ma jfissirx li jekk tara prattiki taʼ l-​okkult mhux se jkun hemm periklu. Għala le? Ikkunsidra dan: Il-​Kelma t’Alla tindika li la Satana u lanqas id-​demonji tiegħu m’għandhom l-​abbiltà li jaqraw il-​ħsibijiet tagħna.a B’hekk, bħalma ssemma diġà, biex isiru jafu x’aħna naħsbu u biex jaqbdu kwalunkwe dgħjufija spiritwali fina, l-​ispirti mill-​agħar iridu josservaw mill-​qrib l-​azzjonijiet tagħna—inkluż l-​għażla tagħna taʼ divertiment. Meta l-​imġiba taʼ Kristjan turi li hu jieħu pjaċir b’films u b’kotba li jiffokaw fuq medji taʼ l-​ispirti, seħer, atti taʼ wħud maħkumin mid-​demonji, jew suġġetti demonistiċi simili, dan il-​Kristjan ikun qed jiftaħ il-​bieb għad-​demonji. F’ċertu sens, ikun qed jurihom id-​dgħjufija tiegħu! Bi tweġiba, id-​demonji jistgħu jintensifikaw l-​issarâr tagħhom maʼ dan il-​Kristjan sabiex jipprofittaw ruħhom mid-​dgħjufija li hu wera sakemm isammruh maʼ l-​art, biex ngħidu hekk. Fil-​fatt, xi wħud li għall-​ewwel interessaw ruħhom fl-​ispiritiżmu għax għelbithom il-​kurżità u raw divertiment li ffoka fuq l-​okkult, maż-​żmien involvew ruħhom attwalment fl-​ipprattikar taʼ l-​ispiritiżmu.—Galatin 6:7.

17. Permezz taʼ liema tnassis jistaʼ Satana jipprofitta ruħu minn dawk l-​uħud morda?

17 Satana jipprova jipprofitta ruħu mhux biss mix-​xewqa tagħna għal divertiment imma wkoll mill-​bżonn tagħna għall-​kura tas-​saħħa. Kif? Kristjan li s-​saħħa tiegħu qed tonqoslu minkejja diversi attentati biex isib kura jistaʼ jħossu bla tama. (Marku 5:25, 26) Dan jistaʼ jagħti lil Satana u lid-​demonji opportunità favorevoli biex jipprofittaw ruħhom minnu. Jafu tajjeb li l-​Kelma t’Alla twissina kontra li nfittxu “l-​għajnuna taʼ dawk li jipprattikaw il-​ħsara.” (Isaija 31:2) Biex iġiegħlu lil xi Kristjan imur kontra din it-​twissija, id-​demonji jistgħu jħajru lil xi ħadd marid biex b’mod iddisprat idur għal kura u proċeduri li jinvolvu l-​użu taʼ “qawwa maġika,” jew spiritiżmu—xi ħaġa li verament tagħmel il-​ħsara. Jekk dan it-​tnassis tad-​demonji jirnexxi, jistaʼ jdgħajjef ir-​relazzjoni tal-​marid m’Alla. B’liema mod?

18. Liema tipi taʼ proċeduri għandu jirrifjuta Kristjan, u għala?

18 Ġeħova avża lill-​Israelin li kienu daru għall-​“qawwa maġika”: “Meta tiftħu idejkom, jien naħbi għajnejja minnkom. Avolja tgħidu ħafna talb, m’iniex nismaʼ.” (Isaija 1:13, 15) M’għandniex xi ngħidu, irridu dejjem nevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tfixkel it-​talb tagħna u tnaqqas l-​appoġġ li nirċievu mingħand Ġeħova—u dan għandna nagħmluh saħansitra iktar matul perijodu taʼ mard. (Salm 41:3) Għalhekk, jekk hemm indikazzjonijiet li ċerta proċedura dijanjostika jew kura terapewtika jistaʼ jkun fiha xi elementi spiritistiċi, il-​Kristjan veru għandu jirrifjutaha.b (Mattew 6:13) B’dan il-​mod, żgur li se jibqaʼ jkollu l-​appoġġ taʼ Ġeħova.—Ara l-​kaxxa “Huwa Dan Tassew Spiritiżmu?” f’paġna 194.

META L-​ISTEJJER DWAR ID-​DEMONJI JOKTRU

19. (a) Ix-​Xitan, b’mod qarrieq, x’ġiegħel lil ħafna jemmnu dwar il-​qawwa tiegħu? (b) Liema stejjer għandhom jevitaw il-​Kristjani veri?

19 Filwaqt li ħafna nies f’pajjiżi tal-​Punent inaqqsu mill-​periklu tal-​qawwa taʼ Satana, f’pajjiżi oħrajn madwar id-​dinja jsir l-​oppost. Hemmhekk ix-​Xitan qarraq b’ħafna billi ġegħelhom jemmnu li hu għandu iktar qawwa milli tassew għandu. Xi nies jgħixu, jieklu, jaħdmu, u jorqdu mbeżżgħin mill-​ispirti mill-​agħar. Stejjer dwar atti setgħana tad-​demonji jinsabu kullimkien. In-​nies jieħdu gost jirrakkontaw stejjer bħal dawn; oħrajn iħossuhom affaxxinati bihom. Għandna nieħdu sehem f’tixrid taʼ stejjer bħal dawn? Le, il-​qaddejja taʼ l-​Alla l-​veru jevitaw li jagħmlu dan għal żewġ raġunijiet importanti.

20. Wieħed kif jistaʼ jxerred il-​propaganda taʼ Satana forsi mingħajr ma jkun jaf?

20 L-​ewwel, billi jxerred stejjer dwar dak li jirnexxilhom jagħmlu d-​demonji, wieħed ikun qed jippromwovi l-​interessi taʼ Satana. Kif? Il-​Kelma t’Alla tikkonferma li Satana huwa kapaċi jwettaq għemejjel setgħana, imma twissi wkoll li hu juża “sinjali giddibin” u “qerq.” (2 Tessalonikin 2:9, 10) Ladarba Satana huwa l-​qarrieq il-​kbir, hu jaf kif jinfluwenza l-​imħuħ taʼ dawk li huma inklinati lejn l-​ispiritiżmu u kif iġegħelhom jemmnu affarijiet li m’humiex veri. Uħud bħal dawn għandhom mnejn jemmnu sinċerament li raw u semgħu ċerti affarijiet u forsi jirrakkontaw l-​esperjenzi tagħhom bħala li huma minnhom. Maż-​żmien, l-​istejjer tagħhom ġew esaġerati minħabba li ntqalu darba wara l-​oħra. Kieku Kristjan kellu jxerred stejjer bħal dawn, ikun f’ċertu sens qed jagħmel ir-​rieda tax-​Xitan—“missier il-​gidba.” Ikun qed ixerred il-​propaganda taʼ Satana.—Ġwanni 8:44; 2 Timotju 2:16.

21. Fuq xiex irridu niffokaw il-​konversazzjonijiet tagħna?

21 It-​tieni, anki jekk Kristjan verament kellu kuntatt maʼ spirti mill-​agħar fil-​passat, hu jżomm lura milli jirripeti dawn l-​istejjer lil sħabu fit-​twemmin biex jieħdu gost bihom. Għala? Aħna mwissijin: ‘Ħares fiss lejn Ġesù, l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.’ (Ebrej 12:2) Iva, aħna rridu niffokaw l-​attenzjoni tagħna fuq Kristu, mhux fuq Satana. Taʼ min jinnota li waqt li kien fuq l-​art, Ġesù ma qagħadx jirrakkonta stejjer lid-​dixxipli tiegħu dwar l-​ispirti mill-​agħar għall-​gost, għalkemm setaʼ jgħid ħafna dwar dak li Satana setaʼ jagħmel jew ma jagħmilx. Minflok, Ġesù ffoka fuq il-​messaġġ tas-​Saltna. Għalhekk, bħal Ġesù u l-​appostli, irridu niffokaw il-​konversazzjonijiet tagħna fuq “l-​affarijiet grandjużi t’Alla.”—Atti 2:11; Luqa 8:1; Rumani 1:11, 12.

22. Kif nistgħu nikkontribwixxu għal “ferħ fis-​sema”?

22 Veru, Satana juża tnassis differenti, inkluż l-​ispiritiżmu, biex jipprova jeqred ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Madankollu, billi nistmerru dak li hu mill-​agħar u nżommu sod maʼ dak li hu tajjeb, ma nagħtu lix-​Xitan ebda opportunità biex idgħajjef id-​determinazzjoni tagħna biex niċħdu l-​ispiritiżmu fil-​forom kollha tiegħu. (Efesin 4:27) Immaġina “x’ferħ [kbir] fis-​sema” se jkun hemm jekk inkomplu ‘nżommu sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan’ sakemm ma jibqax jeżisti iktar!—Efesin 6:11.

[Noti taʼ taħt]

a L-ismijiet deskrittivi li jingħataw lil Satana (Avversarju, Kalunnjatur, Qarrieq, Tentatur, Giddieb) ma jindikawx li għandu l-​abbiltà li jgħarbel qalbna u moħħna. Madankollu, b’kuntrast, Ġeħova hu deskritt bħala “dak li jeżamina l-​qlub,” u Ġesù, bħala l-​wieħed li “jgħarbel il-​kliewi u l-​qlub.”—Proverbji 17:3; Rivelazzjoni 2:23.

b Għal iktar informazzjoni, ara l-​artiklu “A Health Test for You?” fil-​Watchtower tal-​15 taʼ Diċembru, 1994, paġni 19-22, u l-​artiklu “Il-​Ħarsa tal-​Bibbja: Jagħmel Differenza X’Kura Medika Tagħżel?” fi Stenbaħ! tat-​8 taʼ Jannar, 2001.

[Kaxxa f’paġna 192, 193]

GĦASSES KONTRA L-​MAKAKKERIJA TAʼ SATANA!

Satana, espert fil-​makakkerija, issa ilu eluf taʼ snin ‘jagħmi l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.’ (2 Korintin 4:4) Ukoll, qatt ma qataʼ qalbu fl-​isforzi tiegħu biex jikkorrompi l-​ħsibijiet tal-​qaddejja t’Alla. Għala? Satana jifhem li l-​mod kif naħsbu jeffettwa l-​mod kif naġixxu. Hu jaf li jekk jirnexxilu jgħawweġ il-​ħsibijiet tagħna, ikun jistaʼ jinfluwenza l-​azzjonijiet tagħna għall-​ħażin.—Ġakbu 1:14, 15.

Ftakar fil-​metodu li uża Satana biex iqarraq b’Eva. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Nibżaʼ li b’xi mod, bħalma s-​serp qarraq b’Eva bil-​makakkerija tiegħu, moħħkom isir korrott u jitbiegħed . . . [mill-]Kristu.” (2 Korintin 11:3) Permezz taʼ serp li dejjem attent, Satana ħajjar lil Eva biex issegwi triq diżastruża. Hu fittex li jikkorrompilha lil moħħha, biex jgħawweġ il-​ħsibijiet tagħha. Din it-​tattika ħadmet. Minħabba li tat widen, il-​ħarsa tagħha nbidlet, u dak li kien kontra l-​liġi sar mixtieq. Ladarba moħħha kien ġie korrott, faċilment inġibdet biex tidneb.—Ġenesi 3:1-6; Rivelazzjoni 12:9.

Satana ma nbidilx. Hu għadu jżomm bis-​sħiħ maʼ dak li jemmen fih: Ikkorrompi l-​moħħ, u ma jdumx ma jkun hemm kondotta midinba. Satana għandu l-​politika, ir-​reliġjon, il-​kummerċ, u d-​divertiment taʼ din is-​sistema magħmulin biex ixerrdu l-​propaganda tiegħu. (Ġwanni 14:30) Hu rnexxa f’li jgħawweġ il-​ħsibijiet tal-​maġġuranza mill-​umanità, billi biddel l-​attitudni u l-​ħarsa tagħhom. Kondotta li darba kienet meqjusa midinba—bħall-​omosesswalità, l-​għajxien flimkien mingħajr żwieġ, u t-​twelid tat-​tfal barra ż-​żwieġ—spiss hi kunsidrata bħala aċċettabbli, saħansitra mixtieqa. Satana kemm kien effettiv f’li jqarraq bil-​bnedmin? Il-​Bibbja tgħid: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19.

Bħala Kristjani, aħna m’aħniex meħlusin mill-​metodi taʼ Satana. (1 Korintin 10:12) Minħabba li jaf li ż-​żmien tiegħu hu qasir, Satana għandu “rabja kbira” u hu speċjalment determinat li jqarraq bil-​poplu t’Alla. (Rivelazzjoni 12:12) Jekk ma noqogħdux attenti, il-​propaganda sottili taʼ Satana u dawk kollha li hu juża biex “iqarrqu bl-​imħuħ” jistgħu jikkorrompu l-​ħsibijiet tagħna u jħajruna għad-​dnub.—Titu 1:10.

Per eżempju, ikkunsidra l-​ħarsa tad-​dinja lejn iż-​żwieġ. Il-​Bibbja tgħallem li ż-​żwieġ hu sagru, u għalhekk jinvolvi rabta dejjiema. (Mattew 19:5, 6, 9) Il-​films u l-​programmi tat-​televixin taʼ din id-​dinja spiss ipinġu liż-​żwieġ bħala arranġament temporanju li malajr jistaʼ jiġi abbandunat. Bħala Kristjani, aħna rridu noqogħdu attenti li din il-​propaganda satanika ma tikkorrompix il-​ħsibijiet tagħna. Jekk ma nikkontrollawhiex, din l-​influwenza tistaʼ tgħawweġ il-​ħarsa tagħna, billi ddgħajjef il-​wegħda li għamilna mas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħna fiż-​żwieġ. Minħabba problemi fiż-​żwieġ, forsi nitħajru nfittxu barra ż-​żwieġ għal fehma u appoġġ. Malajr individwu ieħor—forsi xi ħadd li naħdmu miegħu jew seħibna fit-​twemmin—għandu mnejn joffri intimità emozzjonali. Jekk inħallu rabta romantika tiżviluppa, nistgħu nsibu lilna nfusna miġbudin lejn kondotta midinba.

Bħala eżempju ieħor, ikkunsidra l-​ispirtu taʼ indipendenza li invada d-​dinja taʼ Satana. Ħafna huma “rashom iebsa, imkabbrin.” (2 Timotju 3:4) Kieku spirtu bħal dan kellu jikkorrompi l-​ħsibijiet tagħna, il-​ħarsa tagħna lejn is-​sottomissjoni u l-​ubbidjenza tistaʼ tiċċajpar. Infettat b’dan l-​ispirtu, xi ħu forsi jieħu għalih minħabba xi parir li jingħata mill-​anzjani. (Ebrej 12:5) Xi oħt għandha mnejn tiddubita l-​arranġament t’Alla dwar l-​istat taʼ kap.—1 Korintin 11:3.

Aħna nistgħu nkunu grati li Ġeħova jwissina dwar il-​metodi taʼ Satana. (2 Korintin 2:11) Ejja nkunu determinati li qatt ma nħallu l-​propaganda satanika tinvadi lil moħħna. Sabiex nibqgħu fl-​imħabba t’Alla, irridu nżommu ‘moħħna fiss fuq l-​affarijiet taʼ fuq.’—Kolossin 3:2.

[Kaxxa f’paġna 194]

HUWA DAN TASSEW SPIRITIŻMU?

Prinċipju: “L-​għemejjel tal-​laħam jidhru ċar, u huma . . . l-​ipprattikar taʼ l-​ispiritiżmu, . . . il-​firda, is-​setet . . . Min jipprattika dawn l-​affarijiet ma jiritx is-​saltna t’Alla.” —Galatin 5:19-21.

Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek

▪ Nipprattika jien xi drawwa konnessa mat-​twemmin tar-​reliġjon falza?—2 Korintin 6:16, 17.

▪ Nuża xi oġġetti li jistgħu jkunu relatati direttament maʼ prattiki spiritistiċi?—Atti 19:19.

▪ Il-​kura medika li nixtieq nieħu tinvolvi xi tip taʼ qawwa sopranaturali jew maġika?—Levitiku 19:26.

[Stampa f’paġna 184]

Kull darba li xi ħadd jiddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u jitgħammed, Satana joħroġ taʼ giddieb

[Stampa f’paġna 191]

Ibbenefika mill-​appoġġ taʼ Ġeħova fi żmien taʼ mard

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja