LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 2/1 pp. 8-13
  • ‘Tinstab Perla Waħda Taʼ Valur Kbir’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Tinstab Perla Waħda Taʼ Valur Kbir’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Valur Kbir tal-​Perli
  • Dawk li Apprezzaw il-​Valur Kbir
  • Imqanqlin Jaġixxu
  • Oħrajn Ngħaqdu fit-​Tfittxija
  • Infittxu l-‘Perla taʼ Valur Kbir’ Illum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Huma Sabu l-“Perla taʼ Valur Kbir”
    Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • Il-Perli s-Suwed—Ġojjelli mill-Ibħra tan-Nofsinhar
    Stenbaħ!—2005
  • ‘Isimgħu u ifhmu’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 2/1 pp. 8-13

‘Tinstab Perla Waħda Taʼ Valur Kbir’

“Is-​saltna tas-​smewwiet hi l-​mira li qed jirsistu għaliha l-​bnedmin, u dawk li qed jirsistu qed jilħquha.”—MATTEW 11:12.

1, 2. (a) Liema kwalità rari ddeskriva Ġesù f’waħda mill-​parabboli tiegħu dwar is-​Saltna? (b) Ġesù x’qal fil-​parabbola tal-​perla taʼ valur kbir?

HEMM xi ħaġa li tant hi taʼ valur għalik li lest tagħti kulma għandek jew tissagrifika kollox sabiex tkun tistaʼ takkwistaha? Għalkemm in-​nies jitkellmu dwar id-​dedikazzjoni meta jipprovaw jilħqu xi mira​—flus, fama, poter, jew pożizzjoni​—huwa rari li individwu jiltaqaʼ maʼ xi ħaġa li tant ikun jixtieqha li jkun lest jagħti kollox għaliha. Ġesù Kristu rrefera għal din il-​kwalità rari imma taʼ min jammiraha f’waħda mill-​ħafna parabboli li jqanqlu l-​ħsieb u li ta dwar is-​Saltna t’Alla.

2 Din hi parabbola, jew tixbiha, li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu fil-​privat, parabbola dwar perla taʼ valur kbir. Ġesù qal hekk: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ. Meta sab perla waħda taʼ valur kbir telaq u minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.” (Mattew 13:​36, 45, 46) Ġesù x’riedhom jitgħallmu lis-​semmiegħa tiegħu minn din it-​tixbiha? U aħna kif nistgħu nibbenefikaw mill-​kliem taʼ Ġesù?

Il-​Valur Kbir tal-​Perli

3. Il-​perli mill-​isbaħ għala kienu tant taʼ valur fi żmien il-​qedem?

3 Minn żmien il-​qedem, il-​perli kienu stmati bħala oġġetti taʼ tiżjin. Sors wieħed josserva li skond l-​istudjuż Ruman Plinju l-​Kbir, il-​perli okkupaw “l-​għola grad fost l-​iktar affarijiet prezzjużi.” Kuntrarju għad-​deheb, il-​fidda, jew ħafna ħaġar prezzjuż, il-​perli jiġu prodotti minn affarijiet ħajjin. Huwa fatt magħruf li ċerti tipi taʼ gajdri jistgħu jibdlu xi affarijiet li jirritawhom​—bħal biċċiet żgħar taʼ ġebel​—f’perli jleqqu billi jiksuhom b’saffi taʼ sustanza magħrufa bħala madriperla. Fi żmien il-​qedem, l-​isbaħ perli kienu jinġabru l-​iktar mill-​Baħar l-​Aħmar, il-​Golf Persjan, u l-​Oċean Indjan—’il bogħod mill-​art taʼ Iżrael. Din żgur li hi r-​raġuni għala Ġesù tkellem dwar “merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ.” Kien jinvolvi sforz verament kbir biex jinstabu perli li huma tassew taʼ valur.

4. Liema tagħlima prinċipali hemm fil-​parabbola taʼ Ġesù dwar il-​merkant li jivvjaġġa?

4 Avolja l-​perli ilhom żmien twil jiswew ħafna flus, jidher ċar li dan it-​tip taʼ valur ma kienx it-​tagħlima prinċipali tal-​parabbola taʼ Ġesù. F’din il-​parabbola, Ġesù mhux biss xebbah is-​Saltna t’Alla maʼ perla taʼ valur kbir; hu ġibed l-​attenzjoni lejn “merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ” u lejn il-​mod kif irreaġixxa malli sab waħda. Kuntrarju għal sid ordinarju taʼ ħanut, il-​merkant, jew in-​negozjant, li jivvjaġġa biex ifittex il-​perli setaʼ kien wieħed li nistgħu nsejħulu espert fix-​xogħol, xi ħadd intiż jew li joqgħod attent ħafna għall-​ġmiel u d-​dettalji moħbijin li jagħmlu lill-​perla waħda straordinarja. Malli jaraha mill-​ewwel ikun jaf kemm hi ġenwina u ma jiġix imqarraq minn merkanzija li tkun taʼ kwalità inferjuri jew imitazzjoni.

5, 6. (a) Liema ħaġa partikulari hi taʼ min jinnotaha dwar il-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù? (b) Il-​parabbola tat-​teżor moħbi x’tikxef dwar il-​merkant li jivvjaġġa?

5 Hemm xi ħaġa oħra taʼ min jinnotaha f’dan il-​merkant partikulari. Merkant normali jistaʼ l-​ewwel jara l-​perla kemm tiswa fis-​suq sabiex imbagħad ikun jistaʼ jiddetermina kemm se jħallas għaliha sabiex ikollu l-​qligħ. Għandu mnejn jikkunsidra wkoll jekk hemmx domanda għal perla bħal din sabiex ikun jistaʼ jbigħha malajr. Fi kliem ieħor, kulma jinteressah hu li jkollu qligħ malajr mill-​investiment tiegħu mhux li l-​perla tkun tiegħu. Imma dan m’huwiex il-​każ tal-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù. Hu ma kienx jinteressah mill-​flus jew milli jikseb xi ħaġa materjali. Fil-​fatt, hu kien lest jissagrifika “kulma kellu”​—forsi l-​affarijiet persunali u l-​proprjetajiet tiegħu kollha​—sabiex ikun jistaʼ jikseb dak li kien qed ifittex.

6 Għal ħafna merkanti, ir-​raġel fil-​parabbola taʼ Ġesù setaʼ deher li għamel xi ħaġa mhux għaqlija. Negozjant għaqli ma kienx jgħaddilu minn rasu li jidħol f’intrapriża riskjuża bħal din. Imma l-​merkant fil-​parabbola taʼ Ġesù kellu ħarsa differenti lejn il-​valuri. Il-​premju tiegħu ma kienx xi vantaġġ finanzjarju imma l-​ferħ u s-​sodisfazzjon għax kien akkwista xi ħaġa taʼ valur bla limitu. Dan il-​punt jintgħamel ċar f’tixbiha parallela li ta Ġesù. Hu qal: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal teżor moħbi f’għalqa li sabu wieħed raġel u ħbieh; u tant jifraħ li jmur u jbigħ kulma għandu u jixtri dik l-​għalqa.” (Mattew 13:44) Iva, il-​ferħ meta skopra u akkwista t-​teżor kien biżżejjed biex iqanqal lir-​raġel jitlaq kulma kellu. Jeżistu individwi bħal dawn illum? Jeżisti teżor li jixraqlu sagrifiċċju bħal dan?

Dawk li Apprezzaw il-​Valur Kbir

7. Ġesù kif wera li kien japprezza ħafna l-​valur kbir tas-​Saltna?

7 Meta kien qed jgħid il-​parabbola tiegħu, Ġesù kien qed jitkellem dwar “is-​saltna tas-​smewwiet.” Hu stess żgur li kien xi ħadd li japprezza l-​valur kbir tas-​Saltna. Ir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju jagħtu xiehda qawwija taʼ dan. Wara l-​magħmudija tiegħu fis-​sena 29 E.K., Ġesù “beda jippriedka u jgħid: ‘Indmu, għax qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’” Għal tliet snin u nofs, hu għallem lill-​kotriet dwar is-​Saltna. Qasam it-​tul u l-​wisaʼ taʼ l-​art, “jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.”​—Mattew 4:17; Luqa 8:1.

8. Ġesù x’għamel biex juri x’kienet se twettaq is-​Saltna?

8 Billi għamel ħafna mirakli madwar il-​pajjiż​—fosthom fejjaq il-​morda, temaʼ limġewħin, ikkontrolla l-​elementi, u saħansitra qajjem lill-​mejtin​—Ġesù wera wkoll x’se twettaq is-​Saltna t’Alla. (Mattew 14:​14-21; Marku 4:​37-39; Luqa 7:​11-17) Fl-​aħħar, hu wera l-​lealtà tiegħu lejn Alla u s-​Saltna billi ta ħajtu u miet mewta taʼ martri fuq zokk tat-​tortura. L-​istess bħal dak il-​merkant li jivvjaġġa u li minn jeddu ta kulma kellu għal “perla waħda taʼ valur kbir,” Ġesù għex u miet għas-​Saltna.—Ġwanni 18:37.

9. Liema kwalità rari kienet tidher fl-​ewwel appostli taʼ Ġesù?

9 Ġesù mhux biss iffoka ħajtu fuq is-​Saltna imma wkoll ġabar flimkien grupp żgħir taʼ segwaċi. Dawn ukoll kienu individwi li apprezzaw ferm il-​valur kbir tas-​Saltna. Fosthom kien hemm Indrì, li fil-​bidu kien dixxiplu taʼ Ġwanni l-​Għammied. Malli semgħu x-​xiehda taʼ Ġwanni li Ġesù kien “il-​Ħaruf t’Alla,” Indrì u dixxiplu ieħor taʼ Ġwanni, x’aktarx wieħed minn ulied Żebedew li wkoll kien jismu Ġwanni, mill-​ewwel inġibdu lejn Ġesù u bdew jemmnu. Imma l-​affarijiet ma waqfux hawn. Fil-​pront, Indrì mar għand ħuh Xmun u qallu: “Sibna ’l-Messija.” Ftit wara, Xmun (li sar magħruf bħala Kefa, jew Pietru) kif ukoll Filippu u sieħbu Natanjel ukoll għarfu lil Ġesù bħala l-​Messija. Fil-​fatt, Natanjel tqanqal biex jgħid lil Ġesù: “Int l-​Iben t’Alla, int is-​Sultan taʼ Iżrael.”—Ġwanni 1:​35-​49.

Imqanqlin Jaġixxu

10. Id-​dixxipli kif irreaġixxew meta Ġesù ġie u sejħilhom xi żmien wara li ltaqaʼ magħhom għall-​ewwel darba?

10 L-​eċċitament li esperjenzaw Indrì, Pietru, Ġwanni, u l-​oħrajn meta sabu lill-​Messija jistaʼ jitqabbel maʼ dak li ħass il-​merkant li jivvjaġġa meta sab il-​perla taʼ valur kbir. Issa x’kienu se jagħmlu? L-​Evanġelji ma jgħidulniex wisq dwar x’għamlu eżatt malli ltaqgħu maʼ Ġesù l-​ewwel darba. Milli jidher, ħafna minnhom marru lura għall-​ħajja normali tagħhom. Minn sitt xhur sa sena wara, madankollu, Ġesù reġaʼ mar fuq Indrì, Pietru, Ġwanni, u ħu Ġwanni li kien jismu Ġakbu, fejn kellhom in-​negozju tagħhom tas-​sajd ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija.a Malli rahom, Ġesù qal: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.” Kif irreaġixxew? Dwar Pietru u Indrì, ir-​rakkont taʼ Mattew jgħid: “Mill-​ewwel abbandunaw ix-​xbieki, u marru warajh.” U dwar Ġakbu u Ġwanni naqraw: “Minnufih telqu d-​dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.” Ir-​rakkont taʼ Luqa jżid li huma “abbandunaw kollox u marru warajh.”​—Mattew 4:​18-22; Luqa 5:​1-11.

11. X’aktarx x’qanqal ir-​reazzjoni fil-​pront għas-​sejħa taʼ Ġesù?

11 Kienet ir-​reazzjoni fil-​pront tad-​dixxipli deċiżjoni taʼ malajr? Ma tantx! Avolja wara l-​ewwel kuntatt li kellhom maʼ Ġesù marru lura għan-​negozju tas-​sajd tal-​familja tagħhom, żgur li dak li kienu raw u semgħu f’dik l-​okkażjoni ħalla effett qawwi fuq qalbhom u moħħhom. Minħabba li kienet għaddiet kważi sena, kellhom ħafna ħin biex jimmeditaw fuq dawn l-​affarijiet. Issa kien wasal il-​ħin għal deċiżjoni. Kienu huma se jkunu bħall-​merkant li jivvjaġġa li tant tqanqal minn qalbu malli skopra l-​perla imprezzabbli li, bħalma spjega Ġesù, “telaq u minnufih” għamel dak li kellu jagħmel biex jixtri dik il-​perla? Iva. Dak li kienu raw u semgħu messilhom qalbhom. Huma rrealizzaw li kien wasal il-​waqt li jaġixxu. Għalhekk, ir-​rakkont jgħidilna li mingħajr dewmien ħallew kulma kellhom u saru segwaċi taʼ Ġesù.

12, 13. (a) Kif irreaġixxew ħafna minn dawk li semgħu lil Ġesù? (b) Ġesù x’qal dwar id-​dixxipli leali tiegħu, u x’jimplika l-​kliem tiegħu?

12 Kemm kienu differenti dawn l-​uħud leali minn xi oħrajn li ssemmew iktar tard fir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju! Kienu ħafna dawk li ġew imfejqin jew mitmugħin minn Ġesù imma li sempliċement komplew bl-​affarijiet tagħhom. (Luqa 17:​17, 18; Ġwanni 6:26) Xi wħud saħansitra qagħdu jġibu l-​iskużi meta Ġesù stidinhom ikunu s-​segwaċi tiegħu. (Luqa 9:​59-62) B’kuntrast qawwi, dwar l-​uħud leali, Ġesù iktar tard qal: “Minn żmien Ġwanni l-​Battista s’issa, is-​saltna tas-​smewwiet hi l-​mira li qed jirsistu għaliha l-​bnedmin, u dawk li qed jirsistu qed jilħquha.”—Mattew 11:12.

13 X’jimplika t-​terminu “jirsistu”? Dwar il-​verb Grieg li minnu tnisslet din il-​kelma, Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words jgħid: “Il-​verb jissuġġerixxi ħidma bi sforz kbir.” U dwar dan il-​vers, l-​istudjuż tal-​Bibbja Heinrich Meyer jgħid: “B’dan il-​mod huma deskritti l-​istinkar u l-​issarar bil-​ħerqa u b’mod irreżistibbli għas-​saltna Messjanika li riesqa . . . Daqshekk hu ħerqan u enerġetiku l-​interess fis-​saltna (m’għadux kalm jew kapaċi jistenna).” Bħall-​merkant li jivvjaġġa, dawn il-​ftit individwi malajr indunaw x’kien tassew prezzjuż, u minn jeddhom ħallew warajhom kulma kellhom minħabba s-​Saltna.—Mattew 19:​27, 28; Filippin 3:8.

Oħrajn Ngħaqdu fit-​Tfittxija

14. Ġesù kif ħejja lill-​appostli tiegħu għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna, u x’kien ir-​riżultat?

14 Hekk kif Ġesù kompla fil-​ministeru tiegħu, hu ħarreġ u għen lil oħrajn biex jirsistu għas-​Saltna. L-​ewwel għażel 12 minn fost id-​dixxipli tiegħu u sejħilhom biex isiru appostli, jew uħud mibgħutin minnu. Lil dawn, Ġesù tahom istruzzjonijiet dettaljati dwar kif kellhom jagħmlu l-​ministeru tagħhom kif ukoll twissijiet dwar l-​isfidi u d-​diffikultajiet li kellhom quddiemhom. (Mattew 10:​1-42; Luqa 6:​12-16) Għas-​sentejn taʼ wara jew ftit iktar, huma akkumpanjaw lil Ġesù fil-​vjaġġi tiegħu taʼ l-​ippridkar madwar il-​pajjiż, u gawdew relazzjoni mill-​qrib miegħu. Huma semgħu dak li qal, xehdu għall-​għemejjel setgħana tiegħu, u raw l-​eżempju persunali tiegħu. (Mattew 13:​16, 17) Żgur li dan kollu laqathom bil-​kbir; tant hu hekk, li bħall-​merkant li jivvjaġġa huma fittxew is-​Saltna biż-​żelu u b’qalb sħiħa.

15. Ġesù x’qal li kienet ir-​raġuni vera għala s-​segwaċi tiegħu kellhom jifirħu?

15 Minbarra t-​12-il appostlu, Ġesù “għażel sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu.” Qalilhom ukoll dwar il-​provi u d-​diffikultajiet li kellhom quddiemhom u tahom l-​istruzzjoni biex jgħidu lin-​nies: “Is-​saltna t’Alla qorbot lejkom.” (Luqa 10:​1-12) Meta s-​70 marru lura, huma kienu se jtiru bil-​ferħ u taw dan ir-​rapport lil Ġesù: “Mulej, anki d-​demonji jintgħamlu sottomessi lejna f’ismek.” Imma forsi b’sorpriża għalihom, Ġesù wriehom li kien hemm saħansitra ferħ akbar lest għalihom minħabba ż-​żelu tagħhom għas-​Saltna. Hu qalilhom: “Iżda tifirħux b’dan, li l-​ispirti jintgħamlu sottomessi lejkom, imma ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-​smewwiet.”—Luqa 10:​17, 20.

16, 17. (a) Ġesù x’qalilhom lill-​appostli leali tiegħu fl-​aħħar lejl li kien magħhom? (b) Il-​kliem taʼ Ġesù kif ferraħ u assigura lill-​appostli tiegħu?

16 Finalment, fl-​aħħar lejl li Ġesù kien maʼ l-​appostli, fl-​14 taʼ Nisan, 33 E.K, hu stabbilixxa dik li saret magħrufa bħala l-​Ikla taʼ fil-​Għaxija tal-​Mulej u ordnalhom jagħmlu tifkira tal-​ġrajja. Matul dik il-​lejla, Ġesù qal lill-​11 li kien għad baqaʼ: “Intom dawk li bqajtu miegħi fil-​provi tiegħi; u nagħmel patt magħkom għal saltna, bħalma Missieri għamel miegħi, biex tieklu u tixorbu fuq il-​mejda tiegħi f’saltnati, u toqogħdu bil-​qiegħda fuq tronijiet biex tiġġudikaw lit-​tnax-il tribù taʼ Iżrael.”—​Luqa 22:​19, 20, 28-​30.

17 Min jaf x’ferħ u sodisfazzjon ħassew f’qalbhom l-​appostli meta semgħu dan il-​kliem mingħand Ġesù! Kienu qed jiġu offruti l-​ogħla unur u privileġġ li qatt jistaʼ jkollu l-​bniedem. (Mattew 7:​13, 14; 1 Pietru 2:9) Bħal dak il-​merkant li jivvjaġġa, huma telqu ħafna affarijiet sabiex isegwu lil Ġesù fit-​tfittxija għas-​Saltna. Issa ġew żgurati li s-​sagrifiċċji li għamlu s’issa ma kinux għalxejn.

18. Minbarra l-​11-il appostlu min maż-​żmien kien se jibbenefika wkoll mis-​Saltna?

18 L-​appostli li kienu preżenti maʼ Ġesù dak il-​lejl ma kinux l-​uniċi li kienu se jibbenefikaw mis-​Saltna. Kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova li total taʼ 144,000 jidħlu fil-​patt tas-​Saltna bħala ħakkiema sħab maʼ Ġesù Kristu fis-​Saltna glorjuża tiegħu tas-​sema. Barra minn hekk, l-​appostlu Ġwanni ra f’viżjoni “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha . . . weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf, . . . jgħidu: ‘Is-​salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron, u lill-​Ħaruf.’” Dawn huma s-​sudditi taʼ l-​art taʼ din is-​Saltna.b​—Rivelazzjoni 7:​9, 10; 14:​1, 4.

19, 20. (a) Liema opportunità hija miftuħa għan-​nies tal-​ġnus kollha? (b) Liema mistoqsija se tiġi kunsidrata fl-​artiklu li jmiss?

19 Ftit qabel ma Ġesù telaʼ s-​sema, hu kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-​jiem kollha sa tmiem is-​sistema.” (Mattew 28:​19, 20) Għalhekk, nies mill-​ġnus kollha kienu se jsiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu. Dawn ukoll kienu se jorbtu qalbhom mas-​Saltna​—kemm jekk għall-​premju tas-​sema u kemm jekk taʼ l-​art​—bħalma l-​merkant li jivvjaġġa rabat qalbu mal-​perla mill-​isbaħ.

20 Il-​kliem taʼ Ġesù indika li l-​inkarigu li jagħmlu dixxipli kellu jibqaʼ għaddej sa “tmiem is-​sistema.” Allura fi żmienna, għad hemm xi individwi li huma bħall-​merkant li jivvjaġġa, li huma lesti jħallu kollox biex ifittxu s-​Saltna t’Alla? Din il-​mistoqsija se tiġi kunsidrata fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Ġwanni, bin Żebedew, jistaʼ jkun li segwa lil Ġesù u xehed għal xi wħud mill-​affarijiet li għamel ftit wara li ltaqgħu l-​ewwel darba, u għalhekk Ġwanni setaʼ jniżżilhom bil-​miktub b’mod daqshekk reali fir-​rakkont tiegħu taʼ l-​Evanġelju. (Ġwanni, kapitli 2-5) Minkejja dan, xi żmien qabel ma sejjaħlu Ġesù, hu mar lura għan-​negozju tas-​sajd tal-​familja tiegħu.

b Għal iktar dettalji, ara kapitlu 10 tal-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tistaʼ Tispjega?

• Liema lezzjoni prinċipali hemm fil-​parabbola tal-​merkant li jivvjaġġa?

• Ġesù kif wera l-​apprezzament kbir tiegħu għall-​valur kbir tas-​Saltna?

• X’ġagħalhom jirreaġixxu fil-​pront lil Indrì, Pietru, Ġwanni u oħrajn malli sejħilhom Ġesù?

• Liema opportunità meraviljuża hemm għan-​nies tal-​ġnus kollha?

[Stampa f’paġna 10]

‘Huma abbandunaw kollox u marru wara Ġesù’

[Stampa f’paġna 12]

Qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja