LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 2/1 pp. 13-17
  • Jehovah Jipprovdi l-Bżonnijiet Tagħna taʼ Kuljum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jipprovdi l-Bżonnijiet Tagħna taʼ Kuljum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ikel Spiritwali Kuljum
  • Maħfra tad-​Dnubiet
  • Biex Naqilgħu l-​Maħfra, Irridu Naħfru
  • Protezzjoni Meta Nkunu Qed Niġu Mġarrbin
  • “Eħlisna mill-​Ħażin”
  • Ħelsien Sħiħ Hu Qrib
  • Il-Missierna—Dak li Tfisser Għalik
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • “Għallimna Kif Nitolbu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Għix fi qbil mat-talba mudell—It-2 parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Taħfer Int Bħalma Jaħfer Jehovah?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 2/1 pp. 13-17

Jehovah Jipprovdi l-​Bżonnijiet Tagħna taʼ Kuljum

“Xejn titħassbu; dawn kollha ħwejjeġ li . . . Missierkom jaf li teħtiġuhom.”—LUQA 12:29, 30.

1. Jehovah kif jipprovdi l-​ikel għall-​annimali?

QATT rajt għasfur tal-​bejt jew xi għasfur ieħor inaqqar dak li għalik jidher sempliċi trab? Forsi qgħadt taħseb dwar x’setaʼ jsib x’jiekol billi joqgħod inaqqar l-​art. Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù wera li aħna nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mill-​mod kif Jehovah jipprovdi l-​ikel għall-​għasafar. Hu stqarr: “Ħarsu lejn l-​għasafar tas-​sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-​imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-​smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?” (Mattew 6:26) Jehovah jipprovdi b’modi taʼ l-​għaġeb l-​ikel għall-​ħlejjaq tiegħu kollha.—Salm 104:14, 21; 147: 9.

2, 3. Liema lezzjonijiet spiritwali nistgħu nisiltu mill-​fatt li Ġesù għallimna nitolbu għal ħobżna taʼ kuljum?

2 Allura, fit-​talba li tana bħala mudell Ġesù għala inkluda r-​rikjesta: “Ħobżna taʼ kuljum agħtina llum”? (Mattew 6:11) Nistgħu nisiltu lezzjonijiet spiritwali sinifikanti minn din ir-​rikjesta sempliċi. L-​ewwel, din tfakkarna li Jehovah hu s-​Sors veru taʼ kull provvediment. (Salm 145:15, 16) Il-​bnedmin jistgħu jħawlu u jikkultivaw, imma Alla biss jistaʼ jkabbar l-​affarijiet, kemm spiritwalment kif ukoll fiżikament. (1 Korintin 3:7) Dak li nieklu u nixorbu hu rigal mingħand Alla. (Atti 14:17) Meta nitolbuh biex jagħtina l-​bżonnijiet taʼ kuljum inkunu qed nuruh li aħna grati għal dawn il-​provvedimenti. M’għandniex xi ngħidu, din it-​talba ma teħlisniex mir-​responsabbiltà li naħdmu jekk aħna nistgħu nagħmlu dan.—Efesin 4:28; 2 Tessalonikin 3:10.

3 It-​tieni, il-​fatt li nitolbu għal “ħobżna taʼ kuljum” jindika li m’għandniex ninkwetaw iżżejjed dwar il-​futur. Ġesù kompla jgħid: “Toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-​pagani. Imma Missierkom li hu fis-​smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-​għada, għax il-​jum taʼ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu.” (Mattew 6:31-34) It-​talba għal “ħobżna taʼ kuljum” turina li għandna ngħixu ħajja sempliċi taʼ devozzjoni lejn Alla u nkunu ‘kuntenti b’dak li għandna.’—1 Timotju 6:6-8.

Ikel Spiritwali Kuljum

4. Liema ġrajjiet fil-​ħajja taʼ Ġesù u taʼ l-​Iżraelin jenfasizzaw l-​importanza li nieklu ikel spiritwali?

4 It-​talba tagħna għal ħobżna taʼ kuljum għandha tfakkarna wkoll li għandna bżonn l-​ikel spiritwali kuljum. Għalkemm Ġesù kien bil-​ġuħ ħafna wara li kien ilu sajjem għal ħafna jiem, hu ma ċediex għat-​tentazzjoni taʼ Satana biex ibiddel il-​ġebel f’ħobż, u qal: “Hemm miktub, ‘Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mattew 4:4) Ġesù hawnhekk ikkwota lill-​profeta Mosè, li qal lill-​Iżraelin: “[Jehovah] ċekknek, ried li tbati l-​ġuħ, mbagħad temgħek il-​manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-​ħobż biss jgħix il-​bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-​Mulej, b’dan jgħix il-​bniedem.” (Dewteronomju 8:3) Il-​mod li bih Jehovah ta l-​manna lill-​Iżraelin ma pprovdiex biss ikel fiżiku imma wkoll lezzjonijiet spiritwali. L-​ewwel ħaġa, huma kellhom ‘jiġbru minn jum għal ieħor kemm ikun jeħtieġ għall-​ġurnata.’ Meta kienu jiġbru iktar milli kellhom bżonn għal dak il-​jum, dak li jibqgħalhom kien jitħassar u jdewwed. (Eżodu 16:4, 20) Iżda dan ma kienx jiġri fis-​sitt jum meta kellhom jiġbru d-​doppju taʼ dak li kienu jiġbru kuljum sabiex ikollhom biżżejjed għall-​jum tas-​Sabat. (Eżodu 16:5, 23, 24) Għalhekk, il-​manna kienet iġġagħalhom jiftakru li kellhom jobdu u li ħajjithom ma kinitx tiddependi biss mill-​ħobż imma minn “dak kollu li joħroġ minn fomm” Jehovah.

5. Jehovah kif jipprovdilna ikel spiritwali kuljum?

5 Aħna bl-​istess mod jeħtieġ li kuljum nieklu ikel spiritwali provdut minn Jehovah permezz taʼ Ibnu. Għalhekk, Ġesù ħatar “ilsir leali u diskret” (NW) biex jipprovdi ‘l-​ikel fil-​ħin’ għan-​nies taʼ dar il-​fidi. (Mattew 24:45) Din il-​klassi taʼ l-​ilsir leali mhux biss tipprovdi abbundanza taʼ ikel spiritwali billi tippubblika għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, imma wkoll tinkuraġġina naqraw il-​Bibbja kuljum. (Ġożwè 1:8; Salm 1:1-3) Bħal Ġesù, aħna wkoll nistgħu niksbu ikel spiritwali billi kuljum nagħmlu sforz biex nitgħallmu x’inhi r-​rieda taʼ Jehovah u nagħmluha.—Ġwanni 4:34.

Maħfra tad-​Dnubiet

6. Għal liema djun irridu nitolbu maħfra, u Jehovah b’liema kundizzjonijiet hu lest li jaħfirhomlna?

6 Ir-​rikjesta li jmiss fit-​talba mudell hi: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” (Mattew 6:12; Luqa 11:4) Meta nidinbu, ikun bħallikieku qed nidħlu f’dejn maʼ Jehovah. Imma Alla tagħna kollu mħabba lest li ‘jaħfer,’ jew iħassar, dak id-​dejn jekk aħna nindmu sinċerament, ‘nerġgħu lura,’ u nitolbuh maħfra fuq il-​bażi tal-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu li tħallas bħala prezz għall-​fidwa.—Atti 3:19; 10:43; 1 Timotju 2:5, 6.

7. Għala għandna nitolbu maħfra kuljum?

7 Barra minn hekk, meta nidinbu aħna nonqsu li nilħqu l-​livelli taʼ ġustizzja taʼ Jehovah. Permezz tad-​dnub li writna, aħna lkoll nonqsu bil-​kliem, bl-​għemil, u bil-​ħsieb jew ma nagħmlux dak li suppost nagħmlu. (Koħèlet 7:20; Rumani 3:23; Ġakbu 3:2; 4:17) Għalhekk, sew jekk inkunu konxji tad-​dnubiet li nkunu għamilna matul il-​ġurnata u sew jekk le, jeħtieġ li fit-​talb tagħna taʼ kuljum ninkludu talba biex jinħafrulna dnubietna.—Salm 19:13 (19:12, NW); 40:13 (40:12, NW).

8. It-​talb għall-​maħfra x’għandu jġagħalna nagħmlu, u b’liema riżultat li hu taʼ benefiċċju għalina?

8 Qabel ma nitolbu maħfra għandna bl-​onestà kollha nagħmlu eżami tagħna nfusna, nindmu, u nistqarru dnubietna, u dan nagħmluh fuq il-​bażi tal-​fidi tagħna fil-​qawwa tal-​fidwa permezz tad-​demm li Kristu xerred għalina. (1 Ġwanni 1:7-9) Biex nagħtu prova li t-​talb tagħna hu sinċier, flimkien mat-​talba tagħna għall-​maħfra jrid ikollna wkoll “opri xierqa taʼ ndiema.” (Atti 26:20) Imbagħad jistaʼ jkollna fidi li Jehovah lest li jaħfrilna dnubietna. (Salm 86:5; 103:8-14) Ir-​riżultat hu paċi tal-​moħħ li ma jistaʼ jitqabbel maʼ xejn, “is-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem,” li mbagħad ‘iżommilna qalbna u moħħna sħaħ fi Kristu Ġesù.’ (Filippin 4:7) Imma t-​talba li Ġesù tana bħala mudell tgħallimna saħansitra iktar dwar dak li rridu nagħmlu biex niksbu l-​maħfra taʼ dnubietna.

Biex Naqilgħu l-​Maħfra, Irridu Naħfru

9, 10. (a) Ġesù liema kumment żied wara t-​talba mudell, u dan x’enfasizza? (b) Ġesù kif kompla juri b’tixbiha l-​bżonn li aħna naħfru lil oħrajn?

9 Taʼ min jinnota li l-​parti mit-​talba “aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” hija l-​unika parti mit-​talba mudell li Ġesù kkummenta dwarha. Wara li spiċċa t-​talba, hu żied: “Għax jekk intom taħfru lill-​bnedmin il-​ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-​smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-​bnedmin il-​ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-​ħtijiet tagħkom.” (Mattew 6:14, 15) B’hekk, Ġesù għamilha ċara ħafna li l-​maħfra mingħand Jehovah tiddependi fuq kemm aħna lesti li naħfru lil oħrajn.—Mark 11:25.

10 F’okkażjoni oħra, Ġesù ta tixbiha biex juri l-​bżonn li aħna naħfru jekk irridu li Jehovah jaħfer lilna. Hu rrakkonta dwar sultan li b’qalb ġeneruża ħassar dejn kbir ħafna li kellu wieħed ilsir. Is-​sultan iktar tard ikkastiga bl-​aħrax lil dan l-​istess raġel meta hu rrifjuta li jħassar id-​dejn ferm iżgħar taʼ lsir ieħor bħalu. Ġesù kkonkluda din it-​tixbiha billi qal: “Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-​Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.” (Mattew 18:23-35) Il-​lezzjoni hi ċara: Id-​dejn tad-​dnub li Jehovah ħafer lil kull wieħed u waħda minna hu bil-​wisq akbar minn kwalunkwe nuqqas li setaʼ kkommetta xi ħadd kontrina. Iktar minn hekk, Jehovah jaħfrilna kuljum. Mela, żgur li aħna nistgħu naħfru lil ħaddieħor meta kultant jonqosna.

11. Liema parir mogħti mill-​appostlu Pawlu se nimxu fuqu jekk irridu li Jehovah jaħfrilna, u b’liema riżultati mill-​aħjar?

11 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kunu twajba maʼ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.” (Efesin 4:32) Meta l-​Kristjani jaħfru lil xulxin, ikun hemm il-​paċi bejniethom. Pawlu kompla jħeġġeġ: “Intom il-​magħżulin taʼ Alla, il-​qaddisin u l-​maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-​imħabba, li hi [“rabta perfetta li tgħaqqad,” NW].” (Kolossin 3:12-14) Dan kollu hu miġbur fit-​talba li għallimna Ġesù: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”

Protezzjoni Meta Nkunu Qed Niġu Mġarrbin

12, 13. (a) X’ma jistax ikun li tfisser ir-​rikjesta taʼ qabel taʼ l-​aħħar fit-​talba mudell? (b) Min hu tTentatur il-​kbir, u meta nitolbu biex Jehovah ma jdaħħalniex fit-​tiġrib xi nkunu qed infissru?

12 Ir-​rikjesta taʼ qabel taʼ l-​aħħar fit-​talba mudell li tana Ġesù hi: “La ddaħħalniex fit-​tiġrib.” (Mattew 6:13) Ried Ġesù jfisser li għandna nitolbu lil Jehovah biex ma joqgħodx iġarrabna? Ma jistax ikun, għax id-​dixxiplu Ġakbu kien imnebbaħ biex jikteb: “Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: ‘Alla qiegħed iġarrabni’ għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-​ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” (Ġakbu 1:13) Barra minn hekk, is-​salmista kiteb: “Jekk tal-​ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Jehovah ma joqgħodx għassa għal kull żball li nagħmlu, u hija ħaġa ċerta li hu ma jipprovax iwaqqagħna. Għalhekk, xi tfisser din il-​parti tat-​talba mudell?

13 Dak li qed jipprova jwaqqagħna, iġagħalna nidinbu permezz tat-​tnassis, jew atti makakki, u saħansitra jiblagħna, hu Satana x-​Xitan. (Efesin 6:11) Hu t-​Tentatur il-​kbir. (1 Tessalonikin 3:5) Meta lil Jehovah nitolbuh biex ma jdaħħalniex fit-​tiġrib, inkunu qed nitolbu biex ma jħalliniex naqgħu meta nkunu qed niġu mġarrbin. Inkunu qed nitolbuh biex jgħinna ħalli ‘ma jegħlibniex ix-​Xitan,’ biex ma nċedux għat-​tentazzjonijiet. (2 Korintin 2:11) Aħna nitolbu biex nibqgħu “għall-​kenn taʼ l-​Għoli,” u nirċievu l-​protezzjoni spiritwali li tingħata lil dawk li jirrikonoxxu s-​sovranità taʼ Jehovah f’dak kollu li jagħmlu.—Salm 91:1-3.

14. L-​appostlu Pawlu kif jaċċertana li Jehovah m’huwiex se jabbandunana jekk induru Lejh meta nkunu qed niġu mġarrbin?

14 Nistgħu nibqgħu ċerti li jekk din hi x-​xewqa sinċiera tagħna, li nesprimuha fit-​talb tagħna u bl-​għemejjel tagħna, Jehovah qatt ma se jabbandunana. L-​appostlu Pawlu jaċċertana: “S’issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-​tiġrib jagħtikom il-​qawwa u l-​għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.”—1 Korintin 10:13.

“Eħlisna mill-​Ħażin”

15. Għala hu iktar importanti minn qatt qabel li nitolbu biex ninħelsu mill-​Ħażin?

15 Skond l-​iktar manuskritti taʼ min joqgħod fuqhom taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana, it-​talba mudell li tana Ġesù tispiċċa bil-​kliem: “Eħlisna mid-​deni [mill-Ħażin,” NW].”a (Mattew 6:13) Il-​protezzjoni mix-​Xitan hija saħansitra iktar meħtieġa f’dan iż-​żmien tat-​tmiem. Satana u d-​demonji tiegħu qed jagħmlu gwerra kontra l-​membri tal-​fdal midluk, “li jħarsu l-​preċetti taʼ Alla u li għandhom ix-​xhieda taʼ Ġesù,” u kontra sħabhom tal-​“kotra kbira.” (Apokalissi 7:9; 12:9, 17) L-​appostlu Pietru wissa lill-​Kristjani: “Kunu meqjusa u għassu. L-​għadu tagħkom ix-​Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ. Iqfulu, sħaħ fil-​fidi.” (1 Pietru 5:8, 9) Satana kieku jixtieq li jwaqqafna milli nagħtu xiehda, u permezz taʼ l-​aġenti tiegħu fuq l-​art—reliġjużi, kummerċjali, jew politiċi—hu jipprova jbeżżagħna. Madankollu, jekk inżommu sod, Jehovah se jeħlisna. Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Mela oqogħdu għar-​rieda taʼ Alla. Ieqfu lix-​xitan, u hu jaħrab minnkom.”—Ġakbu 4:7.

16. Jehovah liema mezz għandu għad-​dispożizzjoni tiegħu biex jgħin lill-​qaddejja tiegħu li jkunu għaddejjin mill-​provi?

16 Jehovah ħalla lil Ibnu jiġi ttantat. Imma wara li Ġesù waqaf lix-​Xitan, billi uża l-​Kelma t’Alla bħala protezzjoni, Jehovah bagħatlu xi anġli biex isaħħuh. (Mattew 4:1-11) Bl-​istess mod, Jehovah juża lill-​anġli tiegħu biex jgħinuna jekk aħna nitolbu bil-​fidi u nistkennu fih. (Salm 34:8 [34:7, NW]; 91:9-11) L-​appostlu Pietru kiteb: “Jaf mela l-​Mulej jeħles it-​tajbin mit-​tiġrib u jħalli l-​ħżiena biex jieħdu l-​kastig f’jum il-​ġudizzju.”—2 Pietru 2:9.

Ħelsien Sħiħ Hu Qrib

17. Permezz tat-​talba mudell, Ġesù kif poġġa l-​affarijiet wara xulxin kif jixraq skond l-​importanza tagħhom?

17 Fit-​talba mudell, Ġesù jpoġġi l-​affarijiet wara xulxin kif jixraq skond l-​importanza tagħhom. It-​tħassib primarju tagħna għandu jkun it-​taqdis taʼ l-​isem kbir u qaddis taʼ Jehovah. Ladarba l-​istrument li se jwettaq dan hu s-​Saltna Messjanika, aħna nitolbu biex tiġi s-​Saltna u teqred is-​saltniet, jew il-​gvernijiet, imperfetti kollha tal-​bnedmin, u biex tara li r-​rieda t’Alla titwettaq bis-​sħiħ kif fis-​sema hekk ukoll fuq l-​art. It-​tama tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna tiddependi mit-​taqdis taʼ isem Jehovah u mill-​fatt li kulħadd fl-​univers kollu jirrikonoxxi s-​sovranità ġusta tiegħu. Wara li nitolbu għal dawn l-​affarijiet l-​iktar importanti, nistgħu nitolbu għall-​bżonnijiet taʼ kuljum, għall-​maħfra taʼ dnubietna, u biex ninħelsu mit-​tiġrib u mill-​makakkeriji tal-​Ħażin, Satana x-​Xitan.

18, 19. It-​talba mudell li tana Ġesù kif tgħinna nibqgħu għassa filwaqt li nitolbu u nżommu t-​tama tagħna “sħiħa sa l-​aħħar”?

18 Il-​ħelsien komplet tagħna mill-​Ħażin u mis-​sistema dinjija korrotta qed joqrob. Satana jaf tajjeb li ‘ftit żmien baqagħlu’ biex jisfoga l-​“korla kbira” li għandu fuq l-​art, partikolarment fuq il-​qaddejja leali taʼ Jehovah. (Apokalissi 12:12, 17) Fis-​sinjal kompost taʼ “tmiem id-​dinja,” Ġesù bassar ġrajjiet eċċitanti, li xi wħud minnhom għad iridu jseħħu. (Mattew 24:3, 29-31) Hekk kif narawhom jitwettqu, it-​tama tagħna taʼ ħelsien se ssir iktar ċara. Ġesù stqarr: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-​fidwa tagħkom hi fil-​qrib.”—Luqa 21:25-28.

19 It-​talba mudell qasira li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu tipprovdilna gwida taʼ min joqgħod fuqha dwar dak li għandna nitolbu għalih hekk kif qed joqrob it-​tmiem. Jalla nibqgħu fiduċjużi li Jehovah se jkompli jipprovdilna l-​bżonnijiet tagħna taʼ kuljum, kemm spiritwali kif ukoll materjali, preċiż sat-​tmiem. Jekk nibqgħu għassa filwaqt li nitolbu, aħna se nkunu nistgħu “nżommu sħiħa sa l-​aħħar it-​tama li kellna fil-​bidu.”—Lhud 3:14; 1 Pietru 4:7.

[Nota taʼ taħt]

a Xi Bibbji oħra, bħalma hi t-​traduzzjoni taʼ Karm Żammit, jispiċċaw it-​talba tal-​Missierna b’dik li hi magħrufa bħala dossoloġija (espressjoni taʼ tifħir lil Alla): “Għax tiegħek is-​Saltna, u s-​setgħa, u l-​glorja, għal dejjem. Amen.” The Jerome Biblical Commentary jistqarr: “Id-​dossoloġija . . . ma tinstabx fl-​iktar [manuskritti] taʼ min joqgħod fuqhom.”

Bħala Reviżjoni

• Xi jfisser li nitolbu għal “ħobżna taʼ kuljum”?

• Spjega t-​talba “aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.”

• Xi jfisser li nitolbu lil Jehovah biex ma jdaħħalniex fit-​tiġrib?

• Għala għandna bżonn nitolbu “eħlisna mill-​Ħażin”?

[Stampi f’paġna 15]

Irridu naħfru lil oħrajn jekk irridu li jaħfru lilna

[Sors tal-​Istampa f’paġna 13]

Lydekker

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja