LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 8/1 pp. 12-17
  • Agħmlu Jidher l-Avvanz Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmlu Jidher l-Avvanz Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Unità fil-​Fidi u fl-​Għarfien
  • Uri “l-​Frott taʼ l-​Ispirtu”
  • Imxi ’l Quddiem għall-​Glorja t’Alla
  • Agħmel l-Avanz Tiegħek Jidher
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Żgħażagħ—Ħallu lil Kulħadd Jara li Qed Tavanzaw
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ħalli lil Kulħadd Jara li Int Miexi ’l Quddiem
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
  • Kun Progressiv—Imxi ’l Quddiem
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 8/1 pp. 12-17

Agħmlu Jidher l-​Avvanz Tiegħek

“Dawn il-​ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.”—1 TIMOTJU 4:15.

1. Kif tinduna jekk frotta saritx u hix tajba għall-​ikel?

ĠIB quddiem għajnejk il-​frotta favorita tiegħek—xi ħawħa, lanġasa, tuffieħa, jew xi ħaġa oħra. Tinduna int meta tkun saret u hi tajba għall-​ikel? Ċertament li tinduna. Meta xxommha, tħossha, u tara l-​kulur tagħha tkun taf li se tieħu pjaċir tikolha. Malli tieħu gidma, tgħidx kemm tħossok sodisfatt. Dak meraq! Dik ħlewwa! Tagħtik ħafna gost u pjaċir.

2. Il-​maturità kif tidher, u x’effett għandha fuq ir-​relazzjonijiet persunali?

2 Din l-​esperjenza sempliċi imma sabiħa għandha x-​xebh tagħha f’aspetti oħrajn tal-​ħajja. L-​ewwelnett, bħal fil-​każ taʼ frotta li tkun saret, il-​maturità spiritwali f’individwu wkoll tintwera b’diversi modi. Aħna nirrikonoxxu l-​maturità f’individwu meta naraw id-​dixxerniment, id-​dehen, l-​għerf, u kwalitajiet oħrajn. (Ġob 32:​7-9) Żgur li titgħaxxaq tagħmilha u taħdem maʼ nies li juru dawn il-​kwalitajiet fl-​attitudni tagħhom u f’dak li jagħmlu.—Proverbji 13:20.

3. Il-​mod kif Ġesù ddeskriva lin-​nies taʼ żmienu x’wera dwar il-​maturità?

3 Mill-​banda l-​oħra, individwu jistaʼ jkun kiber fiżikament, imma l-​mod kif jitkellem u jaġixxi jistaʼ juri li mhux matur emozzjonalment u spiritwalment. Per eżempju, meta kien qed jitkellem dwar il-​ġenerazzjoni stinata taʼ żmienu, Ġesù Kristu qal: “Ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob, u qegħdin jgħidu, ‘Għandu fih xitan.’ Ġie Bin il-​bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu, ‘Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz.’” Għalkemm dawn in-​nies kienu maturi fiżikament, Ġesù qal li aġixxew bħal “tfal” żgħar—ma kienu maturi xejn. B’hekk, hu żied: “Imma l-​Għerf . . . tawh raġun l-​opri tiegħu stess.”—Mattew 11:​16-19.

4. L-​avvanz u l-​maturità kif jintgħamlu jidhru?

4 Minn kliem Ġesù nistgħu naraw li jekk individwu għandux l-​għerf veru jew le jkun indikat minn dak li jwettaq u mir-​riżultati li jipproduċi. L-​għerf veru huwa sinjal distintiv tal-​maturità. Fi qbil maʼ dan, innota l-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu lil Timotju. Wara li semma l-​affarijiet li Timotju kellu jsus warajhom, Pawlu qal: “Dawn il-​ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.” (1 Timotju 4:15) Iva, il-​mixi ’l quddiem taʼ Kristjan lejn il-​maturità ‘kulħadd jarah,’ jew jirrikonoxxih ċar. Il-​maturità Kristjana, bħal dawl li jiddi, m’hijiex xi kwalità interna jew moħbija. (Mattew 5:​14-16) Għalhekk, se nikkunsidraw żewġ modi prinċipali kif l-​avvanz u l-​maturità jistgħu jintgħamlu jidhru: (1) billi tikber fl-​għarfien, fil-​fehma, u fl-​għerf; (2) billi turi l-​frott taʼ l-​ispirtu.

Unità fil-​Fidi u fl-​Għarfien

5. Il-​maturità kif tistaʼ tiġi definita?

5 Il-​biċċa l-​kbira mid-​dizzjunarji jiddeskrivu l-​maturità bħala l-​istat taʼ żvilupp sħiħ, li wieħed ikun kiber għalkollox, u li jkun kiseb stat finali jew livell mixtieq. Kif issemma qabel, frotta tkun saret, u tkun tajba għall-​ikel, meta tlesti ċ-​ċiklu taʼ tkabbir naturali tagħha u d-​dehra, il-​kulur, ir-​riħa ħelwa, u t-​togħma tagħha jkunu laħqu dak li hu meqjus bħala livell mixtieq. Għalhekk, il-​maturità hija sinonima maʼ l-​eċċellenza, mal-​kompletezza, u saħansitra mal-​perfezzjoni.—Isaija 18:5; Mattew 5:​45-48; Ġakbu 1:4.

6, 7. (a) Liema ħaġa turi li Jehovah hu ħerqan li jara li l-​adoraturi kollha tiegħu jimxu ’l quddiem lejn il-​maturità spiritwali? (b) Il-​maturità spiritwali maʼ liema ħaġa hija relatata mill-​qrib?

6 Alla Jehovah hu ħerqan li jara li l-​adoraturi kollha tiegħu jimxu ’l quddiem lejn il-​maturità spiritwali. Biex iwettaq dan, hu għamel provvedimenti meraviljużi fil-​kongregazzjoni Kristjana. Lill-​Kristjani f’Efesu, l-​appostlu Pawlu kitbilhom: “Huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin; hekk jitrawwmu l-​qaddisin għax-​xogħol tal-​ħidma tagħhom għall-​bini tal-​Ġisem taʼ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-​fidi u fl-​għarfien [“eżatt,” NW] taʼ l-​Iben taʼ Alla; nsiru raġel magħmul, fl-​aħjar taʼ żmienu [“fil-​qjies tal-​kobor,” Karm Żammit]. U hekk isseħħ il-​milja taʼ Kristu, u ma nkunux aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim bil-​qerq tal-​bnedmin u bl-​ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-​iżball.”—Efesin 4:​11-14.

7 F’dawn il-​versi, Pawlu spjega li fost ir-​raġunijiet għala Alla għamel dawn il-​provvedimenti spiritwali bl-​abbundanza fil-​kongregazzjoni hemm li lkoll għandhom ‘isiru ħaġa waħda fil-​fidi u fl-​għarfien’ eżatt, isiru “raġel magħmul,” u jkollhom il-​‘qjies tal-​kobor taʼ Kristu.’ Huwa biss b’dan il-​mod li se nkunu meħlusin milli niġu mitfugħin ’l hawn u ’l hemm bħal trabi spiritwali permezz taʼ tagħlim u ideat foloz. B’dan il-​mod naraw ir-​relazzjoni mill-​qrib li hemm bejn li navanzaw għall-​maturità Kristjana u li naslu biex “insiru ħaġa waħda fil-​fidi u fl-​għarfien [“eżatt,” NW] taʼ l-​Iben taʼ Alla.” Hemm għadd taʼ punti fil-​parir taʼ Pawlu li nagħmlu tajjeb jekk indaħħluhom f’qalbna.

8. X’inhu meħtieġ biex inkunu “ħaġa waħda” fil-​fidi u fl-​għarfien eżatt?

8 L-​ewwel, peress li trid tinżamm l-​unità, Kristjan matur irid ikun “ħaġa waħda” u f’armonija sħiħa maʼ sħabu fit-​twemmin fejn jidħlu l-​fidi u l-​għarfien. Hu ma jirriklamax jew jinsisti fuq opinjonijiet persunali jew iħaddan ġo fih ideat privati fejn tidħol il-​fehma tal-​Bibbja. Minflok, għandu fiduċja sħiħa fil-​verità kif tiġi rivelata minn Alla Jehovah permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, u “l-​ilsir leali u diskret.” Billi nieklu regolarment l-​ikel spiritwali provdut “fil-​ħin”—permezz taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani, laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet—nistgħu nkunu ċerti li se nibqgħu nkunu “ħaġa waħda” maʼ sħabna l-​Kristjani fil-​fidi u fl-​għarfien.—Mattew 24:​45, NW.

9. Spjega t-​tifsira taʼ l-​espressjoni “fil-​fidi” kif użata minn Pawlu fl-​ittra tiegħu lill-​Efesin.

9 It-​tieni, l-​espressjoni “fil-​fidi” ma tirreferix għall-​konvinzjoni li jkollu kull Kristjan individwali, imma għat-​totalità tat-​twemmin tagħna, “il-​wisaʼ u t-​tul, l-​għoli u l-​fond” tiegħu. (Efesin 3:18; 4:5; Kolossin 1:23; 2:7) Fil-​fatt, Kristjan kif jistaʼ jkun ħaġa waħda maʼ sħabu fit-​twemmin jekk jemmen jew jaċċetta biss ċerta parti mill-​“fidi”? Dan ifisser li ma rridux inkunu kuntenti b’li nkunu nafu biss it-​tagħlim bażiku tal-​Bibbja jew li jkollna għarfien imċajpar jew parzjali dwar il-​verità. Minflok, għandna nkunu interessati li nieħdu vantaġġ mill-​provvedimenti kollha taʼ Jehovah permezz taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu biex inħaffru fil-​fond fil-​Kelma tiegħu. Irridu nistinkaw biex niksbu fehma eżatta u sħiħa tar-​rieda t’Alla kemm jistaʼ jkun. Dan jinkludi li nieħdu l-​ħin biex naqraw u nistudjaw il-​Bibbja u pubblikazzjonijiet Bibliċi, biex nitolbu lil Alla għall-​għajnuna u l-​gwida tiegħu, biex nattendu regolarment il-​laqgħat Kristjani, u biex ikollna sehem sħiħ fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli.—Proverbji 2:​1-5.

10. X’inhu s-​sinifikat tal-​kliem “sakemm aħna lkoll naslu,” kif inhu użat f’Efesin 4:13?

10 It-​tielet, Pawlu introduċa d-​deskrizzjoni taʼ l-​għan triplu bil-​kliem “sakemm aħna lkoll naslu.” Rigward l-​espressjoni “aħna lkoll,” manwâl Bibliku jagħti t-​tifsira bħala “mhux ilkoll, wieħed wieħed, separatament, imma lkoll flimkien.” Fi kliem ieħor, kull wieħed minna għandu jagħmel sforz raġunevoli biex isus wara l-​għan tal-​maturità Kristjana flimkien mal-​fratellanza kollha kemm hi. The Interpreter’s Bible tosserva: “Il-​milja tat-​twettiq spiritwali m’għandhiex tinkiseb mill-​individwu waħdu, sewwa sew bħalma parti waħda tal-​ġisem ma tistax tasal għall-​iżvilupp matur tagħha jekk il-​ġisem kollu ma jkomplix jikber.” Pawlu fakkar lill-​Kristjani Efesin li huma kellhom jistinkaw “mal-​qaddisin kollha” biex jifhmu dak kollu li hu involut fil-​fidi.—Efesin 3:18a.

11. (a) Li timxi ’l quddiem spiritwalment x’ma jimplikax? (b) X’għandna bżonn nagħmlu biex nimxu ’l quddiem?

11 Mill-​kliem taʼ Pawlu jidher ċar li biex nimxu ’l quddiem spiritwalment m’huwiex biżżejjed li nimlew moħħna bl-​għarfien u b’ħafna tagħlim. Il-​Kristjan matur ma jipprovax jimpressjona lil ħaddieħor bit-​talenti tiegħu. Minflok, il-​Bibbja tgħid: “Triq it-​tajbin bħal dawl iż-​żerniq, li jżid jitqawwa sal-​milja tal-​jum.” (Proverbji 4:18) Iva, hija t-​“triq,” mhux l-​individwu, li ‘żżid titqawwa.’ Jekk nagħmlu sforz kontinwu biex inżommu l-​pass mal-​fehma li qed issir dejjem iktar ċara tal-​Kelma t’Alla u li Jehovah qed jagħti lin-​nies tiegħu, se nkunu qegħdin nimxu ’l quddiem spiritwalment. F’dan il-​każ, li żżomm il-​pass ifisser li tibqaʼ għaddej ’il quddiem, u din hi xi ħaġa li kulħadd jistaʼ jagħmilha.—Salm 97:11; 119:105.

Uri “l-​Frott taʼ l-​Ispirtu”

12. Għala huwa importanti li nuru l-​frott taʼ l-​ispirtu biex nipprovaw nimxu ’l quddiem spiritwalment?

12 Waqt li huwa importanti li naslu biex “insiru ħaġa waħda fil-​fidi u fl-​għarfien” eżatt, huwa daqstant importanti li nuru l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla f’kull aspett taʼ ħajjitna. Għala? Għaliex, bħalma rajna, il-​maturità m’hijiex interna jew moħbija, imma hija mmarkata b’karatteristiċi ċari li jidhru faċilment u li jistgħu jibbenefikaw u jibnu lil oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, il-​fatt li nipprovaw nimxu ’l quddiem spiritwalment m’huwiex biss sforz biex nuru xi tip taʼ manjieri rfinuti. Minflok, hekk kif nikbru spiritwalment, billi nsegwu dak li jgħidilna l-​ispirtu t’Alla, l-​attitudnijiet u l-​azzjonijiet se jinbidlu b’mod meraviljuż. “Imxu fl-​ispirtu u taqgħux għall-​passjonijiet tal-​ġisem,” qal l-​appostlu Pawlu.—Galatin 5:16.

13. Liema bidla hija indikazzjoni ċara li wieħed ikun miexi ’l quddiem?

13 Pawlu ssokta jsemmi “l-​għemejjel tal-​ġisem,” li huma ħafna u “magħrufa.” Qabel ma individwu jibda japprezza dak li jirrikjedi Alla, ħajtu tkun imfassla fuq il-​modi tad-​dinja u tistaʼ tkun mimlija bi ftit mill-​affarijiet li semma Pawlu: “żína, faħx, nuqqas taʼ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn.” (Galatin 5:​19-21) Imma hekk kif l-​individwu jipprogressa spiritwalment, hu bil-​mod il-​mod irażżan dawn “l-​għemejjel tal-​ġisem” mhux mixtiqin u jagħmel il-​wisaʼ għall-​“frott taʼ l-​Ispirtu.” Din il-​bidla li tidher minn barra hija indikazzjoni ċara li l-​individwu miexi ’l quddiem lejn il-​maturità Kristjana.—Galatin 5:22.

14. Spjega ż-​żewġ espressjonijiet “l-​għemejjel tal-​ġisem” u “l-​frott taʼ l-​Ispirtu.”

14 Għandna ninnotaw iż-​żewġ espressjonijiet “l-​għemejjel tal-​ġisem” u “l-​frott taʼ l-​Ispirtu.” “L-​għemejjel” huma r-​riżultat taʼ dak li jagħmel individwu, il-​prodott taʼ l-​azzjonijiet tiegħu. Fi kliem ieħor, l-​affarijiet li semma Pawlu bħala l-​għemejjel tal-​ġisem huma r-​riżultat jew taʼ l-​isforz kuxjenzjuż taʼ l-​individwu jew taʼ l-​influwenza tal-​ġisem uman midneb. (Rumani 1:​24, 28; 7:​21-25) Mill-​banda l-​oħra, l-​espressjoni “l-​frott taʼ l-​Ispirtu” turi li l-​kwalitajiet imsemmijin m’humiex ir-​riżultat taʼ l-​isforzi li jsiru fl-​hekk imsejjaħ żvilupp tal-​karattru jew tkabbir tal-​personalità, imma r-​riżultat tal-​ħidma taʼ l-​ispirtu t’Alla fuq dak li jkun. Sewwa sew bħalma siġra se tagħti l-​frott jekk dak li jkun jieħu ħsiebha b’mod xieraq, hekk ukoll wieħed se juri l-​frott taʼ l-​ispirtu meta jħalli l-​ispirtu qaddis jaħdem liberament f’ħajtu.—Salm 1:​1-3.

15. Għala huwa importanti li nagħtu l-​attenzjoni lill-​aspetti kollha tal-​“frott taʼ l-​Ispirtu”?

15 Punt ieħor li rridu nikkunsidraw huwa kif Pawlu uża l-​kelma “frott” biex tinkludi l-​kwalitajiet mixtiqin kollha li semma hu. L-​ispirtu ma jipproduċix varjetà taʼ frott biex aħna nagħżlu l-​waħda favorita tagħna. Il-​kwalitajiet kollha li semma Pawlu—l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan—huma importanti lkoll, u flimkien jagħmluha possibbli li wieħed jilbes il-​personalità Kristjana ġdida. (Efesin 4:24; Kolossin 3:10) Għalhekk, waqt li għandna mnejn insibu li ċertu kwalitajiet huma iktar evidenti f’ħajjitna minħabba l-​personalità u l-​inklinazzjonijiet tagħna stess, ikun importanti li nagħtu l-​attenzjoni tagħna lill-​aspetti kollha li semma Pawlu. Jekk nagħmlu hekk, inkunu nistgħu nirriflettu iktar bis-​sħiħ personalità bħal taʼ Kristu f’ħajjitna.—1 Pietru 2:​12, 21.

16. X’inhi l-​mira tagħna fil-​ġiri tagħna wara l-​maturità Kristjana, u kif nistgħu nwettquha?

16 Il-​lezzjoni importanti li nistgħu nitgħallmu mid-​diskussjoni taʼ Pawlu hija li, fil-​ġiri tagħna wara l-​maturità Kristjana, il-​mira tagħna la hi biex niksbu ħafna għarfien u tagħlim u lanqas biex nikkultivaw karatteristiċi rfinuti tal-​personalità. Hija biex inħallu l-​ispirtu t’Alla jaħdem bil-​libertà f’ħajjitna. Skond kemm il-​ħsieb u l-​azzjonijiet tagħna jwieġbu għal dak li jgħidilhom l-​ispirtu t’Alla, daqshekk ieħor insiru maturi spiritwalment. Kif nistgħu nwettquha din il-​mira? Irridu niftħu qalbna u moħħna għall-​influwenza taʼ l-​ispirtu t’Alla. Dan jinvolvi li b’mod regulari nattendu l-​laqgħat Kristjani u nipparteċipaw fihom. Għandna wkoll nistudjaw regolarment il-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha, u b’hekk inħallu l-​prinċipji tagħha jiggwidaw l-​aġir tagħna maʼ ħaddieħor, l-​għażliet li nagħmlu, u d-​deċiżjonijiet li nieħdu. B’hekk, l-​avvanz tagħna ċertament li se jkun jidher ċar.

Imxi ’l Quddiem għall-​Glorja t’Alla

17. Il-​fatt li nimxu ’l quddiem x’għandu x’jaqsam maʼ li nigglorifikaw lil Missierna tas-​sema?

17 Fl-​aħħarnett, meta l-​mixi tagħna ’l quddiem nagħmluh jidher, dan iġib glorja u tifħir, mhux lilna nfusna, imma lil Missierna tas-​sema, Jehovah, li jagħmilha possibbli għalina li naslu għall-​maturità Kristjana. Fil-​lejl qabel ma nqatel Ġesù, hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Din hi l-​glorja taʼ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.” (Ġwann 15:8) Kemm bil-​frott taʼ l-​ispirtu kif ukoll bil-​frott tas-​Saltna permezz tal-​ministeru tagħhom, id-​dixxipli gglorifikaw lil Jehovah.—Atti 11:​4, 18; 13:48.

18. (a) Liema ħsad mimli ferħ qed iseħħ illum? (b) Dan il-​ħsad liema sfida jippreżenta?

18 Illum, il-​barka taʼ Jehovah qiegħda fuq in-​nies tiegħu hekk kif jieħdu sehem fi ħsad spiritwali madwar id-​dinja. Issa ilna għadd taʼ snin ikollna madwar 300,000 ruħ li kull sena jiddedikaw ruħhom lil Jehovah u jissimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom bil-​magħmudija taʼ l-​ilma. Dan jagħmilna henjin u bla dubju jferraħ ukoll qalb Jehovah. (Proverbji 27:11) Madankollu, biex dan ikun sors kontinwu taʼ ferħ u tifħir għal Jehovah, dawn il-​ġodda kollha jeħtieġ li jkomplu ‘jgħixu magħqudin maʼ Kristu, iniżżlu għeruqhom fih, u jibnu l-​ħajja tagħhom fuqu; jissaħħu fil-​fidi.’ (Kolossin 2:​6, 7) Dan jippreżenta sfida doppja għan-​nies t’Alla. Minn banda waħda, jekk m’ilekx li tgħammidt, se taċċettaha int l-​isfida li taġixxi b’tali mod li “kulħadd jara li int miexi ’l quddiem”? Mill-​banda l-​oħra, jekk ilek għal xi żmien fil-​verità, se taċċettaha int l-​isfida li terfaʼ fuq spallejk ir-​responsabbiltà li jimpurtak mill-​ġid spiritwali tal-​ġodda? Fiż-​żewġ każi, jidher ċar li rridu nagħfsu ’l quddiem lejn il-​maturità.—Filippin 3:16; Lhud 6:1.

19. Liema privileġġ u barkiet jistgħu jkunu tiegħek jekk il-​mixi ’l quddiem tiegħek tagħmlu jidher?

19 Hemm barkiet meraviljużi x’jistennew dawk kollha li jaħdmu iebes biex il-​mixi tagħhom ’il quddiem jagħmluh jidher. Ftakar fil-​kliem inkuraġġanti taʼ Pawlu wara li ħeġġeġ lil Timotju biex jimxu ’l quddiem: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-​tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-​ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:16) Billi b’mod għaqli tagħmel il-​mixi ’l quddiem tiegħek jidher, int ukoll tistaʼ tieħu sehem fil-​privileġġ li tigglorifika l-​isem t’Alla u tgawdi l-​barkiet tiegħu.

Tiftakar Int?

• Il-maturità spiritwali b’liema modi tistaʼ tintgħamel tidher?

• Liema tip t’għarfien u fehma jirrifletti l-​maturità?

• Il-fatt li turi “l-​frott taʼ l-​Ispirtu” kif jindika li miexi ’l quddiem spiritwalment?

• Liema sfida għandna naċċettaw hekk kif nagħfsu ’l quddiem lejn il-​maturità?

[Stampa f’paġna 13]

Tinduna sew meta frotta tkun saret, jew immaturat

[Stampa f’paġna 15]

Nimxu ’l quddiem spiritwalment billi nżommu l-​pass mal-​verità rivelata

[Stampa f’paġna 17]

It-​talb jgħinna nuru “l-​frott taʼ l-​Ispirtu”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja