LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jy kap. 39 p. 98-p. 99 para. 7
  • Gwaj għal ġenerazzjoni li ma tridx tagħti widen

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Gwaj għal ġenerazzjoni li ma tridx tagħti widen
  • Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Materjal Simili
  • L-Imkabbrin u l-Umlin
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Rimedju Prattiku Kif Teħles mill-Istress
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Il-Madmad Tiegħi Ħelu u t-Toqol Tiegħi Ħafif”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Stedina bl-Imħabba lill-Uħud Għajjenin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
jy kap. 39 p. 98-p. 99 para. 7

KAPITLU 39

Gwaj għal ġenerazzjoni li ma tridx tagħti widen

MATTEW 11:16-​30 LUQA 7:31-​35

  • ĠESÙ JĊANFAR LIL ĊERTI BLIET

  • HU JOFFRI SERĦAN

Ġesù għandu rispett kbir għal Ġwanni l-​Battista, imma l-​biċċa l-​kbira min-​nies kif iħarsu lejn Ġwanni? “Din il-​ġenerazzjoni,” jgħid Ġesù, “tixbah lil tfal żgħar bil-​qiegħda fis-​swieq li jgħajtu lil sħabhom u jgħidulhom, ‘Daqqejnielkom il-​flawt, imma ma żfintux; newwaħna, imma ma ħabbattux fuq sidirkom bin-​niket.’”—Mattew 11:16, 17.

Xi jrid ifisser Ġesù? Hu jiċċara dan il-​punt: “Ġwanni la ġie jiekol u lanqas jixrob, u madankollu n-​nies jgħidu, ‘Għandu demonju’; Bin il-​bniedem ġie jiekol u jixrob, u xorta n-​nies jgħidu, ‘Ara! Raġel b’kilba għall-​ikel u mogħti għall-​inbid, ħabib tal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin.’” (Mattew 11:18, 19) Minn banda, Ġwanni għex ħajja sempliċi bħala Nażirit, saħansitra ma xorobx inbid, iżda din il-​ġenerazzjoni tgħid li hu maħkum minn demonju. (Numri 6:2, 3; Luqa 1:15) Mill-​banda l-​oħra, Ġesù jgħix bħal irġiel oħrajn. Hu jiekol u jixrob b’mod bilanċjat, imma jakkużawh li jiekol u jixrob iżżejjed. Donnhom b’xejn ma jkunu sodisfatti dawn in-​nies.

Ġesù jqabbel lill-​ġenerazzjoni maʼ tfal żgħar fis-​swieq li jirrifjutaw li jiżfnu meta tfal oħrajn idoqqu l-​flawt jew li jitnikktu meta oħrajn inewħu. “Xorta waħda,” hu jgħid, “l-​għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.” (Mattew 11:16, 19) Iva, l-​‘għemil’—jiġifieri, l-​evidenza li taw Ġwanni u Ġesù—juri li l-​akkużi kontrihom huma foloz.

Wara li Ġesù jiddeskrivi lill-​ġenerazzjoni bħala li ma tagħtix widen, hu jċanfar lil ċerti bliet speċifikament, dawk taʼ Korażin, Betsajda, u Kafarnahum, fejn għamel għemejjel setgħanin. Ġesù jgħid li kieku wettaq għemejjel bħal dawn fil-​bliet taʼ Tir u Sidon, ġewwa l-​Feniċja, dawn il-​bliet kienu jindmu. Isemmi wkoll lil Kafarnahum, il-​post fejn kien qed jgħix għal xi żmien. Anki hemmhekk, il-​biċċa l-​kbira ma laqgħux il-​messaġġ. Ġesù jgħid hekk dwar din il-​belt: “Ikun eħfef għall-​art taʼ Sodoma f’Jum il-​Ġudizzju milli għalik.”—Mattew 11:24.

Ġesù mbagħad ifaħħar lil Missieru, li jaħbi veritajiet spiritwali prezzjużi “mill-​għorrief u l-​intellettwali” imma jikxef dawn l-​affarijiet lil nies komuni, li huma bħal tfal ċkejknin. (Mattew 11:25) Hu jagħmel stedina mill-​isbaħ lil dawn l-​uħud: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.”—Mattew 11:28-​30.

Ġesù kif joffri serħan? Il-​mexxejja reliġjużi għabbew lin-​nies bi tradizzjonijiet taʼ piż, bħal regoli stretti żżejjed fis-​Sabat. Imma Ġesù jserraħhom billi jgħallimhom il-​verità t’Alla, li hi ħielsa minn dawn it-​tradizzjonijiet. Ukoll, lil dawk li jħossuhom mgħaffġin minħabba l-​ħakma tal-​awtoritajiet politiċi u lil dawk li jħossuhom imtaqqlin bid-​dnub, hu jurihom kif isibu serħan. Iva, Ġesù jgħidilhom kif dnubiethom jistgħu jinħafrulhom u kif jistgħu jkunu fil-​paċi m’Alla.

Dawk kollha li jaċċettaw il-​madmad ħelu taʼ Ġesù jistgħu jiddedikaw ruħhom lil Alla u jaqdu lil Missierna tas-​sema li jagħder u jħenn. Dan ma jinvolvix xi tagħbija tqila, għax dak li jirrikjedi minna Alla mhuwiex taʼ piż.—1 Ġwanni 5:3.

  • In-​nies tal-​ġenerazzjoni taʼ Ġesù kif inhuma bħal tfal?

  • Xi jqanqal lil Ġesù biex ifaħħar lil Missieru tas-​sema?

  • Ħafna nies b’liema modi huma mtaqqlin, imma Ġesù liema serħan joffrilhom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja