LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w91 12/1 pp. 12-16
  • Nikkomunikaw fil-Ministeru Kristjan

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nikkomunikaw fil-Ministeru Kristjan
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Komunikazzjoni bla Kliem
  • Ir-​Raġunar Vitali għal Komunikazzjoni
  • Kwalitajiet Meħtieġa għal Komunikazzjoni Effettiva
  • L-​Imħabba—Għajnuna fil-​Komunikazzjoni
  • Nikkomunikaw Ġewwa l-Familja u fil-Kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Jehovah u Kristu Quddiemnett f’li Jikkomunikaw
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Il-Komunikazzjoni li Twassal għall-Ħajja
    Stenbaħ!—2003
  • Tgħallem Ikkomunika!
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
w91 12/1 pp. 12-16

Nikkomunikaw fil-​Ministeru Kristjan

“Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.”−MATTEW 28:19.

1. Liema inkarigu mogħti minn Kristu jimplika l-​ħtieġa għal komunikazzjoni?

L-​INKARIGU taʼ Ġesù, ikkwotat hawn fuq, jippreżentalna l-​isfida li nikkomunikaw man-​nies fil-​ministeru tagħna hekk kif immorru minn dar għal dar, nagħmlu żjajjar lura, u nieħdu sehem fil-​fatturi l-​oħrajn kollha tal-​ippridkar tas-​Saltna. Inkluża f’dak l-​inkarigu hija r-​responsabbiltà li nagħmlu magħrufa l-​verità dwar Alla Jehovah, u dwar Ġesù Kristu, u dwar is-​Saltna Messjanika li fiha Ġesù issa jaħkem.—Mattew 25:31-33.

2. Biex nikkomunikaw b’mod effettiv, x’għandna bżonn?

2 Kif nistgħu nikkomunikaw b’mod effettiv? L-​ewwel, aħna rridu nemmnu fl-​informazzjoni li qed nikkomunikaw. Fi kliem ieħor, irid ikollna fidi qawwija li Jehovah hu l-​uniku veru Alla, li l-​Bibbja hija tassew il-​Kelma t’Alla, u li s-​Saltna t’Alla hija l-​unika tama għall-​umanità. B’dak il-​mod, dak li ngħallmu se jiġi mill-​qalb, u nkunu qed nagħtu kas tal-​parir taʼ Pawlu lil Timotew: “Agħmel ħiltek kollha biex tippreżenta lilek innifsek approvat minn Alla, ħaddiem li m’għandu xejn imniex jistħi, billi timmaniġġja l-​kelma tal-​verità sewwa.”−2 Timotew 2:15.

Komunikazzjoni bla Kliem

3-5. (a) Kif nistgħu nikkomunikaw mingħajr saħansitra ma nlissnu kelma? (b) Liema esperjenzi juru dan?

3 Il-​komunikazzjoni taʼ spiss tinvolvi l-​kliem. Imma, fil-​fatt, aħna nikkomunikaw man-​nies saħansitra qabel nitkellmu magħhom. Kif? Bil-​mod kif inġibu ruħna u bil-​mod kif nilbsu u kif nidhru. Snin ilu missjunarju li ggradwa mill-​Watchtower Bible School of Gilead kien qed jivvjaġġa bil-​vapur lejn il-​pajjiż barrani fejn ġie nkarigat li jaqdi. Wara ftit ġranet fuq il-​baħar, wieħed stranġier staqsieh għala hu kien tant differenti mill-​oħrajn kollha li kien hemm abbord. Il-​missjunarju kien qed jikkomunika xi ħaġa notevoli—li hu kellu livelli differenti u li kien avviċinabbli—sempliċement mid-​dehra u mill-​attitudni tiegħu. Dan ippreżenta opportunità mill-​aħjar għall-​missjunarju biex jagħti xiehda.

4 Darb’oħra, waħda oħt li kienet ġo triq toffri letteratura Biblika lin-​nies li jgħaddu minn hemm tbissmet bil-​ħlewwa lil waħda mara li għaddiet maʼ ġenbha. Din il-​mara bdiet nieżla t-​taraġ tal-​istazzjon tal-​ferrovija taʼ taħt l-​art. Imbagħad dawret ħsiebha, imxiet lura lejn l-​oħt, u staqsietha għal studju tal-​Bibbja fid-​dlar. X’kien impressjonaha? Għalkemm ma kinetx ġiet offruta letteratura Biblika, hi kienet irċeviet tbissima taʼ ħbiberija mix-​Xhud li kienet fit-​triq.

5 It-​tielet eżempju: Grupp taʼ Xhieda żgħażagħ marru jieklu f’restorant u stagħġbu meta stranġier ġie ħdejn il-​mejda tagħhom u ħallsilhom l-​ikla. Għala għamel dan? Hu kien ġie mpressjonat bl-​imġieba tagħhom. Mingħajr ma qalu kelma waħda lill-​istranġier, dawn il-​Kristjani żgħażagħ kienu kkomunikaw li huma kienu individwi li kellhom il-​biżaʼ t’Alla. Biċ-​ċar, bl-​imġieba, bl-​apparenza, u bil-​ħbibėrija tagħna, aħna nikkomunikaw saħansitra qabel ma nlissnu kelma waħda.—Qabbel 1 Pietru 3:1, 2.

Ir-​Raġunar Vitali għal Komunikazzjoni

6. Agħti tixbieha dwar kif ir-​raġunar huwa imprezzabbli fil-​komunikazzjoni.

6 Biex nikkomunikaw bil-​kliem man-​nies dwar l-​aħbar tajba, aħna rridu nkunu ppreparati, biex ma nitkellmux b’mod dommatiku, imma biex nirraġunaw magħhom. Aħna b’mod ripetut naqraw li Pawlu rraġuna maʼ dawk li lilhom ipprova jagħti l-​aħbar tajba. (Atti 17:2, 17; 18:19) Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju tiegħu? Sewwa, kundizzjonijiet dinjin li dejjem sejrin għall-​agħar jistgħu wasslu lil xi wħud biex jiddubitaw dwar l-​eżistenza taʼ Alla li jistaʼ kollox u taʼ mħabba li jimpurtah mill-​umanità. Aħna nistgħu nirraġunaw magħhom, iżda, li Alla għandu ħin għal kollox. (Ekkleżjasti 3:1-8) B’hekk, Galatin 4:4 igħid li meta wasal iż-​żmien maħtur t’Alla, hu bagħat lil Ibnu fuq l-​art. Dan kien eluf taʼ snin wara li hu wiegħed l-​ewwel darba li se jagħmel dan. B’mod simili, meta jasal iż-​żmien maħtur tiegħu, hu se jtemm it-​tbatija u l-​ħażen. Barra minn dan, il-​Kelma t’Alla turi li Alla għandu raġunijiet qawwijin għala qed jippermetti l-​ħażen li jkompli tant fit-​tul. (Qabbel Eżodu 9:16.) Li tirraġuna b’dan il-​mod, u li tappoġġja dak ir-​raġunar b’tixbihat u provi Skritturali qawwijin, se jgħin lil uħud sinċieri jirrealizzaw li l-​prevalenza tal-​ħażen ma tistax tintuża bħala argument li Jehovah ma jeżistix jew li ma jimpurtahx.—Rumani 9:14-18.

7, 8. Kif jistaʼ r-​raġunar igħinna nikkomunikaw maʼ Lhudi Ortodoss?

7 Nassumu li waqt li tkun għaddej minn dar għal dar, inkwilin igħidlek: “Jien Lhudi. M’inix interessat.” Kif tistaʼ tkompli? Wieħed hu jirrapporta suċċess billi uża dan ir-​raġunar: ‘Jien ċert li taqbel miegħi li Mosè kien wieħed mill-​akbar profeti li Alla qatt uża. U kont taf li hu qal kif insibu f’​Dewteronomju 31:29: “Jien naf sewwa li wara l-​mewt tiegħi intom se . . . dduru fil-​ġenb mill-​mogħdija li dwarha jien ikkmandajtkom; u gwaj żgur li se jiġi fuqkom”? Mosè kien profeta veru u għalhekk kliemu ried iseħħ. Setaʼ ġara ii dan seħħ meta Alla bagħat lill-​Messija lil-​Lhud u kien għalhekk li l-​Lhud ma aċċettawhx? Dak setaʼ kien il-​każ. Issa jekk dan hu hekk u huma għamlu żball, huwa dak raġuni għala int u jien għandna nagħmlu l-​istess żball?’

8 Ftakar, ukoll, il-​Lhud sofrew wisq minn idejn il-​Kristjaneżmu, b’mod partikulari f’dan is-​seklu. Mela forsi tajjeb li tgħid lill-​inkwilin li aħna ma kellna ebda parti f’dak. Per eżempju, forsi tistaʼ tgħid: ‘Kont taf li meta Hitler kien fil-​poter, ix-​Xhieda taʼ Jehovah sfidaw il-​bojkott tiegħu kontra l-​Lhud? Huma rrifjutaw ukoll li jgħajtu “Heil Hitler” u li jaqdu fl-​armata tiegħu.’a

9, 10. Kif jistaʼ r-​raġunar jintuża biex igħin lil xi ħadd li jemmen fl-​infern tan-​nar?

9 Meta tipprova tikkomunika maʼ xi ħadd li jemmen bin-​nar tal-​infern, int tistaʼ tirraġuna li kieku individwu kellu jsofri għall-​eternità fl-​infern, hu jrid ikollu ruħ immortali. Dak li jemmen fl-​infern tan-​nar se jaqbel miegħek mill-​ewwel. Imbagħad tistaʼ ssemmi r-​rakkont tal-​ħolqien taʼ Adam u Eva u b’qalb tajba tistaqsi jekk hu nnotax xi darba f’dak ir-​rakkont jekk qattx tissemma din ir-​ruħ immortali. Billi tavvanza bir-​raġunar tiegħek, tistaʼ mbagħad tiġbed l-​attenzjoni tiegħu lejn Ġenesi 2:7, fejn il-​Bibbja tgħidilna li Adam sar ruħ. U innota x’qal Alla li kellu jkun ir-​riżultat tad-​dnub taʼ Adam: “Fil-​għaraq taʼ wiċċek se tiekol il-​ħobż sakemm terġaʼ lura lejn l-​art, għax minnha int kont meħud. Għax trab int u lejn it-​trab se terġaʼ lura.” (Ġenesi 3:19) Għaldaqstant, Adam ir-​ruħ mar lura lejn it-​trab.

10 Int tistaʼ tiġbed ukoll l-​attenzjoni għall-​fatt li mkien fir-​rakkont taʼ Ġenesi Alla ma jsemmi tbatija taʼ dejjem fl-​infern tan-​nar. Meta Alla wissa lil Adam biex ma jikolx mill-​frotta pprojbita, hu qal: “Fil-​jum li tiekol minnha int żgur se tmut.” (Ġenesi 2:17) Ma jissemma ebda infern tan-​nar! Kieku r-​riżultat veru tad-​dnub għal Adam kellu jkun, mhux mewt, li ’jerġaʼ lura lejn it-​trab,’ imma tbatija eterna, bil-​ġustizzja kollha ma kienx imissu Alla spjega dan b’mod ċar? Għaldaqstant, raġunar bl-​attenzjoni u b’qalb tajba jistaʼ jgħin lil individwu sinċier jara l-​inkonsistenzi fit-​twemmin tiegħu. Jalla qatt ma ninsew l-​importanza taʼ li nappellaw għar-​raġunar hekk kif naqsmu maʼ oħrajn il-​verità tal-​Kelma t’Alla.—Qabbel 2 Timotew 2:24-26; 1 Ġwann 4:8, 16.

Kwalitajiet Meħtieġa għal Komunikazzjoni Effettiva

11-13. Liema kwalitajiet Kristjani jistgħu jgħinuna nikkomunikaw b’mod effettiv?

11 Issa, liema kwalitajiet irridu nikkultivaw sabiex nikkomunikaw veritajiet tas-​Saltna b’mod l-​iktar effettiv? Sewwa, x’igħidilna l-​eżempju taʼ Ġesù? F’​Mattew 11:28-30, naqraw kliemu: “Ejjew għandi, intom ilkoll li taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-​qalb, u intom se ssibu serħan għal erwieħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħanin u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” Hemm naraw wieħed mill-​imfietaħ taʼ suċċess taʼ Ġesù f’li jikkomunika. Hu kien kalm u umli fil-​qalb. Nies b’kundizzjoni tajba tal-​qalb sabuh rif-freskanti. L-​appostlu Pawlu wkoll tana eżempju mill-​aħjar, għax, kif qal lill-​anzjani taʼ Efesu, mill-​ewwel jum li mar għandhom, hu kien jitjassar għall-​Mulej “bl-​akbar umiltà tal-​moħħ.”−Atti 20:19.

12 Billi aħna nuru dejjem il-​modestja u l-​umiltà tal-​moħħ, oħrajn se jsibu li aħna wkoll riffreskanti, u se jkun eħfef għalina li nikkomunikaw magħhom. Kwalunkwe attitudni oħra wisq probabbli se tqajjem ħajt bejna u bejn dawk li magħhom qed nippruvaw nikkomunikaw. Verament, ”[i]l-għerf qiegħed mal-​modesti.”−Proverbji 11:2.

13 Sabiex ngħaddu l-​informazzjoni b’mod effettiv, aħna rridu wkoll inkunu paċenzjużi u tattikużi. L-​appostlu Pawlu ċertament li kien tattikuż meta ta xiehda lill-​filosfi miġburin quddiemu fuq il-​Għolja taʼ Marte. Hu ppreżenta l-​aħbar tajba b’tali mod li huma setgħu jifhmu. (Atti 17:18, 22-31) Jekk nixtiequ nikkomunikaw b’suċċess mas-​semmiegħa tagħna, irridu nagħtu kas tal-​parir li l-​appostlu Pawlu ta lill-​Kolossin meta qal: “Ħallu l-​konverzazzjoni tagħkom tkun dejjem grazzjuża, u qatt bla sugu; studjaw kif l-​aħjar li titkellmu maʼ kull persuna li tiltaqgħu magħha.” (Kolossin 4:6, The New English Bible) Kliemna għandu jkun dejjem li jħalli togħma tajba. Kliem bħal dan għandu t-​tendenza li jiftaħ l-​imħuħ tas-​semmiegħa tagħna, fil-​waqt li rimarki bla ħsieb se jġagħluhom jagħlqu moħħhom.

14. Attitudni rilassata u taʼ konverzazzjoni kif tistaʼ tgħinna biex nikkomunikaw maʼ oħrajn?

14 Aħna rridu nidhru rilassati f’kull ħin. Dan igħin lis-​semmiegħa tagħna biex ikunu komdi. Li tkun rilassat ifisser li ma tkunx anzjuż wisq biex titkellem int il-​ħin kollu. Minflok, b’attitudni mhux imgħaġġla u b’mistoqsijiet taʼ ħbiberija, aħna nagħtu lis-​semmiegħa tagħna opportunità biex jesprimu lilhom infushom. B’mod speċjali meta nkunu qed nagħtu xiehda informali huwa għaqli li ninkuraġġixxu lill-​persuna l-​oħra biex titkellem. B’hekk, wieħed Xhud darba sab lilu nnifsu bil-​qiegħda fuq l-​ajruplan ħdejn qassis Kattoliku Ruman. Għal iktar minn siegħa, ix-​Xhud baqaʼ jippreżenta mistoqsijiet b’tattika lill-​qassis, u l-​qassis bit-​tweġibiet tiegħu, kważi tkellem dejjem hu. Imma sal-​waqt li ġew biex jisseparaw, il-​qassis kien ħa għadd taʼ pubblikazzjonijiet Bibliċi. Attitudni paċenzjuża bħal din se tgħinna neżerċitaw kwalità meħtieġa oħra, jiġifieri l-​empatija.

15, 16. L-​empatija kif tistaʼ tgħinna biex nikkomunikaw?

15 L-​empatija tfisser li npoġġu lilna nfusna fil-​post taʼ oħrajn, biex ingħidu hekk. L-​appostlu Pawlu apprezza bis-​sħiħ il-​ħtieġa tal-​empatija, kif jistaʼ jidher minn dak li kiteb lill-​Korintin: “Għalkemm jien ħieles mill-​persuni kollha, jien għamilt lili nnifsi rsir għal kollha, biex nistaʼ nikseb lill-​biċċa l-​kbira tal-​persuni. U mela għal-​Lhud sirt bħal Lhudi, biex nistaʼ nikseb Lhud; għal dawk taħt il-​liġi sirt bħal taħt il-​liġi, għalkemm jiena nnifsi m’inix taħt il-​liġi, biex nistaʼ nikseb lil dawk taħt il-​liġi. Għal dawk mingħajr liġi jien sirt bħal mingħajr liġi, għalkemm m’inix mingħajr liġi lejn Alla imma taħt il-​liġi lejn Kristu, biex nistaʼ nikseb lil dawk mingħajr liġi. Għad-​dgħajfin jien sirt dgħajjef, biex nistaʼ nikseb lid-​dgħajfin. Jien sirt l-​affarijiet kollha għal nies taʼ kull xorta, biex nistaʼ b’kull mezz insalva lil xi wħud.”−1 Korintin 9:19-22.

16 Biex nimitaw lill-​appostlu Pawlu f’dawn l-​aspetti, għandna bżonn nuru tattika, dehen, u osservazzjoni. L-​empatija se tgħinna nikkomunikaw il-​verità lis-​semmiegħa tagħna skond il-​mod kif jaħsbu u jħossu huma. Il-​pubblikazzjoni Reasoning From the Scriptures tagħti ħafna għajnuna f’dan ir-​rig-ward. Dejjem ġorrha miegħek fil-​ministeru.

L-​Imħabba—Għajnuna fil-​Komunikazzjoni

17. Fost il-​kwalitajiet Kristjani kollha, liema waħda hija l-​iktar taʼ valur f’li nikkomunikaw il-​verità b’mod effettiv, u kif tintwera?

17 Il-​modestja, l-​umiltà tal-​moħħ, il-​paċenzja, u l-​empatija huma essenzjali għal komunikazzjoni effettiva f’li tgħaddi informazzjoni. Fuq kollox, iżda, imħabba bla egoiżmu se tgħinna biex ikollna suċċess f’li nilħqu l-​qlub taʼ oħrajn. Ġesù kien jitħassarhom lin-​nies għaliex huma kienu “mqaxxrin u mitfugħin ’il hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” Kienet l-​imħabba li qanqlet lil Ġesù biex igħid: “Ejjew għandi, intom ilkoll li taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nserraħkom.” (Mattew 9:36; 11:28) Huwa għaliex inħobbuhom li aħna wkoll irridu li niffriskaw lin-​nies u li ngħinuhom biex jidħlu fit-​triq tal-​ħajja. Il-​messaġġ tagħna hu wieħed taʼ mħabba, u għalhekk ejjew nibqgħu nagħtuh b’mod taʼ mħabba. Din l-​imħabba turi lilha nfisha bi tbissima taʼ ħbiberija, b’qalb tajba u b’ġentilezza, b’attitudni ferrieħa u ħelwa.

18. Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu, bħalma hu imita lis-​Sid?

18 F’dan ir-​rigward l-​appostlu Pawlu kien imitatur mill-​aħjar taʼ Sidu, Ġesù Kristu. Għala kellu tant suċċess f’li jibda kongregazzjoni wara l-​oħra? Minħabba ż-​żelu tiegħu? Iva. Imma wkoll minħabba l-​imħabba li hu wera. Innota l-​espressjonijiet tiegħu taʼ affezzjoni lejn il-​kongregazzjoni ġdida taʼ Tessalonika: “Sirna ġentili f’nofskom, bħal meta omm li trabbi tgħożż lit-​tfal tagħha stess. Mela, billi għandna affezzjoni tenera għalikom, ħadna pjaċir sewwa li nwasslulkom, mhux biss l-​aħbar tajba t’Alla, imma wkoll lil erwieħna stess, għaliex sirtu maħbubin għalina.” Li nimitaw lil Pawlu se jgħinna fl-​isforzi tagħna biex nikkomunikaw.—1 Tessalonkin 2:7, 8.

19. Għala m’għandniex inħallu territorju mhux favorevoli jiskuraġġina?

19 Jekk inkunu għamilna ħilitna kollha biex nikkomunikaw u nonqsu li niksbu r-​riżultati mixtieqa, għandna naqtgħu qalbna? Xejn affattu. L-​Istudenti Bibliċi (kif kienu jissejħu qabel ix-​Xhieda taʼ Jehovah) kienu jgħidu li sabiex jaċċettaw il-​verità, in-​nies ried ikollhom tliet affarijiet. Huma jridu jkunu onesti, umlin, u bil-​ġuħ. Ma nistgħux nistennew nies bla sinċerità, dawk mhux onesti, li jwieġbu b’mod favorevoli għall-​verità; lanqas ma nistgħu nistennew li jisimgħu l-​aħbar tajba individwi arroganti jew imkabbrin. Jerġaʼ, saħansitra jekk individwu għandu ammont taʼ onestà u taʼ umiltà, wisq probabbli li ma jiħux il-​verità jekk hu m’għandux ġuħ spiritwali.

20. Għala jistaʼ dejjem jingħad li l-​isforzi tagħna ma kinux għal xejn?

20 Bla dubju ħafna li tiltaqaʼ magħhom fit-​territorju tiegħek se jkunu nieqsa minn waħda jew iktar mit-​tliet affarijiet li semmejna. Il-​profeta Ġeremija kellu l-​istess esperjenza. (Ġeremija 1:17-19; qabbel Mattew 5:3.) Xorta waħda, l-​isforzi tagħna qatt m’huma taʼ xejn. Għala le? Għaliex qed nirriklamaw isem Jehovah u s-​Saltna tiegħu.Bl-ippridkar tagħna u bl-​istess preżenza tagħna, aħna qed nagħtu twissija lil dawk mill-​agħar. (Eżekjel 33:33) U qatt tinsa li bl-​isforzi tagħna biex nikkomunikaw il-​verità lill-​oħrajn, aħna nibbenefikaw lilna nfusna. (1 Timotew 4:16) Aħna nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha u t-​tama tagħna tas-​Saltna tiddi. Barra minn dan, aħna nżommu l-​integrità tagħna u b’hekk nieħdu sehem f’li nqaddsu l-​isem taʼ Alla Jehovah, u b’hekk inferrħulu lil qalbu.—Proverbji 27:11.

21. X’jistaʼ jingħad bħala ġabra fil-​qosor?

21 Biex niġbru kollox fil-​qosor: Il-​komunikazzjoni hija l-​għoti effettiv taʼ informazzjoni. L-​arti tal-​komunikazzjoni hija vitali, u ħafna ħsara tirriżulta meta titkisser il-​komunikazzjoni. Rajna li Alla Jehovah u Ġesù Kristu huma quddiemnett f’li jikkomunikaw u li Ġesù Kristu nkariga mezz taʼ komunikazzjoni għal żmienna. Innotajna wkoll li bl-​ilbies u bl-​imġieba tagħna, aħna nikkomunikaw, billi nibagħtu messaġġi lill-​oħrajn. Tgħallimna li r-​raġunar jilgħab parti importanti f’li nippruvaw nikkomunikaw man-​nies u li biex nikkomunikaw b’mod effettiv, irridu nkunu modesti u umlin, nuru empatija, neżerċitaw paċenzja, u, fuq kollox, inkunu mqanqlin minn qalb mimlija mħabba. Jekk nikkultivaw dawn il-​kwalitajiet u nsegwu eżempji Bibliċi, aħna se jkollna suċċess bħala Kristjani li jikkomunikaw.—Rumani 12:8-11.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar suġġerimenti dwar kif tikkomunika maʼ Lhud li jemmnu u maʼ oħrajn, ara Reasoning From the Scriptures, paġni 21-4.

Int Kif Twieġeb

◻ Il-​komunikazzjoni b’liema mod tibda qabel ma titlissen kelma?

◻ Liema huma xi eżempji taʼ komunikazzjoni b’raġunar effettiv?

◻ Liema kwalitajiet għenu lil Ġesù Kristu u lil Pawlu biex jikkormunikaw b’mod effettiv?

◻ Għala m’għandniex għalfejn niġu skuraġġiti jekk ir-​riżultati jdumu jidhru?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja