L-Infern—Tortura Eterna jew Qabar Komuni?
QATT qalulek li s-Santi Padri tal-bidu, it-teoloġi medjovali, u r-Riformisti argumentaw li t-turmenti li jiġu esperjenzati fl-infern huma għal dejjem? Jekk inhu hekk, forsi tissorprendi ruħek li tkun taf li xi studjużi tal-Bibbja meqjusin bħala bravi issa qed jisfidaw dik l-opinjoni. Fil-Britannja, wieħed minnhom, John R. W. Stott, jikteb li “l-Iskrittura tipponta lejn id-direzzjoni taʼ qerda, u li ‘turment konxju etern’ huwa tradizzjoni li trid iċċedi għall-awtorità suprema tal-Iskrittura.”—Essentials—A Liberal-Evangelical Dialogue.
X’kien li wasslu għall-konklużjoni li turment taʼ dejjem m’huwiex ibbażat fuq il-Bibbja?
Il-Lezzjoni tal-Lingwa
L-ewwel argument tiegħu jinvolvi l-lingwa. Hu jispjega li meta l-Bibbja tirreferi għall-istat finali taʼ dannazzjoni (“Geħenna”), taʼ spiss tuża l-vokabularju taʼ “qerda,” “il-verb [Grieg] apollumi (li teqred) u n-nom apòleia (qerda).” Jirreferu dawn il-kelmiet għal turment? Stott juri li meta l-verb huwa attiv u transittiv, “apollumi” ifisser “toqtol.” (Mattew 2:13; 12:14; 21:41) B’hekk, f’Mattew 10:28, fejn il-King James Version issemmi lil Alla bħala li jeqred “kemm ir-ruħ u l-ġisem fl-infern,” l-idea inerenti hija li jeqred permezz tal-mewt, mhux b’sofferenza eterna. F’Mattew 7:13, 14, Ġesù jagħmel kuntrast bejn it-‘triq dejqa li tieħu għall-ħajja’ u t-‘triq wiesgħa li tieħu għall-qerda.’ Jikkummenta Stott: “Kienet tidher stramba, għalhekk, li n-nies li jgħidu li qegħdin isofru qerda huma fil-fatt mhux meqrudin.” Bir-raġun, hu jasal għall-konklużjoni: “Jekk li toqtol ifisser li ċċaħħad il-ġisem mill-ħajja, l-infern kieku jidher li hu ċ-ċaħda taʼ ħajja kemm fiżika u kemm spiritwali, jiġifieri, estinzjoni taʼ dak li jkun.”—Essentials, paġni 315-16.
Jinterpretaw Deskrizzjonijiet Infernali
Xorta waħda, ħafna nies reliġjużi se jaqblu mal-president tas-Southern Baptist Convention Morris H. Chapman, li qal: “Jien nippriedka dwar infern litterali.” Hu żied: “Il-Bibbja ssejjaħlu ‘għadira tan-nar,’ u jien ma naħsibx li dik id-definizzjoni tistaʼ tiġi mtejba.”
Veru, is-simboliżmu tan-nar użat fil-Bibbja jistaʼ jagħtik stampa mentali taʼ turment. Madankollu, il-ktieb Essentials jinnota: “Huwa bla dubju minħabba li lkoll kemm aħna esperjenzajna l-uġigħ kbir taʼ meta wieħed jinħaraq, li n-nar huwa assoċjat fi mħuħna maʼ ‘turment konxju’. Imma l-funzjoni prinċipali tan-nar mhix dik li tikkaġuna wġigħ, imma li tiżżgura qerda, kif jixhdu l-inċineraturi tad-dinja.” (Paġna 316) Li żżomm dik id-distinzjoni sinjifikanti ġewwa moħħok se jgħinek tevita li tagħti tifsira oħra lill-Iskrittura li attwalment mhix hemm. Xi eżempji:
Rigward dawk li jiġu mitfugħin f’Geħenna, Ġesù qal li “d-duda tagħhom ma tmutx u n-nar ma jintefiex.” (Mark 9:47, 48) Influwenzati mill-kliem fil-ktieb apokrifu taʼ Ġuditta (“Hu se jibgħat nar u dud f’laħamhom u huma se jibku bl-uġigħ għal dejjem taʼ dejjem.”—Ġuditta 16:17, The Jerusalem Bible), xi kummentarji Bibliċi jargumentaw li l-kliem taʼ Ġesù jimplika turment etern. Madankollu, il-ktieb apokrifu taʼ Ġuditta, billi mhux imnebbaħ minn Alla, m’huwiex kriterju biex jiġi ddeterminat it-tifsir tal-kitbiet taʼ Mark. Isaija 66:24, il-vers mill-iskrittura li b’mod evidenti Ġesù rrefera għalih, igħid li n-nar u d-duda qegħdin jeqirdu l-iġsma mejtin tal-għedewwa t’Alla. M’hemm ebda ħjiel taʼ turment konxju għal dejjem la fi kliem Isaija u lanqas f’dak taʼ Ġesù. L-istampa tan-nar tissimbolizza qerda kompluta.
Rivelazzjoni 14:9-11 jitkellem dwar xi wħud li huma “tturmentat[i] bin-nar u l-kubrit . . . U d-duħħan tat-turment tagħhom jitlaʼ għal dejjem taʼ dejjem.”a Jagħti dan prova taʼ turment konxju etern fin-nar tal-infern? Fil-fatt, kulma qed igħid dan il-passaġġ hu li l-ħżiena jiġu tturmentati, mhux itturmentati għal dejjem. It-test jistqarr li huwa d-duħħan—l-evidenza li n-nar għamel ix-xogħol tiegħu taʼ qerda—li jkompli għal dejjem, mhux it-turment bin-nar.
Rivelazzjoni 20:10-15 igħid li ġewwa “l-għadira tan-nar u l-kubrit, . . . se jkunu tturmentati lejl u nhar għal dejjem taʼ dejjem.” Meta taqraha għall-ewwel darba, forsi tidher li qisha prova taʼ turment konxju etern bin-nar, imma ċertament li m’hijiex. Għala? Fost raġunijiet oħrajn, “il-bhima selvaġġa u l-profeta falz” u “l-mewt u Ħades” se jispiċċaw f’dik li hi hawn imsejħa “l-għadira tan-nar.” Kif tistaʼ faċilment tikkonkludi, il-bhima, il-profeta falz, il-mewt, u Ħades m’humiex persuni litterali; għalhekk, ma jistgħux jesperjenzaw turment konxju. Minflok, jikteb G. B. Caird f’A Commentary on the Revelation of St. John the Divine, “il-għadira tan-nar” tfisser “xi ħaġa estinta u minsija għalkollox.” Din ir-realizzazzjoni tistaʼ malajr tintlaħaq, għax il-Bibbja nfisha tistqarr dwar il-għadira tan-nar: “Din tfisser it-tieni mewt, il-għadira tan-nar.”—Rivelazzjoni 20:14.
Nisseparaw it-Tewmin Teoloġiċi
Minkejja dawn l-argumenti, ħafna kredenti jinsistu li “qerda” ma tfissirx dak li tgħid il-kelma imma tfisser turment etern. Għala? Il-ħsieb tagħhom huwa influwenzat bit-tewmija reliġjuża tan-nar tal-infern—id-duttrina tal-immortalità tar-ruħ umana. U ladarba l-knisja tagħhom setgħet għamlitha taʼ omm għal dawn it-tewmin għal sekli, huma jistgħu jħossu li t-testi li jitkellmu dwar il-qerda fil-fatt ifissru tortura eterna. Wara kollox, ir-ruħ umana immortali ma tistax ma tibqax teżisti—jew ħafna hekk jirraġunaw.
Imma innota l-punt li għamel il-membru tal-kleru Anglikan Philip E. Hughes: “Li targumenta li r-ruħ umana biss hija b’mod essenzjali minn dejjem immortali ifisser li żżomm pożizzjoni li mkien ma hi approvata fit-tagħlim tal-Iskrittura, għax kif inhi deskritta fil-Bibbja n-natura umana dejjem tidher komposta b’mod integrali kemm mill-ispiritwali kif ukoll mill-ġisem. . . . It-twissija t’Alla fil-bidu, rigward is-siġra pprojbita, ‘Fil-jum li tiekol minnha se tmut,’ kienet indirizzata lill-bniedem bħala ħlejqa tad-demm u l-laħam kif ukoll spiritwali—jekk hu jiekol minnha, kien ikun bħala tali li kellu jmut. M’hemm ebda suġġeriment li parti minnu maʼ kienet tmut qatt u għalhekk li l-mewt tiegħu kellha tkun f’parti biss.”—The True Image—The Origin and Destiny of Man in Christ.
Bl-istess mod, it-teologu Clark Pinnock jirrimarka: “Dan il-konċett [li r-ruħ umana hija mmortali] influwenza t-teoloġija għal ħafna żmien, imma mhux mill-Bibbja. Il-Bibbja ma tgħallimx l-immortalità naturali tar-ruħ.” Eżekjel 18:4, 20 u Mattew 10:28 jikkonfermawh dan. Barra minn hekk, Ġesù nnifsu tkellem dwar ħabibu mejjet Lażżru bħala li “mar jistrieħ,” jew jorqod. Ġesù qal li hu kien se ‘jqajmu mill-irqad.’ (Ġwann 11:11-14) Mela l-bniedem uman, jew ir-ruħ umana, Lażżru kien miet, imma saħansitra wara li għadda ftit taż-żmien, hu setaʼ jiġi rxoxtat, miġjub lura għall-ħajja mill-ġdid. Il-fatti jagħtu prova taʼ dan. Ġesù rxoxta lil Lażżru mill-mewt.—Ġwann 11:17-44.
Dawn il-punti kif jeffettwaw id-duttrina taʼ turment etern? Lura fis-seklu 17, il-kittieb William Temple innota: “Hemm [skritturi] li jitkellmu dwar it-tfigħ f’nar li ma jintefiex. Imma jekk aħna ma nersqux lejn dawn b’suppożizzjonijiet bil-quddiem li dak li jiġi mitfugħ fihom ma jistax jinqered, għandna nieħdu l-impressjoni, mhux li se jinħarqu għal dejjem, imma li jiġu meqrudin.” Dik l-analiżi korretta għadha tgħodd, għax hi dak li l-Bibbja attwalment tgħallem.
Bla dubju, għandek raġunijiet li jġagħluk tiddubita l-idea taʼ turment etern konxju fl-infern. Jew forsi trid tasal iktar milli sempliċement tiddubita u ssegwi l-parir tal-professur tat-teoloġija Pinnock, li qal: “Il-lista sħiħa taʼ twemmin li jiċċirkondaw l-infern, inkluża t-tortura bla tmiem, . . . għandha tiġi mwarrba f’isem id-duttrina kredibbli.” Iva, il-moralità, il-ġustizzja, u—l-iktar importanti—il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, igħidulek biex tagħmel sewwa sew hekk.
Jekk tagħmel hekk, inti tara li n-natura vera tal-infern hija tabilħaqq kredibbli. Inti tistaʼ ssib informazzjoni taʼ għajnuna fuq dan is-suġġett fil-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem F’Ġenna tal-Art.b Jekk jogħġbok staqsi għalih meta tiltaqaʼ max-Xhieda taʼ Jehovah. Aqra l-kapitli “X’Jiġri fil-Mewt?” “X’Tip Taʼ Post Hu L-Infern” u “L-Irxoxt—Għal Min, u Fejn?” Int se tiskopri li l-vera natura tal-infern mhux talli hija kredibbli imma promettenti wkoll.
[Noti taʼ taħt]
a F’dan il-passaġġ Bibliku, “itturmentati bin-nar” primarjament jirreferi għal turment spiritwali, iżda limitat. Għal iktar dettalji, ara Revelation—It’s Grand Climax At Hand! ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.