LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 11/1 pp. 8-13
  • Jehovah Jgħożż is-Servizz Tiegħek b’Ruħek Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jgħożż is-Servizz Tiegħek b’Ruħek Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ġmiel Taʼ Servizz B’Ruħna Kollha
  • M’Aħniex Imqabblin Maʼ Xulxin
  • L-​Għotja ‘Tiswa Ħafna’ Taʼ Mara Rikonoxxenti
  • Il-​“Biċċtejn Żgħar” Taʼ Waħda Armla
  • Nitgħallmu Mill-​Ħarsa Taʼ Jehovah Dwar Servizz B’Ruħna Kollha
  • Naqdu ’L Alla B’Ruħna Kollha!
    Il-Ministeru tas-Saltna—1996
  • Ġarrbet xabla taʼ niket kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Dak li Nistgħu Nitgħallmu mill-Eżempju taʼ Marija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ara! L-Ilsira ta’ Ġeħova!”
    Imita l-Fidi Tagħhom
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 11/1 pp. 8-13

Jehovah Jgħożż is-​Servizz Tiegħek b’Ruħek Kollha

“Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom [“b’ruħkom kollha,” “NW”] bħallikieku lill-​Mulej u mhux lill-​bnedmin.”—KOLOSSIN 3:23.

1, 2. (a) Liema hu l-​aqwa privileġġ li jistaʼ jkollna? (b) Xi drabi għala ma nkunux nistgħu nagħmlu dak kollu li nixtiequ nagħmlu f’li naqdu lil Alla?

LI NAQDU lil Jehovah huwa l-​aqwa privileġġ li jistaʼ jkollna. Mhux taʼ b’xejn li dan il-​ġurnal ilu jinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex jinvolvu rwieħhom fil-​ministeru u saħansitra biex jagħmlu “xi ħaġa iżjed” fejn hu possibbli. (1 Tessalonikin 4:1) Madankollu, mhux dejjem inkunu nistgħu nagħmlu dak kollu li qalbna tixxennaq biex tagħmel f’li naqdu lil Alla. “Iċ-​ċirkostanzi tiegħi huma tali li jien għandi bżonn naħdem full-time,” tispjega waħda oħt mhix miżżewġa li tgħammdet kważi 40 sena ilu. “Ir-​raġuni għala naħdem hi, mhux biex nakkwista ħwejjeġ favolużi jew biex nieħu xi vaganza sabiħa, imma sabiex inlaħħaq man-​neċessitajiet, li jinkludu spejjeż mediċi u dentali. Inħoss li qed nagħti lil Jehovah milli jifdalli.”

2 L-​imħabba lejn Alla tqanqalna biex inkunu rridu nagħmlu kemm nistgħu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Imma ċ-​ċirkostanzi fil-​ħajja ħafna drabi jillimitawlna dak li nkunu nistgħu nagħmlu. It-​twettiq taʼ responsabbiltajiet Skritturali oħrajn, inklużi l-​obbligi tal-​familja, jistaʼ jikkonsma ħafna mill-​ħin u l-​enerġija tagħna. (1 Timotju 5:4, 8) F’dan iż-​“żmien iebes,” il-​ħajja qed tkun taʼ sfida iktar minn qatt qabel. (2 Timotju 3:1) Meta ma nkunux nistgħu nagħmlu dak kollu li nixtiequ nagħmlu fil-​ministeru, qalbna għandha mnejn tnikkitna xi ftit jew wisq. Forsi nitħassbu dwar jekk Alla hux kuntent bil-​qima tagħna.

Il-​Ġmiel Taʼ Servizz B’Ruħna Kollha

3. Jehovah x’jistenna minna lkoll?

3 F’Salm 103:14, il-​Bibbja b’tenerezza tiżgurana li Jehovah “jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” Hu l-​iktar wieħed li jifhem il-​limitazzjonijiet tagħna. Ma jitlobx minna iktar milli nistgħu nagħtu. X’jistenna minna? Xi ħaġa li kull wieħed minna, minkejja s-​sitwazzjoni tiegħu fil-​ħajja, jistaʼ joffri: “Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom [“b’ruħkom kollha,” NW] bħallikieku lill-​Mulej u mhux lill-​bnedmin.” (Kolossin 3:23) Iva, Jehovah jistenna minna​—minna lkoll—​li naqduh b’ruħna kollha.

4. X’ifisser li taqdi lil Jehovah b’ruħek kollha?

4 X’ifisser li naqdu lil Jehovah b’ruħna kollha? It-​terminu Grieg tradott “b’ruħkom kollha” litteralment ifisser “minn ġor-​ruħ.” Ir-​“ruħ” tirreferi għall-​persuna kollha kemm hi, bl-​abbiltajiet fiżiċi u mentali kollha tagħha. Li naqdu b’ruħna kollha b’hekk ifisser li nagħtu minna nfusna, billi nużaw il-​fakultajiet kollha tagħna u nutilizzaw l-​enerġiji tagħna sa l-​iktar mod possibbli fis-​servizz t’Alla. Fi kliem sempliċi, ifisser li nagħmlu dak kollu li ruħna tistaʼ tagħmel.—Mark 12:29, 30.

5.L-eżempju taʼ l-​appostli kif juri li mhux kulħadd bil-​fors jagħmel l-​istess fil-​ministeru?

5 Li nagħtu b’ruħna kollha jfisser li lkoll irridu nagħmlu l-​istess ammont fil-​ministeru? Dak żgur li mhux possibbli, għax iċ-​ċirkostanzi u l-​abbiltajiet ivarjaw minn ruħ għal ruħ. Ikkunsidra l-​appostli leali taʼ Ġesù. Mhux kollha kienu kapaċi jagħmlu l-​istess ammont. Per eżempju, ftit li xejn nafu dwar xi wħud mill-​appostli, bħal Xmun il-​Kanani u Ġakbu bin Alfew. Forsi l-​attivitajiet tagħhom bħala appostli kienu x’aktarx limitati. (Mattew 10:2-4) B’kuntrast, Pietru kien kapaċi jaċċetta ħafna responsabbiltajiet tqal​—iva, Ġesù saħansitra tah “l-​imfietaħ tas-​Saltna”! (Mattew 16:19) Iżda, Pietru ma ġiex elevat fuq l-​oħrajn. Meta Ġwanni rċieva l-​viżjoni taʼ Ġerusalemm Ġdida fl-​Apokalissi (madwar is-​sena 96 E.K.), hu ra 12-il ġebla tal-​pedament li fuqhom kien hemm imnaqqxin “it-​tnax-l isem tat-​tnax-l appostlu.”a (Apokalissi 21:14) Jehovah kien jistma s-​servizz taʼ l-​appostli kollha, avolja xi wħud milli jidher kienu kapaċi jagħmlu iktar minn oħrajn.

6. Fit-​tixbieha taʼ Ġesù dwar dak li jiżraʼ, x’jiġrilha ż-​żerriegħa miżrugħa “f’art tajba,” u x’mistoqsijiet iqumu?

6 Bl-​istess mod, Jehovah ma jesiġix l-​istess ammont taʼ ppridkar minna lkoll. Ġesù indika dan fit-​tixbieha taʼ dak li jiżraʼ. Din xebbhet ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar mat-​tfigħ taʼ żrieragħ. Iż-​żerriegħa waqgħet fuq tipi differenti taʼ ħamrija, li jagħti stampa tat-​tipi differenti taʼ kundizzjonijiet tal-​qlub murijin minn dawk li jisimgħu l-​messaġġ. “Dak imbagħad li nżeraʼ f’art tajba,” spjega Ġesù, “huwa dak li jismaʼ l-​kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-​frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-​ieħor tletin.” (Mattew 13:3-8, 18-23) X’inhu dan il-​frott, u għala jiġi prodott f’ammonti varji?

7. X’inhu l-​frott taż-​żerriegħa miżrugħa, u għala jiġi prodott f’ammonti differenti?

7 Ladarba ż-​żerriegħa li tinżeraʼ hi “l-​kelma tas-​Saltna,” li tipproduċi l-​frott jirreferi għal li xxerred dik il-​kelma, li titkellimha m’oħrajn. (Mattew 13:19) L-​ammont taʼ frott li jiġi prodott ivarja​—minn tletin sa mija—​għaliex l-​abbiltajiet u ċ-​ċirkostanzi fil-​ħajja jvarjaw. Bniedem b’saħħtu u bi stamina fiżika jistaʼ jkun kapaċi jqattaʼ iktar ħin fl-​ippridkar milli jistaʼ wieħed li saħħtu mtertqa minn xi mard kroniku jew minn età avanzata. Żagħżugħ mhux miżżewweġ li hu ħieles mir-​responsabbiltajiet tal-​familja jistaʼ jkun kapaċi jagħmel iżjed milli jistaʼ xi ħadd li jrid jaħdem full-time biex jipprovdi għall-​familja.—Qabbel Proverbji 20:29.

8. Jehovah kif iqis lil dawk li jagħtu l-​aqwa li ruħhom tistaʼ tagħti?

8 Fil-​ħarsa t’Alla, huwa dak li b’ruħu kollha jipproduċi tletin inqas devot minn dak li jipproduċi mija? Dażgur li le! L-​ammont taʼ frott jistaʼ jvarja, imma Jehovah hu kuntent dment li s-​servizz li jingħata hu l-​aqwa li ruħna tistaʼ tagħti. Ftakar, l-​ammonti differenti taʼ frott kollha ħerġin minn qlub li huma “art tajba.” It-​terminu Grieg (ka·losʹ) tradott “tajba” jiddeskrivi xi ħaġa li hi “sabiħa” u li “tgħaxxaq il-​qalb, u tpaxxi ’l-għajnejn.” Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li meta nagħmlu l-​aħjar li nistgħu, qalbna tkun sabiħa f’għajnejn Alla!

M’Aħniex Imqabblin Maʼ Xulxin

9, 10. (a) Qalbna tistaʼ twassalna lejn liema għamla taʼ raġunar negattiv? (b) It-​tixbieha fl-1 Korintin 12:14-26 kif turi li Jehovah ma jqabbilniex m’oħrajn f’dak li nagħmlu?

9 Madankollu, il-​qalb imperfetta tagħna għandha mnejn tiġġudika l-​affarijiet b’mod differenti. Forsi din tqabbel is-​servizz tagħna maʼ dak t’oħrajn. Forsi tirraġuna, ‘L-​oħrajn qegħdin jagħmlu ferm iżjed minni fil-​ministeru. Jehovah kif qatt jistaʼ jkun kuntent bis-​servizz tiegħi?’—Qabbel 1 Ġwann 3:19, 20.

10 Il-​ħsibijiet u l-​mogħdijiet taʼ Jehovah huma ferm ogħla minn tagħna stess. (Isaija 55:9) Niksbu xi ftit tad-​dehen fil-​mod taʼ kif Jehovah jqis l-​isforzi individwali tagħna mill-1 Korintin 12:14-26, fejn il-​kongregazzjoni tiġi mxebbha maʼ ġisem b’ħafna membri​—l-​għajnejn, l-​idejn, is-​saqajn, il-​widnejn, eċċ. Ikkunsidra, għal mument, il-​ġisem litterali. Kemm tkun ħaġa ridikola kieku kellek tqabbel għajnejk maʼ jdejk jew saqajk maʼ widnejk! Kull membru jaqdi funzjoni differenti, madankollu l-​membri kollha huma utli u jiġu stmati. Bl-​istess mod, Jehovah jgħożż is-​servizz tiegħek b’ruħek kollha anki jekk oħrajn qegħdin jagħmlu iżjed jew qegħdin jagħmlu inqas.—Galatin 6:4.

11, 12. (a) Xi wħud għala jistgħu jħossuhom “aktar dgħajfa” jew “bl-​inqas ġieħ”? (b) Jehovah kif iqis is-​servizz tagħna?

11 Minħabba limitazzjonijiet imposti minn xi mard, età avanzata, jew xi ċirkostanzi oħrajn, xi drabi wħud minna nistgħu nħossuna “aktar dgħajfa” jew “bl-​inqas ġieħ.” Imma dak mhux il-​mod kif Jehovah jħares lejn l-​affarijiet. Il-​Bibbja tgħidilna: “[I]l-membri tal-​ġisem li jidhru l-​aktar dgħajfa, huma l-​aktar meħtieġa; u dawk li nqisu bl-​inqas ġieħ . . . , lil dawn l-​aktar li nieħdu ħsiebhom . . . Alla imma bena l-​ġisem b’mod li żejjen b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-​aktar.” (1 Korintin 12:22-24) Mela kull individwu jistaʼ jkun għażiż għal Jehovah. Hu jgħożż is-​servizz tagħna fil-​kuntest tal-​limitazzjonijiet tagħna. Ma tqanqlekx qalbek biex tkun trid tagħmel kulma tistaʼ biex taqdi lil dan Alla li tant jagħder u jħobb?

12 Dak li jinteressa lil Jehovah, mela, m’huwiex li int tagħmel daqs kemm jagħmel ħaddieħor imma li tagħmel dak li tistaʼ int​—ruħek—​personalment. Li Jehovah jistma l-​isforzi individwali tagħna ġie muri b’mod kommoventi ħafna mill-​mod kif Ġesù ttratta maʼ żewġ nisa differenti ħafna matul l-​aħħar ġranet taʼ ħajtu fuq l-​art.

L-​Għotja ‘Tiswa Ħafna’ Taʼ Mara Rikonoxxenti

13. (a) X’kienu ċ-​ċirkostanzi taʼ meta Marija ferrgħet żejt ifuħ fuq ras u fuq saqajn Ġesù? (b) X’kien il-​valur materjali taż-​żejt taʼ Marija?

13 Il-​Ġimgħa fil-​għaxija, nhar it-​8 taʼ Nisan, Ġesù wasal f’Betanja, raħal ċkejken fuq ix-​xaqliba tal-​Lvant taʼ l-​Għolja taż-​Żebbuġ, madwar żewġ mili ’l bogħod minn Ġerusalemm. Ġesù kellu ħbieb tal-​qalb f’dan il-​post​—Marija, Marta, u ħuhom Lazzru. Ġesù x’aktarx li spiss kien ikun mistieden id-​dar tagħhom. Imma s-​Sibt fil-​għaxija, Ġesù u ħbiebu ċċenaw fid-​dar taʼ Xmun, wieħed li qabel kien lebbruż u li x’aktarx kien ġie mfejjaq minn Ġesù. Waqt li Ġesù kien mal-​mejda taʼ l-​ikel, Marija wettqet ġest umli li kien juri l-​imħabba profonda tagħha għar-​raġel li kien irxoxta lil ħuha. Hi fetħet flixkun li kien fih żejt ifuħ, “jiswa ħafna.” Tabilħaqq kien jiswa ħafna! Kien jiswa 300 dinar, l-​ekwivalenti taʼ madwar paga taʼ sena. Hi ferrgħet dan iż-​żejt ifuħ fuq ras u fuq saqajn Ġesù. Saħansitra xxottatlu saqajh b’xagħarha.—Mark 14:3; Luqa 10:38-42; Ġwann 11:38-44; 12:1-3.

14. (a) Id-​dixxipli kif irreaġixxew għall-​ġest taʼ Marija? (b) Ġesù kif iddefenda lil Marija?

14 Id-​dixxipli tkażaw! ‘Għala din il-​ħala?’ staqsew. Ġuda, waqt li ħeba x-​xewqa tiegħu li jisraq billi ssuġġerixxa li ssir karità maʼ nies fil-​bżonn, qal: “Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-​foqra.” Marija baqgħet siekta. Ġesù, madankollu, qal lid-​dixxipli: “Ħalluha; għala qegħdin iddejjquha? Ħaġa tajba [kelma fformata minn ka·losʹ] għamlet miegħi. . . . Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-​fwieħa għad-​difna minn qabel. Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-​Evanġelju fid-​dinja kollha li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha.” Min jaf kemm ikkalmat lil qalb Marija t-​tenerezza taʼ kliem Ġesù!—Mark 14:4-9; Ġwann 12:4-8.

15. Ġesù għala kien tant kommoss b’dak li għamlet Marija, u b’dan x’nitgħallmu dwar servizz b’ruħna kollha?

15 Ġesù kien imqanqal profondament b’dak li għamlet Marija. F’għajnejh, hi kienet wettqet xi ħaġa taʼ min ifaħħarha. Ġesù ma qiesx il-​valur materjali taʼ l-​għotja imma l-​fatt li “hi għamlet li setgħet.” Hi ħadet l-​opportunità u tat dak li kienet kapaċi tagħti. Traduzzjonijiet oħrajn ittraduċew dan il-​kliem, “Hi għamlet dak kollu li setgħet,” jew, “Hi għamlet kulma kien fis-​setgħa tagħha li tagħmel.” (An American Translation; The Jerusalem Bible) L-​għoti taʼ Marija kien b’ruħha kollha għaliex tat l-​aqwa tagħha. Dak hu li jinvolvi s-​servizz b’ruħna kollha.

Il-​“Biċċtejn Żgħar” Taʼ Waħda Armla

16. (a) Kif kien li Ġesù osserva l-​kontribuzzjoni taʼ waħda armla fqira? (b) Kemm kienu jiswew il-​muniti taʼ l-​armla?

16 Xi jumejn wara, nhar il-​11 taʼ Nisan, Ġesù qattaʼ ġurnata twila fit-​tempju, fejn l-​awtorità tiegħu ġiet sfidata u fejn hu wieġeb b’sengħa xi mistoqsijiet delikati dwar it-​taxxi, l-​irxoxt, u affarijiet oħrajn. Hu kkundanna lill-​iskribi u ’l-Fariżej għaliex, fost affarijiet oħra, huma kienu “jberbqu ġid ir-​romol.” (Mark 12:40) Imbagħad Ġesù poġġa bil-​qiegħda, milli jidher fil-​Bitħa tan-​Nisa, fejn, skond it-​tradizzjoni Lhudija, kien hemm 13-il senduq tal-​flus. Hu qagħad hemm għal ftit ħin, josserva bir-​reqqa hekk kif in-​nies bdew jitfgħu l-​kontribuzzjonijiet tagħhom. Ġew ħafna nies għonja, xi wħud forsi b’dehra li kienu tajbin f’għajnejhom stess, saħansitra forsi b’ħafna pompa. (Qabbel Mattew 6:2.) Il-​ħarsa taʼ Ġesù waqgħet fuq waħda mara partikulari. Xi ħadd ordinarju għandu mnejn ma kien josserva xejn straordinarju dwarha jew dwar l-​għotja tagħha. Imma Ġesù, li setaʼ jkun jaf il-​qlub t’oħrajn, kien jaf li hi kienet “armla fqira.” Kien jaf ukoll l-​ammont eżatt taʼ l-​għotja tagħha​—“biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet.”b—Mark 12:41, 42.

17. Ġesù kif stmaha l-​kontribuzzjoni taʼ l-​armla, u b’hekk x’nitgħallmu dwar l-​għoti lil Alla?

17 Ġesù sejjaħ ħdejh lid-​dixxipli tiegħu, għax riedhom jaraw b’għajnejhom stess il-​lezzjoni li kien se jgħallimhom. Hi “tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-​teżor,” qal Ġesù. Skond l-​istima tiegħu hi tefgħet iktar mill-​oħrajn kollha f’daqqa. Hi “tefgħet kull ma kellha”​—l-​aħħar nitfa flus li kellha. Billi għamlet dan, hi telqet ruħha fl-​idejn ħanina taʼ Jehovah. Il-​persuna li b’hekk ġiet indikata bħala eżempju t’għoti lil Alla hi waħda li l-​għotja tagħha kienet kważi bla valur materjalment. F’għajnejn Alla, madankollu, din kienet imprezzabbli!—Mark 12:43, 44; Ġakbu 1:27.

Nitgħallmu Mill-​Ħarsa Taʼ Jehovah Dwar Servizz B’Ruħna Kollha

18. X’nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ttratta maż-​żewġ nisa?

18 Mill-​mod kif Ġesù ttratta maʼ dawn iż-​żewġ nisa, nitgħallmu xi lezzjonijiet li jqanqlu l-​qalb fuq kif Jehovah jħares lejn servizz b’ruħna kollha. (Ġwann 5:19) Ġesù ma qabbilx ’l-armla maʼ Marija. Hu qies iż-​żewġ muniti taʼ l-​armla bħala li ma jiswew xejn inqas miż-​żejt li “jiswa ħafna” taʼ Marija. Ladarba kull waħda min-​nisa tat l-​aqwa tagħha, f’għajnejn Alla l-​għotjiet tagħhom kienu taʼ valur it-​tnejn. Mela jekk tibda tħossok li ma tiswa għal xejn minħabba li ma tistax tagħmel dak kollu li trid tagħmel f’li taqdi lil Alla, tiddisprax. Jehovah jogħġbu jaċċetta l-​aħjar li tistaʼ tagħti. Ftakar, Jehovah jara “l-​qalb,” allura jaf bis-​sħiħ dak li qalbek tixxennaq li tagħmel.—1 Samwel 16:7.

19. Għala m’għandniex niġġudikaw dak li oħrajn qegħdin jagħmlu f’li jaqdu lil Alla?

19 Il-​ħarsa taʼ Jehovah rigward servizz b’ruħna kollha għandha tinfluwenza l-​mod kif inħarsu u nittrattaw lil xulxin. Kemm ma jkunx taʼ mħabba li tikkritika l-​isforzi t’oħrajn jew li tqabbel is-​servizz taʼ persuna maʼ dak taʼ persuna oħra! X’ħasra li waħda Kristjana kitbet: “Xi drabi xi wħud jagħtu l-​impressjoni li jew tkun pijunier jew inkella m’inti xejn. Dawk l-​uħud minna li jitħabtu biex ikomplu sejrin ‘biss’ bħala pubblikaturi regulari tas-​Saltna għandhom bżonn li jħossuhom apprezzati wkoll.” Ejjew niftakru li m’aħniex awtorizzati biex niġġudikaw x’jiddetermina jekk sieħeb Kristjan huwiex jagħti servizz b’ruħu kollha. (Rumani 14:10-12) Jehovah jgħożż is-​servizz taʼ kull wieħed mill-​miljuni taʼ pubblikaturi leali tas-​Saltna li jaqdu b’ruħhom kollha, u hekk għandna nagħmlu aħna.

20. Ħafna drabi x’inhu l-​aħjar li nassumu dwar adoraturi sħabna?

20 X’jiġri, iżda, jekk xi wħud jidhru li qegħdin jagħmlu inqas milli jistgħu fil-​ministeru? Jekk sieħeb Kristjan inaqqas fl-​attività tiegħu jistaʼ jindika lill-​anzjani konċernati li hemm il-​ħtieġa għal għajnuna jew inkuraġġiment. Fl-​istess ħin, m’għandniex ninsew li għal xi wħud, servizz b’ruħhom kollha jistaʼ iktar jixbah mill-​qrib liż-​żewġ muniti żgħar taʼ l-​armla milli ż-​żejt għali ħafna taʼ Marija. Ħafna drabi jkun aħjar jekk nassumu li ħutna rġiel u nisa jħobbu lil Jehovah u li din l-​imħabba se tqanqalhom biex jagħmlu l-​iktar​—u mhux l-​inqas—​li jistgħu. Żgur li l-​ebda qaddej kuxjenzjuż taʼ Jehovah m’hu se jagħżel li jagħmel inqas milli jistaʼ f’li jaqdi lil Alla!—1 Korintin 13:4, 7.

21. Ħafna liema karriera premjanti qed isegwu, u liema mistoqsijiet iqumu?

21 Madankollu, għal ħafna mill-​poplu t’Alla, servizz b’ruħhom kollha kien ifisser li jsegwu karriera estremament premjanti​—il-​ministeru bħala pijunieri. Liema barkiet jirċievu? U xi ngħidu għal dawk l-​uħud minna li għadhom ma jistgħux ikunu pijunieri​—kif nistgħu nuru l-​ispirtu taʼ pijunier? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss. (w97 10/15)

[Noti taʼ taħt]

a Ladarba Mattija kien ħa post Ġuda bħala appostlu, ismu​—mhux dak taʼ Pawlu—​kellu jidher fost dawk fuq it-​12-il ġebla tal-​pedament. Għalkemm Pawlu kien appostlu, ma kienx wieħed mit-​12.

b Kull waħda minn dawn il-​muniti kienet lepton, l-​iżgħar munita Lhudija fiċ-​ċirkolazzjoni f’dak iż-​żmien. Żewġ lepta kienu ekwivalenti għal 1/64 tal-​paga taʼ ġurnata. Skond Mattew 10:29, b’munita assarion (ekwivalenti għal tmien lepta), wieħed setaʼ jixtri żewġ għasafar tal-​bejt, li kienu fost l-​orħos għasafar użati bħala ikel mill-​foqra. Mela din l-​armla kienet tassew fqira, għax kellha biss nofs l-​ammont meħtieġ biex tixtri għasfur tal-​bejt wieħed, li bil-​kemm kien biżżejjed għal ikla waħda.

Kif Twieġeb Int?

◻ X’ifisser li taqdi lil Jehovah b’ruħek kollha?

◻ It-​tixbieha fl-1 Korintin 12:14-26 kif turi li Jehovah ma jqabbilniex m’oħrajn?

◻ Dwar li nagħtu b’ruħna kollha, x’nitgħallmu mill-​kummenti taʼ Ġesù dwar iż-​żejt taʼ Marija li kien għali ħafna u ż-​żewġ muniti żgħar taʼ l-​armla?

◻ Il-​ħarsa taʼ Jehovah dwar servizz b’ruħna kollha kif għandha tinfluwenza l-​mod kif inqisu ’l xulxin?

[Stampa f’paġna 10]

Marija tat l-​aħjar tagħha meta fewħet il-​ġisem taʼ Ġesù b’żejt “jiswa ħafna”

[Stampa f’paġna 11]

Il-​muniti taʼ l-​armla​—materjalment kważi bla valur imma imprezzabbli f’għajnejn Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja