Minn Seder Għal Salvazzjoni
“Il-kies tas-salvazzjoni grandjuża se nieħu, u l-isem taʼ Jehovah se nsejjaħ.”—SALM 116:13.
1. Liema għanja favorita f’kull żmien tistaʼ teffettwa l-futur tiegħek?
KIF se tħares lejn għanja li titratta dwar futur twil u hieni għalik? Fil-fatt, għanja bħal din tkun il-favorita tiegħek għal dejjem. Madankollu, int qiegħed f’pożizzjoni aħjar mill-biċċa l-kbira tan-nies biex tifhem u tgawdi din il-għanja taʼ tifsir. Il-Lhud isejħulha Ħallel (Tifħir). Komposta minn Salmi 113 sa 118, hija tħeġġiġna biex inkantaw “Ħalleluljah,” jew “Faħħru lil Jah.”
2. Din il-għanja kif tintuża, u kif għandha x’taqsam mas-Seder?
2 Il-Lhud ikantaw il-Ħallel fis-servizz tagħhom tal-Qbiż; u milli jidher dan il-kant imur lura saż-żmien meta Alla kellu tempju fejn l-annimali kienu jiġu ssagrifikati. Illum, jitkanta fid-djar tal-Lhud matul is-servizz u l-ikla tal-Qbiż imsejħa s-Seder. Iżda ftit minn dawk li jkantawha fis-Seder tagħhom jifhmu s-sinjifikat veru taʼ Salm 116:13: “Il-kies tas-salvazzjoni grandjuża se nieħu, u l-isem taʼ Jehovah se nsejjaħ.” Għala, iżda, hija s-salvazzjoni marbuta mal-Qbiż, u jistaʼ jkun li s-salvazzjoni tiegħek hija nvoluta?
Il-Qbiż—Festa taʼ Salvazzjoni
3. Kif żviluppa s-Seder?
3 Ftakar li l-Iżraeliti kienu rsiera fl-Eġittu taħt Farawni oppressiv. Fl-aħħar, Jehovah qajjem lil Mosè biex imexxi lill-poplu Tiegħu għall-ħelsien. Wara li Alla ġab disaʼ kastigi fuq l-Eġittu, Mosè ħabbar il-għaxar wieħed. Jehovah kien se joqtol l-ewwel imwieled f’kull dar Eġizzjana. (Eżodu 11:1-10) L-Iżraeliti, iżda, setgħu jinħelsu. Kif? Huma kellhom joqtlu nagħġa, ipoġġu d-demm tagħha fuq il-koxox u l-blata tal-bieb, u jibqgħu ġewwa jieklu ikla taʼ ħaruf, ħobż bla ħmira, u ħxejjex morri. Matul dak is-Seder, Alla kien se “jaqbeż” mingħajr ma joqtol l-ewwel imwieled tagħhom.—Eżodu 12:1-13.
4, 5. Il-Qbiż kif wassal għal salvazzjoni għal ħafna? (Salm lO6:7-lO)
4 Bi tweġiba għal dan il-għaxar kastig, Farawni qal lil Mosè: “Qumu, oħorġu minn ġo nofs il-poplu tiegħi, kemm intom u kemm l-ulied l-oħra taʼ Iżrael, u morru, aqdu lil Jehovah.” (Eżodu 12:29-32) Wara li l-Ebrej u “kumpanija vasta mħallta” taʼ simpatizzanti telqu, Farawni biddel ħsiebu u telaq għal warajhom biex jaqbadhom. Alla mbagħad b’mod mirakoluż għen lill-poplu tiegħu biex jaħrab minn ġol-Baħar l-Aħmar, fejn Farawni u l-armata tiegħu li kienu qed jiġru warajhom mietu.—Eżodu 12:38; 14:5-28; Salm 78:5l-53; 136:13-15.
5 Mosè qal lil Iżrael ħdejn il-Baħar l-Aħmar: “Tibżgħux. Żommu sodi u araw is-salvazzjoni taʼ Jehovah, li hu se jwettaq għalikom illum.” Iktar tard kantaw: “Saħħti u s-setgħa tiegħi hu Jah, ladarba jservi għas-salvazzjoni tiegħi. Dan hu Alla tiegħi, u jien se nfaħħru.” (Eżodu 14:13; 15:2) Iva, il-ħelsien taʼ Iżrael, sew mill-għaxar kastig u kemm mill-Baħar l-Aħmar, kien salvazzjoni. B’mod tajjeb setaʼ s-salmista jiddeskrivi lil Jehovah bħala Alla li “jwettaq salvazzjoni grandjuża f’nofs l-art.”−Salm 68:6, 20; 74:12-14; 78:12, 13, 22.
6, 7. Għala twaqqaf il-Qbiż, madankollu għala issa jinżamm b’xi differenzi mill-ewwel Qbiż?
6 L-Ebrej kellhom iħarsu l-Qbiż bħala mafkar taʼ salvazzjoni. Alla qal: “Dan il-jum irid iservi bħala mafkar għalikom, u tridu tiċċelebrawh bħala festa għal Jehovah tul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.” (Eżodu 12:14) F’kull ikla tal-Qbiż, jew Seder, il-missier ried ifakkar lill-familja tiegħu dwar dik is-salvazzjoni. Jehovah ta d-direzzjoni: “Meta wliedkom igħidulkom, ‘X’ifisser dan is-servizz għalikom?’ imbagħad intom tridu tgħidulhom, ‘Huwa s-sagrifiċċju tal-qbiż għal Jehovah, li qabeż id-djar taʼ wlied Iżrael fl-Eġittu meta kkastiga lill-Eġizzjani, iżda ħeles lil djarna.’”—Eżodu 12:25-27.
7 Li l-Lhud sal-ġurnata tal-lum jagħmlu s-Seder tal-Qbiż jikkonferma kemm huwa storiku dak ir-rakkont. Xi wħud mid-drawwiet tagħhom, iżda, ivarjaw mid-direzzjonijiet li ta Alla. The Origins of the Seder igħid: “Il-Bibbja tinkludi diskussjonijiet estensivi dwar il-Qbiż u l-Festa tal-Għażżmi; madankollu, dawn id-deskrizzjonijiet ma jaqblux maʼ osservanzi iktar riċenti tal-festa. B’mod partikulari, ir-rit Bibliku jiċċentra fuq is-sagrifiċċju tal-Qbiż, li f’letteratura taʼ wara l-era Biblika ma jibqax jokkupa pożizzjoni ċentrali.” Raġuni ewlenija hi li l-Lhud jonqoshom tempju għal sagrifiċċji tal-annimali.
8. Liema raġuni speċjali għandna aħna biex nikkunsidraw il-Qbiż?
8 Il-Kristjani jistgħu bi profitt jistudjaw il-festi kollha li ta Alla lil Iżrael tal-qedema, iżda għal issa ċerti aspetti tal-Qbiż jixirqilhom l-attenzjoni tagħna. Ġesù, li kien Lhudi, ħares il-Qbiż. Fl-aħħar okkażjoni li għamel dan, hu waqqaf l-unika ċelebrazzjoni divina għall-Kristjani—l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, il-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù. Għalhekk din iċ-ċelebrazzjoni Kristjana hi marbuta mal-Qbiż.
Iżjed Minn Ħaruf tal-Qbiż
9, 10. Il-ħaruf tal-Qbiż kif kien sagrifiċċju speċjali, jew uniku?
9 Ebrej 10:1 igħidilna li ‘l-Liġi kienet dell tal-affarijiet tajbin li għandhom jiġu.’ Is-Cyclopedia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature, minn M’Clintock u Strong, tgħid: “L-ebda dell ieħor taʼ affarijiet tajba li jridu jiġu li kien fiha l-liġi ma jistaʼ jħabbatha mal-festa tal-Qbiż.” B’mod partikulari l-ħaruf tal-Qbiż għandu tifsir li estenda lil hinn miċ-ċerimonja li tfakkar kif Alla salva lill-ewwel imwieled u mbagħad lill-Ebrej kollha minn ġol-Eġittu.
10 Dak il-Ħaruf kien uniku f’għadd taʼ aspetti. Per eżempju, ħafna sagrifiċċji tal-annimali tal-Liġi taʼ Mosè kienu preżentati minn individwu wieħed f’konnessjoni maʼ dnubiet jew ħtija persunali, u partijiet mill-annimali kienu jinħarqu fuq l-artal. (Levitiku 4:22-35) Xi laħam mill-offerta tal-Komunjoni kien jingħata lill-qassis li jikkonduċi ċ-ċerimonja jew lil qassisin oħra. (Levitiku 7:11-38) Madankollu, il-ħaruf tal-għid, jew tal-Qbiż, ma kienx jiġi wżat fuq l-artal, u kien offrut minn grupp taʼ nies, normalment minn familja, li kienu dawk li jikluh.—Eżodu 12:4, 8-11.
11. X’kienet il-ħarsa taʼ Jehovah rigward il-ħaruf tal-Qbiż, u lejn xiex kien jindika? (Numri 9:13)
11 Jehovah kien jistma l-ħaruf tal-Qbiż b’tant valur għoli li hu sejjaħlu “s-sagrifiċċju tiegħi.” (Eżodu 23:18; 34:25) Studjużi qalu li “s-sagrifiċċju tal-għid kien is-sagrifiċċju taʼ Jehovah per eċċellenza.” Dan il-ħaruf bla dubju kien jindika lejn, jew jikkaratterizza is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Dan nafuh għaliex l-appostlu Pawlu sejjaħ lil Ġesù “il-qbiż tagħna [li] ġie ssagrifikat.” (1 Korintin 5:7) Ġesù ġie identifikat bħala “l-Ħaruf t’Alla” u “l-Ħaruf li nqatel.”−Ġwann 1:29. Rivelazzjoni 5:12; Atti 8:32.
Demm Li Jsalva l-Ħajja
12. X’parti kellu d-demm tal-Ħaruf fl-ewwel Qbiż?
12 Lura fl-Eġittu d-demm tal-Ħaruf kien ċentrali għas-salvazzjoni. Meta Jehovah qatel lill-ewwel imwieled, Hu qabeż id-djar fejn kien hemm id-demm fuq il-koxox tal-bieb. Ukoll, billi l-Ebrej ma kinux vistużi minħabba l-mewt tal-ewwel imwieled tagħhom huma kienu f’qagħda li jimmarċjaw minn ġol-Baħar l-Aħmar lejn il-ħelsien.
13, 14. Id-demm taʼ Ġesù kif isalva l-ħajja u neċessarju għas-salvazzjoni? (Efesin 1:13)
13 Id-demm ukoll huwa nvolut għal salvazzjoni llum—id-demm imxerred taʼ Ġesù. Meta “l-qbiż, il-festa tal-Lhud, kien qrib” fit-32 E.K., Ġesù qal lil udjenza kbira: “Dak li jiekol minn laħmi u jixrob demmi għandu l-ħajja taʼ dejjem, u jien se nirxoxtah fl-aħħar jum, għax laħmi huwa ikel veru, u demmi xorb veru.” (Ġwann 6:4, 54, 55) Dawk il-Lhud kollha li semgħuh żgur li kellhom f’moħħhom il-Qbiż li kien qorob u li demm taʼ ħaruf kien użat fl-Eġittu.
14 Ġesù ma kienx hemm qed jiddiskuti dwar l-emblemi wżati fl-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Dik iċ-ċelebrazzjoni ġdida għall-Kristjani ma ġietx imwaqqfa qabel sena wara, għalhekk saħansitra l-appostli li semgħu lil Ġesù fit-32 E.K. ma kienu jafu xejn dwarha. Xorta waħda, Ġesù kien qed juri li demmu kien essenzjali għal salvazzjoni eterna. Pawlu spjega: “Permezz tiegħu għandna l-ħelsien b’rahan permezz tad-demm taʼ dak, iva, il-maħfra tad-dnubiet tagħna, skond ir-rikkezzi tal-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.” (Efesin 1:7) Huwa biss permezz tal-maħfra fuq il-bażi tad-demm taʼ Ġesù li aħna nistgħu ngħixu għal dejjem.
Liema Salvazzjoni u Fejn?
15. Għall-Ebrej fl-Eġittu, liema salvazzjoni u privileġġi saru possibbli, u x’ma kienx possibbli? (1 Korintin 10:l-5)
15 Kienet biss salvazzjoni limitata nvoluta fl-Eġittu tal-qedem. L-ebda wieħed li ħalla l-Eġittu ma stenna li jingħata ħajja bla tmiem wara l-Eżodu. Veru, Alla ħatar il-Leviti biex ikunu qassisin għall-ġens, u xi wħud mit-tribù taʼ Ġuda saru slaten temporali, iżda dawn kollha kellhom imutu. (Atti 2:29; Ebrej 7:11, 23, 27) Fil-waqt li l-“kumpanija vasta mħallta” li wkoll telqu mill-Eġittu ma kellhomx dawk il-privileġġi, huma, flimkien mal-Ebrej, setgħu jittamaw li jaslu fl-Art Imwiegħda u jgawdu ħajja normali jqimu lil Alla. Xorta waħda, qaddejja taʼ Jehovah taʼ qabel l-era Kristjana kellhom bażi biex jittamaw li, maż-żmien, huma setgħu jgawdu ħajja bla tmiem fuq l-art, fejn Alla għandu l-iskop li jgħixu l-bnedmin. Dan ikun fi qbil mal-wegħda taʼ Ġesù fi Ġwann 6:54.
16. Għal liema xorta taʼ salvazzjoni setgħu jittamaw il-qaddejja tal-qedem taʼ Jehovah?
16 Alla uża xi wħud mill-qaddejja tiegħu tal-qedem biex jiktbu kliem taʼ spirazzjoni dwar li l-art ġiet maħluqa biex tkun abitata u dwar li r-retti jgħixu fuqha għal dejjem. (Salm 37:9-11; Proverbji 2:21, 22; Isaija 45:18) Madankollu, kif setgħu adoraturi veri jaqilgħu din is-salvazzjoni jekk imutu? Permezz li Alla jerġaʼ jagħtihom il-ħajja fuq l-art. Ġob, per eżempju, esprima t-tama li hu kien se jiġi miftakar u msejjaħ lura għall-ħajja. (Ġob 14:13-15; Danjel 12:13) B’mod ċar, għamla waħda taʼ salvazzjoni hi għal ħajja taʼ dejjem fuq l-art.—Mattew 11:11.
17. Il-Bibbja turi li oħrajn jistgħu jaqilgħu liema salvazzjoni differenti?
17 Il-Bibbja titkellem ukoll dwar salvazzjoni għal ħajja fis-sema, fejn Ġesù Kristu mar wara l-irxoxt tiegħu. “Hu qiegħed fuq il-leminija t’Alla, għax mar fi triqtu lejn is-sema, u l-anġli u l-awtoritajiet u l-qawwiet intgħamlu suġġetti lejh.” (1 Pietru 3:18, 22; Efesin 1:20-22; Ebrej 9:24) Iżda Ġesù mhux se jkun l-uniku bniedem meħud fis-sema. Alla ddetermina li hu se jieħu wkoll mill-art għadd relattivament żgħir taʼ bnedmin oħra. Ġesù qal lill-appostli: “F’dar Missieri hemm bosta agħmajjar.... Jien sejjer fi triqti biex inħejji post għalikom. Ukoll, jekk immur fi triqti u nħejji post għalikom, nerġaʼ niġi u se nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn inkun jien tistgħu tkunu intom ukoll.” —Ġwann 14:2, 3.
18. Aħna issa għandna liema raġuni biex niċċentraw fuq salvazzjoni għal ħajja fis-sema?
18 Salvazzjoni għal ħajja fis-sema f’għaqda maʼ Ġesù hija ċertament bil-wisq iktar grandjuża mis-salvazzjoni limitata nvoluta maʼ l-ewwel Qbiż. (2 Timotew 2:10) Kien fil-lejla tal-aħħar Seder jew ikla tal-Qbiż valida, li Ġesù waqqaf iċ-ċelebrazzjoni l-ġdida għas-segwaċi tiegħu, li tiċċentra fuq salvazzjoni għal ħajja fis-sema. Hu qal lill-appostli: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Qabel ma nikkunsidraw kif il-Kristjani għandhom iħarsu din iċ-ċelebrazzjoni, ejjew nikkunsidraw il-kwistjoni taʼ meta għandna nagħmlu dan.
“Żmien Maħtur”
19. Għala huwa loġiku li tassoċja l-Qbiż mal-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej?
19 Ġesù qal: “Kelli xewqa kbira li niekol dan il-qbiż magħkom qabel ma nsofri.” (Luqa 22:15) Hu wara dan waqqaf l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, li s-segwaċi tiegħu kellhom iħarsu bħala mafkar taʼ mewtu. (Luqa 22:19, 20) Il-Qbiż kien jinżamm darba fis-sena. Għaldaqstant, huwa raġonevoli li l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej tinżamm darba fis-sena. Meta? B’mod loġiku, fir-rebbiegħa fi żmien il-Qbiż. Dak ikun ifisser meta tiġi l-14 taʼ Nisan (kalendarju Lhudi), minflok ma tinżamm dejjem il-Ġimgħa għaliex dak kien il-jum tal-ġimgħa li fih miet Ġesù.
20. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma nteressati fl-14 taʼ Nisan?
20 Għalhekk l-14 taʼ Nisan kienet id-data li Pawlu żgur li kellu f’moħħu meta kiteb: “Kull darba li tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kies, intom tibqgħu xxandru l-mewt tal-Mulej, sakemm jasal.” (1 Korintin 11:26) Matul iż-żewġ sekli taʼ wara, ħafna Kristjani żammew l-14 taʼ Nisan, billi saru magħrufin bħala Kwartodeċimani, mil-Latin għal “l-14.” M’Clintock u Strong jirrapportaw: “Il-knejjes tal-Asja Minuri kienu jiċċelebraw il-mewt tal-Mulej fil-jum li jikkorrispondi mal-14 tax-xahar taʼ Nisan, f’liema data, skond l-opinjoni tal-knisja tal-qedem kollha kemm hi, seħħet il-kruċifissjoni.” Illum, ix-Xhieda taʼ Jehovah iżommu l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej kull sena fid-data li tikkorrispondi mal-14 taʼ Nisan. Xi wħud, madankollu, innotaw li dan differenti mid-data meta l-Lhud iżommu l-Qbiż tagħhom. Għala?
21. Il-Ħaruf tal-Qbiż meta kellu jiġi ssagrifikat, iżda x’jagħmlu l-Lhud illum?
21 Il-jum Ebrew kien minn inżul ix-xemx (madwar is-sitta) sa nżul ix-xemx taʼ wara. Alla kkmanda li l-ħaruf tal-Qbiż jinqatel fl-14 taʼ Nisan “bejn iż-żewġ fil-għaxijiet.” (Eżodu 12:6) Meta jkun dak? Il-Lhud moderni jżommu mal-ħarsa rabbinika li l-ħaruf kellu jinqatel lejn it-tmiem tal-14 taʼ Nisan, mill-ħin meta x-xemx tibda tinżel (madwar it-tlieta) sal-inżul propju tax-xemx. Bħala riżultat, huma jagħmlu s-Seder tagħhom wara nżul ix-xemx, meta jkun beda l-15 taʼ Nisan.—Mark 1:32.
22. X’inhi raġuni għala d-data tal-Mafkar tvarja mid-data meta l-Lhud jagħmlu l-Qbiż tagħhom? (Mark 14:17; Ġwann 13:30)
22 Aħna għandna raġuni tajba, madankollu, li nifhmu l-espressjoni b’mod differenti. Dewteronomju 16:6 b’mod ċar qal lill-Iżraeliti biex ‘joqtlu s-sagrifiċċju tal-qbiż, fil-għaxija, fi nżul ix-xemx.’ (Verżjoni Tanakh) Dan jindika li “bejn iż-żewġ fil-għaxijiet” kien jirreferi għall-perijodu tat-tbexbix, minn inżul ix-xemx (li tibda fl-14 taʼ Nisan) sa x’ħin attwalment jidlam. Il-Lhud Karaiteb tal-qedem kienu jifhmuha b’dan il-mod, kif jagħmlu wkoll is-Samaritanic sal-ġurnata tal-lum. Għax aħna naċċettaw li l-ħaruf tal-Qbiż kien jiġi ssagrifikat u jittiekel fiż-żmien maħtur tiegħu,” fl-14 taʼ Nisan, mhux fil-15 taʼ Nisan, hija raġuni waħda għala d-data tagħna tal-Mafkar xi drabi tvarja mid-data Lhudija.—Numri 9:2-5.
23. Għala jiżdiedu xi xhur mal-kalendarju Ebrew, u dan kif jiġi trattat mil-Lhud taż-żmien modern?
23 Raġuni oħra għala forsi tvarja d-data tagħna minn dik tal-Lhud hi għaliex huma jużaw kalendarju determinat bil-quddiem, liema sistema ma ġietx iffissata qabel ir-rabaʼ seklu E.K. Billi jużaw dan, huma jistgħu jistabbilixxu dati għall-1 taʼ Nisan jew għall-festi għaxriet jew mijiet taʼ snin bil-quddiem. Jerġaʼ, il-kalendarju qamri antik kien jinħtieġ, żjieda taʼ xahar (it-13-il wieħed) minn żmien għal żmien sabiex il-kalendarju setaʼ jissinkronizza mal-istaġuni. Il-kalendarju Lhudi kurrenti jżid dan ix-xahar f’punti fissi; f’ċiklu taʼ 19-il sena, jiġi miżjud maʼ snin 3, 6, 8, 11, 14, 17 u 19.
24, 25. (a) Fi żmien Ġesù, kif kienu jiġu ffissati x-xhur u l-bżonn għal xhur miżjudin kif kien jiġi determinat? (b) Id-data għall-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej kif tiġi stabbilita mix-Xhieda taʼ Jehovah?
24 Madankollu, Emil Schürer igħid li “fi żmien Ġesù [il-Lhud] kien għad m’għandhomx kalendarju fiss, iżda fuq il-bażi taʼ osservazzjoni purament mill-esperjenza, kienu jibdew kull xahar ġdid mad-dehra tal-qamar ġdid, u bl-istess mod fuq il-bażi taʼ osservazzjoni” kienu jżidu xahar kif meħtieġ. “Jekk . . . kien jiġi nnotat lejn it-tmiem tas-sena li l-Qbiż kien se jiġi qabel l-ekwinozju tar-rebbiegħa [madwar il-21 taʼ Marzu], l-interkalkolu taʼ xahar qabel Nisan kien jiġi ddikjarat.” (The History of the Jewish People in the Age of Jesus Christ, Volume 1) Ix-xahar miżjud b’hekk jiġi b’mod naturali, mhux jiżdied bl-addoċċ.
25 Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah tistabbilixxi d-data għall-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fi qbil mal-metodu l-antik. L-ewwel taʼ Nisan jiġi determinat fuq meta l-qamar ġdid l-iktar qrib taʼ l-ekwinozju tar-rebbigħa jistaʼ x’aktarx jiġi osservat f’inżul ix-xemx f’Ġerusalemm. Billi jgħodd 14-il ġurnata minn dak in-nhar wieħed jistaʼ jasal għall-14 taʼ Nisan, li normalment jikkorrispondi għall-jum tal-qamar kwinta. (Ara The Watchtower tal-15 taʼ Ġunju, 1977, paġni 383-4.) Fuq il-bażi taʼ dan il-metodu Bibliku, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar il-globu ġew imgħarrfin li ċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar din is-sena se tkun wara nżul ix-xemx tal-lO taʼ April.
26. Liema aspetti oħra tal-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej jixirqilhom l-attenzjoni tagħna?
26 Din id-data tikkorrispondi għall-14 taʼ Nisan, li kien meta Ġesù ħa sehem fl-aħħar Qbiż validu. Madankollu, iċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar iġġib għall-attenzjoni salvazzjoni akbar minn dik li jikkommemora s-Seder Lhudi. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nifhmu x’jiġri matul l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, din xi tfisser, u kif is-salvazzjoni tagħna hija nvoluta.
[Noti taʼ taħt]
a Ara The Watchtower tal-15 taʼ Frar, 1980, paġni 8-24.
b M’Clintock u Strong jiddeskrivihom bħala “waħda mill-eqdem u mill-iktar setet straordinarji tas-sinagoga Lhudija, li t-twemmin li jiddistingwiha hu li żżomm b’mod strett maʼ kull ħaġa tal-liġi miktuba.
c “Huma joqtlu l-annimal fil-għaxija . . . F’nofs il-lejl kull grupp taʼ familja jieklu l-laħam . . . u mbagħad jaħarqu l-laħam li jibqaʼ u l-għadam qabel jisbaħ . . . Xi studjużi ssuġġerew li r-reliġjon Samaritana tistaʼ tixbaħ mill-qrib ir-reliġjon Biblika qabel il-Ġudaiżmu rabbiniku taha forma oħra.”−The Origins of the Seder.
Int Kif Se Twieġeb?
◻ Il-Qbiż għala hu b’mod xieraq assoċjat mas-salvazzjoni?
◻ Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif jistaʼ jwettaq iktar milli wettaq ◻ il-ħaruf tal-Qbiż?
◻ Liema salvazzjoni ssir disponibbli permezz taʼ Ġesù?
◻ Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif jistabbilixxu l-ħin xieraq għall-lkla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej?