LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 8/15 pp. 26-28
  • ‘Erġaʼ lura u saħħaħ lil ħutek’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Erġaʼ lura u saħħaħ lil ħutek’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘QISU BĦALA FERĦ MILL-​AKBAR’
  • TISTAʼ INT TERĠAʼ LURA?
  • ALLA JBIEREK LIL DAWK LI JERĠGĦU JAQDU BĦALA RAGĦAJJA
  • Anzjani Kristjani—‘Ħaddiema Sħabna għall-Ferħ Tagħna’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Anzjani Għassu l-Prokura Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Kif Ragħajja Kristjani Jaqdu Lilek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Aħwa Rġiel—Iżirgħu għall-Ispirtu u Rsistu!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 8/15 pp. 26-28
Ġesù qed jgħid lil Pietru biex jerġaʼ lura u jsaħħaħ lil ħutu

‘Erġaʼ lura u saħħaħ lil ħutek’

PIETRU beka biki taʼ mrar wara li ċaħad li kien jaf lil Ġesù. Għalkemm l-​appostlu kien se jkollu jissielet biex jerġaʼ jikseb il-​bilanċ spiritwali tiegħu, Ġesù ried jużah biex jgħin lil oħrajn. Għalhekk, Ġesù qallu: “Meta terġaʼ tiġi lura, saħħaħ lil ħutek.” (Lq. 22:32, 54-​62) Pietru maż-​żmien sar wieħed mill-​kolonni tal-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu. (Gal. 2:9) B’mod simili, raġel li darba kien jaqdi bħala anzjan forsi jkun jistaʼ jerġaʼ jerfaʼ din ir-​responsabbiltà u jgawdi l-​ferħ hekk kif isaħħaħ lil sħabu fit-​twemmin spiritwalment.

Xi wħud li darba kienu jaqdu bħala indokraturi tniżżlu mill-​kariga tagħhom, u minħabba f’hekk forsi jħossu li fallew. Julio,a li qeda bħala anzjan fl-​Amerika t’Isfel għal iktar minn 20 sena, qal: “Li nipprepara t-​taħditiet, li nżur lill-​aħwa, u li nagħmel żjajjar pastorali lil membri tal-​kongregazzjoni kienu parti kbira minn ħajti! F’daqqa waħda kien spiċċa kollox, u dan ħalla vojt kbir f’ħajti. Fi ftit kliem, dan kien żmien diffiċli ferm.” Illum, Julio qed jerġaʼ jaqdi bħala anzjan.

‘QISU BĦALA FERĦ MILL-​AKBAR’

Id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Qisuh bħala ferħ mill-​akbar, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi.” (Ġak. 1:2) Ġakbu kien qed jirreferi għal provi li jiġu mill-​persekuzzjoni u mill-​imperfezzjoni tagħna. Hu semma x-​xewqat egoistiċi, il-​favoritiżmu, u affarijiet oħra bħal dawn. (Ġak. 1:14; 2:1; 4:1, 2, 11) Meta Ġeħova jiddixxiplinana, l-​esperjenza għandha mnejn tkun taʼ wġigħ. (Ebr. 12:11) Imma provi bħal dawn m’għandhomx għalfejn jisirqulna l-​ferħ.

Anki jekk inkunu tniżżilna minn xi pożizzjoni taʼ responsabbiltà fil-​kongregazzjoni, xorta għandna opportunità biex nagħtu prova taʼ kemm hi b’saħħitha l-​fidi tagħna u nuru l-​imħabba li għandna għal Ġeħova. Nistgħu wkoll naħsbu dwar għala konna naqdu fl-​inkarigu li kellna. Kien għall-​vantaġġ tagħna stess, jew konna mqanqlin biex nirsistu għal privileġġ bħal dan sforz l-​imħabba tagħna għal Alla u l-​konvinzjoni tagħna li l-​kongregazzjoni hi tiegħu u jixirqilha ħarsien teneru? (Atti 20:28-​30) Dawn li qabel kienu anzjani u li b’ferħ ikomplu jagħtu servizz sagru juru lil kulħadd, inkluż lil Satana, li l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova hi ġenwina.

Meta s-​Sultan David ġie dixxiplinat talli kkommetta dnubiet serji, hu aċċetta t-​twiddib u ġie maħfur. David kanta: “Hieni hu dak li l-​irvell tiegħu nħafirlu, li dnubu ġie mgħotti. Hieni l-​bniedem li Ġeħova ma jżommx kont taʼ l-​iżball tiegħu, u li m’għandux spirtu taʼ qerq.” (Salm 32:1, 2) David ġie rfinut mid-​dixxiplina u bla dubju sar ragħaj aħjar għall-​poplu t’Alla.

Aħwa rġiel li jerġgħu jaqdu bħala anzjani spiss isiru ragħajja aħjar milli kienu qabel. Wieħed minn dawn l-​anzjani qal: “Issa nifhem aħjar kif nistaʼ nieħu ħsieb lil dawk li jiżbaljaw.” Anzjan ieħor qal: “Issa ngħożżu iktar il-​privileġġ tiegħi li naqdi lill-​aħwa.”

TISTAʼ INT TERĠAʼ LURA?

“[Ġeħova] mhux se joqgħod il-​ħin kollu jsib il-​ħtija,” kiteb is-​salmista. (Salm 103:9) Allura m’għandniex naħsbu li Alla qatt mhu se jerġaʼ jafda lil individwu li jkun żbalja bl-​ikrah. “Ħassejtni diżappuntat għall-​aħħar bija nnifsi,” jgħid Ricardo, li tilef il-​privileġġi tiegħu bħala anzjan wara li kien ilu jaqdi bosta snin. “Għal żmien twil, żammejt lura milli nerġaʼ naqdi lill-​aħwa bħala indokratur għax ħassejt li ma kellix l-​abbiltajiet u l-​kwalitajiet meħtiġin. Ħassejt li ma stajtx nerġaʼ nikseb il-​fiduċja tal-​aħwa. Imma peress li nieħu pjaċir ngħin lil oħrajn, stajt nikkonduċi studji tal-​Bibbja, ninkuraġġixxi lill-​aħwa fis-​Sala tas-​Saltna, u naħdem magħhom fil-​ministeru tal-​għalqa. Dan kollu għenni nerġaʼ nħossni fiduċjuż, u issa qed nerġaʼ naqdi bħala anzjan.”

Anzjani Kristjani qed jinkuraġġixxu lil ħu biex jerġaʼ jaqdi bħala anzjan

Ġeħova għen lil xi rġiel biex jerġgħu jsibu l-​ferħ u jkollhom ix-​xewqa li jerġgħu jaqdu

Ħu jistaʼ jżomm lura milli jaqdi bħala anzjan jekk joqgħod iżomm f’qalbu. Kemm ikun aħjar jekk inkunu bħall-​qaddej taʼ Ġeħova, David, li kellu jaħrab mis-​sultan għajjur Sawl! David irrifjuta li jivvendika ruħu minn Sawl, anki meta kellu opportunità jagħmel dan. (1 Sam. 24:4-​7; 26:8-​12) Meta Sawl miet f’battalja, David tnikket bil-​mewt tiegħu, u rrefera għalih u għal ibnu Ġonatan bħala individwi “kollhom imħabba u ħlewwa.” (2 Sam. 1:21-​23) David ma qagħadx iżomm f’qalbu.

Jekk tħoss li ma ġejtx mifhum tajjeb jew li int vittma taʼ xi inġustizzja, tibqax iżżomm f’qalbek u thewden dwar dan. Pereżempju, meta William tniżżel minn anzjan wara li kien ilu jaqdi xi 30 sena fil-​Britannja, hu żamm f’qalbu għal xi wħud mill-​anzjani. X’għen lil William jerġaʼ jikseb il-​bilanċ? “Ħassejtni inkuraġġit meta qrajt il-​ktieb taʼ Ġob,” qal hu. “Jekk Ġeħova għen lil Ġob jagħmel paċi mal-​hekk imsejħin tliet farraġa tiegħu, kemm iktar se jgħin lili biex nagħmel paċi mal-​anzjani Kristjani!”—Ġob 42:7-​9.

ALLA JBIEREK LIL DAWK LI JERĠGĦU JAQDU BĦALA RAGĦAJJA

Jekk int għażilt li ma tibqax tirgħa l-​merħla t’Alla, ikun tajjeb jekk tikkunsidra għala għamilt hekk. Ħassejtek mifni bi problemi persunali? Saru affarijiet oħrajn iktar importanti f’ħajtek? Skuraġġejt ruħek minħabba l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn? Kien x’kien il-​każ, tinsiex li meta kont qed taqdi bħala anzjan, int kellek iktar opportunitajiet biex tgħin lil oħrajn. It-​taħditiet tiegħek saħħew lill-​aħwa, l-​eżempju tiegħek inkuraġġiehom, u ż-​żjajjar pastorali tiegħek għenuhom jissaportu l-​provi tagħhom. Ix-​xogħol tiegħek bħala anzjan leali ferraħ qalb Ġeħova u tiegħek ukoll.—Prov. 27:11.

Anzjan Kristjan qed jieħu sehem f’servizz sagru bil-ferħ

Uri l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova billi tieħu sehem bil-​ferħ fis-​servizz sagru

Ġeħova għen lil xi rġiel jerġgħu jsibu l-​ferħ u jkollhom ix-​xewqa li jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni. Kemm jekk int inżilt minn anzjan u kemm jekk tniżżilt, int tistaʼ terġaʼ ‘tirsisti għal kariga taʼ indokratur.’ (1 Tim. 3:1) Pawlu ‘ma waqafx jitlob’ biex il-​Kristjani Kolossin ikunu mimlijin bl-​għarfien eżatt dwar ir-​rieda t’Alla ħalli ‘jkunu jistgħu jimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-​għan li jogħġbuh għalkollox.’ (Kol. 1:9, 10) Jekk terġaʼ tingħata l-​privileġġ li taqdi bħala anzjan, dur lejn Ġeħova għas-​saħħa, il-​paċenzja, u l-​ferħ. F’dawn l-​aħħar jiem, il-​poplu t’Alla għandu bżonn l-​appoġġ spiritwali taʼ ragħajja kollhom imħabba. Int kapaċi u lest li ssaħħaħ lil ħutek?

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja