KAPITLU 7
L-Ubbidjenza Tipproteġik
TIEĦU pjaċir kieku tistaʼ tagħmel kulma trid? Tkun tixtieq kultant li ħadd ma jgħidlek x’għandek tagħmel? Għid il-verità, x’taħseb?—
Għala għandek tismaʼ minn min hu akbar minnek?
Imma x’inhu l-aħjar għalik? Tajjeb li tagħmel kulma trid? Jew se tmur aħjar jekk tobdi lil missierek u ommok?— Alla jgħid li trid tobdi lill-ġenituri tiegħek. Mela bilfors li hemm raġuni tajba biex tagħmel hekk. Ejja naraw kif nistgħu nifhmu x’inhi r-raġuni.
Kemm għandek żmien?— Taf kemm għandu żmien missierek?— Kemm għandha żmien ommok jew in-nanna jew in-nannu?— Dawn ilhom jgħixu ħafna iktar minnek. U iktar ma xi ħadd jgħix, iktar ikollu żmien biex jitgħallem affarijiet ġodda. Sena wara l-oħra, hu jismaʼ iktar affarijiet, jara iktar affarijiet, u jagħmel iktar affarijiet. Allura ż-żgħar jistgħu jitgħallmu minn min hu akbar minnhom.
Taf lil xi ħadd iżgħar minnek?— Int taf iktar minnu?— Għala taf iktar?— Għax int ilek tgħix iktar. Kellek iktar żmien biex titgħallem affarijiet milli kellu xi ħadd iżgħar minnek.
Min ilu jgħix iktar minnek jew minni jew minn kulħadd?— Alla Ġeħova. Hu jaf iktar minnek, u jaf iktar minni. Meta jgħidilna nagħmlu xi ħaġa, nistgħu nkunu ċerti li tkun il-ħaġa t-tajba li nagħmlu, avolja forsi tkun diffiċli. Kont taf li anki l-Għalliem il-Kbir darba sabha diffiċli li jobdi?—
Darba waħda Alla ried lil Ġesù jagħmel xi ħaġa diffiċli ħafna. Ġesù talab dwarha, kif qed naraw hawnhekk fl-istampa. Hu talab: “Jekk trid, warrab minni dan il-kies.” Billi talab hekk, Ġesù wera li ma kienx dejjem faċli li tagħmel dak li jrid Alla. Imma Ġesù kif spiċċa t-talba tiegħu? Taf kif?—
X’nistgħu nitgħallmu mit-talba taʼ Ġesù?
Ġesù għalaq it-talba billi qal: “Ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Luqa 22:41, 42) Iva, hu ried li jsir dak li ried Alla, mhux li ried hu. U Ġesù obda u għamel dak li ried Alla flok dak li ħaseb hu li kien l-aħjar.
X’nistgħu nitgħallmu minn dan?— Nitgħallmu li huwa dejjem tajjeb li nagħmlu dak li jgħid Alla, avolja forsi ma jkunx faċli. Imma nitgħallmu xi ħaġa oħra. Taf x’inhi?— Nitgħallmu li Alla u Ġesù m’humiex l-istess persuna, kif jgħidu xi nies. Alla Ġeħova għandu iktar żmien u jaf iktar minn Ibnu, Ġesù.
Meta nobdu lil Alla nkunu qed nuru li nħobbuh. Il-Bibbja tgħid: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwanni 5:3) Mela qed tara, aħna kollha rridu nobdu lil Alla. Int trid tobdih, hux veru?—
Ejja niftħu l-Bibbja tagħna u naraw Alla x’jgħidilhom biex jagħmlu lit-tfal. Se naqraw dak li tgħid il-Bibbja f’Efesin kapitlu 6, versi 1, 2, u 3. Din tgħid: “Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’unjoni mal-Mulej, għax dan hu sewwa: ‘Onora lil missierek u lil ommok’; li hu l-ewwel kmand b’wegħda: ‘Biex jaħbatlek tajjeb u ddum żmien twil fuq l-art.’”
Mela qed tara, huwa Alla Ġeħova stess li qed jgħidlek biex tobdi lil missierek u lil ommok. X’jiġifieri li ‘tonorahom’? Jiġifieri li trid turihom rispett. U Alla jwiegħed li jekk tobdi lill-ġenituri tiegħek, se “jaħbatlek tajjeb.”
Ħa ngħidlek storja dwar xi nies li salvaw ħajjithom għax obdew. Dawn in-nies kienu jgħixu ħafna żmien ilu fil-belt kbira taʼ Ġerusalemm. Il-biċċa l-kbira min-nies f’dik il-belt ma kinux jisimgħu minn Alla, u allura Ġesù wissiehom li Alla kien se jeqred il-belt tagħhom. Ġesù qalilhom ukoll kif setgħu jaħarbu jekk iħobbu dak li hu tajjeb. Hu qal: ‘Meta taraw is-suldati mdawrin maʼ Ġerusalemm kollha, se tindunaw li dalwaqt se tinqered. Imbagħad ikun wasal il-ħin li toħorġu minn Ġerusalemm u taħarbu lejn il-muntanji.’—Luqa 21:20-22.
Dawn in-nies kif salvaw għax obdew mill-kmand taʼ Ġesù?
Eżatt bħalma qal Ġesù, is-suldati ġew biex jattakkaw lil Ġerusalemm. Is-suldati taʼ Ruma daru magħha. Imbagħad, għal xi raġuni telqu. Ħafna min-nies ħasbu li l-periklu kien għadda. Allura baqgħu jgħixu fil-belt. Imma Ġesù x’kien qal li kellhom jagħmlu?— X’kont tagħmel int kieku kont tgħix f’Ġerusalemm dak iż-żmien?— Dawk li veru emmnu lil Ġesù ħallew id-dar tagħhom u ħarbu jiġru lejn il-muntanji ’l bogħod minn Ġerusalemm.
Għaddiet sena sħiħa u Ġerusalemm ma ġralha xejn. Għaddiet it-tieni sena u ma ġara xejn. Ġiet it-tielet sena u ma ġara xejn. Xi nies forsi ħasbu kemm kien baħnan min telaq mill-belt. Imma mbagħad fir-rabaʼ sena, is-suldati Rumani reġgħu ġew u reġgħu daru maʼ Ġerusalemm kollha. Issa kien tard wisq biex taħrab. Din id-darba s-suldati qerdu l-belt. Kważi n-nies kollha li kienu fiha mietu, u l-bqija saru lsiera.
Imma xi ġralhom dawk li obdew lil Ġesù?— Kienu ’l bogħod mill-periklu, ’il bogħod minn Ġerusalemm. Allura ma ġralhom xejn. L-ubbidjenza pproteġiethom.
Tistaʼ l-ubbidjenza tipproteġi lilek ukoll?— Il-ġenituri forsi jgħidulek biex qatt ma tilgħab fit-triq. Għala jgħidulek hekk?— Għax tistaʼ ttajrek karozza. Imma forsi xi darba tistaʼ taħseb: ‘Bħalissa m’hawnx karozzi. Mhux se nweġġaʼ. Hemm tfal oħra li jilagħbu fit-triq, u qatt ma rajthom iweġġgħu.’
Għala għandek tobdi meta tara li m’hemmx periklu?
Hekk ħasbu l-biċċa l-kbira min-nies f’Ġerusalemm. Wara li telqu s-suldati Rumani, kollox kien jidher sew. Kien hemm nies oħra li kienu baqgħu fil-belt. Allura baqgħu hemm huma wkoll. Kienu jafu x’kellhom jagħmlu, imma ma semgħux. Ir-riżultat kien li mietu.
Ejja nieħdu eżempju ieħor. Qatt lgħabt bis-sulfarini?— Forsi taħseb li hi xi ħaġa sabiħa li toqgħod tħares lejn in-nar meta tixgħel sulfarina. Imma l-logħob bis-sulfarini jistaʼ jkun perikoluż. Id-dar kollha tistaʼ taqbad bin-nar, u int tistaʼ tmut!
Tinsiex li mhux biżżejjed li tobdi kultant. Imma jekk tobdi dejjem, dan se jipproteġik żgur. U min jgħidlek, “Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom”?— Huwa Alla. U, ftakar, hu jgħidlek hekk għax iħobbok.
Issa aqra dawn l-iskritturi li juru kemm hu importanti li tobdi: Proverbji 23:22; Koħèlet 12:13; Isaija 48:17, 18; u Kolossin 3:20.