LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 11/1 pp. 7-11
  • Tgħallem Int Bħalma Għallem Ġesù?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallem Int Bħalma Għallem Ġesù?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tagħlim Tiegħu Laħaq Il-​Qalb
  • Ġesù Ċeda Meta L-​Imħabba Kienet Titlob Hekk
  • Isir “Bin il-​Kmandament”
  • Ġesù Jħobbu Jifhem Lit-​Tfal
  • “Waslet is-Siegħa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Ġesù Kristu—L-Aqwa Missjunarju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Ġesù juri x’inhu “l-għerf mingħand Alla”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Jien Tajtkom Eżempju”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 11/1 pp. 7-11

Tgħallem Int Bħalma Għallem Ġesù?

“[I]l-folol baqgħu mgħaġġbin bil-​mod kif kien jgħallem; għax kien qiegħed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-​awtorità, u mhux bħall-​iskribi tagħhom.”—MATTEW 7:28, 29.

1. Min segwa lil Ġesù hekk kif għallem fil-​Galilija, u x’kienet ir-​reazzjoni taʼ Ġesù?

KULFEJN mar Ġesù, il-​folol inġabru miegħu. “Mar idur il-​Galilija kollha kemm hi, jgħallem fis-​sinagogi tagħhom u jippriedka l-​aħbar tajba tas-​saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa fost in-​nies.” Hekk kif ir-​rapport taʼ l-​attivitajiet tiegħu nfirex, “folol kbar segwewh mill-​Galilija u mid-​Dekapolis u minn Ġerusalemm u mill-​Ġudea u min-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan.” (Mattew 4:23, 25) Meta rahom, “tħassarhom, għaliex kienu mqaxxrin u mitfugħin ’l hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.” Hekk kif għallem setgħu jindunaw bil-​ħasra jew affezzjoni tenera li ħass għalihom; kien bħal balzmu li jserraħ fuq il-​feriti tagħhom li attirahom lejh.—Mattew 9:35, 36.

2. Minbarra l-​mirakli taʼ Ġesù, x’ġibed folol kbar?

2 X’fejqan fiżiku mirakoluż wettaq Ġesù​—għamel lill-​imġiddmin indaf, lit-​torox jisimgħu, lill-​għomja jaraw, liz-​zopop jimxu, lill-​mejtin jiġu lura għall-​ħajja! Ċertament dawn it-​turijiet spettakulari tal-​qawwa taʼ Jehovah li kienet taħdem permezz taʼ Ġesù kienu jiġbdu folol f’numri kbar! Imma l-​mirakli ma kinux l-​uniċi affarijiet li ġibduhom; folol kbar ġew ukoll għall-​fejqan spiritwali pprovdut meta Ġesù kien jgħallem. Innota r-​rispons tagħhom, per eżempju, wara li semgħu l-​Priedka famuża tiegħu fuq il-​Muntanja: “Meta Ġesù temm dawn il-​qwiel, l-​effett kien li l-​folol baqgħu mgħaġġbin bil-​mod kif kien jgħallem; għax hu kien qiegħed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-​awtorità, u mhux bħall-​iskribi tagħhom.” (Mattew 7:28, 29) Ir-​rabbini tagħhom ikkwotaw tradizzjonijiet orali minn rabbini tal-​qedem bħala awtorità tagħhom. Ġesù għallimhom b’awtorità mingħand Alla: “L-​affarijiet li nitkellem, sewwa sew bħalma l-​Missier qalhomli, hekk nitkellimhom.”—Ġwann 12:50.

It-​Tagħlim Tiegħu Laħaq Il-​Qalb

3. Il-​mod kif Ġesù wassal il-​messaġġ tiegħu kif kien differenti minn dak taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej?

3 Id-​differenza bejn it-​tagħlim taʼ Ġesù u dak taʼ l-​iskribi u l-​Fariżej ma kenitx biss il-​kontenut​—veritajiet mingħand Alla f’kuntrast maʼ tradizzjonijiet orali peżanti mill-​bnedmin—​imma wkoll il-​mod kif kien jiġi mogħti. L-​iskribi u l-​Fariżej kienu arroganti u ħorox, bi kburija jippretendu titli li jeżaltaw u bi stmerrija jistmaw lill-​folol bħala “nies misħutin.” Ġesù, iżda, kien ġwejjed, ġentili, qalbu tajba, jissimpatizza, u taʼ spiss iċedi, u kien imqanqal bil-​ħniena għalihom. Ġesù għallem mhux biss bi kliem korrett imma wkoll bi kliem ħelu minn qalbu, li daħal direttament fil-​qlub tas-​semmiegħa tiegħu. Il-​messaġġ ferrieħi tiegħu ġibed lin-​nies lejh, qanqalhom biex jiġu kmieni fit-​tempju biex jisimgħuh, u ġegħilhom isegwuh mill-​qrib u jieħdu pjaċir jisimgħuh. Ġew bi ħġarhom biex jisimgħuh, billi ddikjaraw: “Ebda bniedem ieħor ma qatt tkellem hekk.”—Ġwann 7:46-49; Mark 12:37; Luqa 4:22; 19:48; 21:38.

4. Fl-​ippridkar taʼ Ġesù x’kien b’mod speċjali li ġibed ħafna nies?

4 Ċertament, waħda mir-​raġunijiet għala n-​nies ħassewhom miġbudin lejn it-​tagħlim tiegħu kien l-​użu tiegħu tat-​tixbihat. Ġesù ra dak li oħrajn raw, imma hu ħaseb dwar affarijiet li huma qatt ma kienu ħasbu dwarhom. Ġilji jikbru fl-​għelieqi, għasafar jibnu l-​bejtiet tagħhom, irġiel jiżirgħu l-​qamħ, ragħajja jġibu ’l ġewwa ħrief mitlufin, nisa jħitu rqajja fuq ħwejjeġ qodma, tfal jilagħbu fis-​suq, sajjieda jiġbdu x-​xbieki tagħhom​—affarijiet taʼ kuljum li kulħadd kien jara—qatt ma kienu komuni f’għajnejn Ġesù. Kulfejn kien iħares, kien jara x’jistaʼ juża biex ixebbah lil Alla u s-​Saltna Tiegħu jew biex jagħmel punt dwar is-​soċjetà umana taʼ madwaru.

5. Ġesù fuq xiex ibbaża t-​tixbihat tiegħu, u liema ħaġa għamlet il-​parabboli tiegħu effettivi?

5 It-​tixbihat taʼ Ġesù huma bbażati fuq affarijiet taʼ kuljum li n-​nies jaraw ħafna drabi, u meta veritajiet huma marbutin maʼ affarijiet familjari, dawn jiġu mnaqqxin malajr u fil-​fond fl-​imħuħ taʼ dawk li jisimgħu. Veritajiet bħal dawn ma jiġux mismugħin biss; isiru stampi mentali u tistaʼ tiftakarhom faċilment wara. Il-​parabboli taʼ Ġesù kienu kkaratterizzati bis-​sempliċità, żbarazzati minn materjal mhux essenzjali li setaʼ jidħol fin-​nofs u jfixkel il-​fehma tagħhom taʼ veritajiet. Ikkunsidra, per eżempju, il-​parabbola tas-​Samaritan id-​dħuli. Int tara b’mod ċar x’inhu ġar tajjeb. (Luqa 10:29-37) Imbagħad Ġesù ta t-​tixbieha dwar iż-​żewġt itfal subjien​—wieħed li qal li kien se jaħdem fl-​għalqa tad-​dwieli imma ma marx, l-​ieħor li qal li ma riedx imma mbagħad mar. Int malajr tara x’inhuwa l-​punt bażiku taʼ ubbidjenza vera​—li tagħmel ix-​xogħol assenjat. (Mattew 21:28-31) L-​ebda mħuħ ma kienu jonogħsu jew jiġġerrew matul it-​tagħlim vivaċi taʼ Ġesù. Inżammu attivi kemm biex jisimgħu u kemm biex jaraw.

Ġesù Ċeda Meta L-​Imħabba Kienet Titlob Hekk

6. Li tkun raġonevoli, jew li ċċedi, meta b’mod partikulari huwa taʼ għajnuna?

6 Ħafna drabi meta l-​Bibbja titkellem dwar li tkun raġonevoli, nota taʼ taħt turi li dan ifisser li tkun iċċedi. L-​għerf mingħand Alla jċedi meta jkun hemm ċirkostanzi li jridu jitqiesu. Aħna għandna nkunu raġonevoli, jew inċedu, xi drabi. L-​anzjani għandhom ikunu lesti li jċedu meta l-​imħabba titlob hekk u l-​indiema tipprovdi bażi għal dan. (1 Timotew 3:3; Ġakbu 3:17) Ġesù ħalla eżempji meraviljużi fejn hu ċeda, billi għamel eċċezzjonijiet għal regoli ġenerali meta l-​ħniena jew il-​mogħdrija ndikaw dan.

7. Liema huma xi eżempji taʼ li Ġesù kien iċedi?

7 Ġesù darba qal: “Kulmin jiċħadni quddiem il-​bnedmin, jien ukoll se niċħdu quddiem Missieri li hu fis-​smewwiet.” Imma hu ma ċaħadx lil Pietru, għalkemm Pietru ċaħdu tliet darbiet. Kien hemm ċirkostanzi li riedu jitqiesu, li Ġesù b’mod evidenti ta kashom. (Mattew 10:33; Luqa 22:54-62) Kien hemm ukoll ċirkostanzi li riedu jitqiesu meta l-​mara mhix nadifa b’nixxiegħa taʼ demm kisret il-​Liġi taʼ Mosè billi daħlet fil-​folla. Ġesù ma kkundannahiex lanqas. Fehem id-​disperazzjoni tagħha. (Mark 1:40-42; 5:25-34; ara wkoll Luqa 5:12, 13.) Ġesù kien qal lill-​appostli tiegħu biex ma jidentifikawhx bħala l-​Messija, u madankollu ma żammx b’mod riġidu maʼ dik ir-​regola meta identifika lilu nnifsu bħala tali maʼ mara Samaritana ħdejn il-​bir. (Mattew 16:20; Ġwann 4:25, 26) F’dawn il-​każijiet kollha, l-​imħabba, il-​ħniena, u l-​mogħdrija għamlu xieraq li hu jċedi.—Ġakbu 2:13.

8. L-​iskribi u l-​Fariżej meta kienu jgħawġu r-​regoli, u meta ma kinux?

8 Kien differenti maʼ l-​iskribi u l-Fariżej li ma kinux iċedu. Għalihom infushom huma kienu jiksru t-​tradizzjonijiet tagħhom tas-​Sabat biex jieħdu l-​barri tagħhom ħdejn l-​_ilma. Jew jekk il-​barri jew it-​tifel tagħhom jaqaʼ f’xi bir, kienu jiksru s-​Sabat biex joħorġuh. Imma għan-​nies komuni, ma kienu jċedu lanqas nitfa! Ma ‘kinux lesti li jħarrku [l-ħtiġijiet] b’sebagħhom.’ (Mattew 23:4; Luqa 14:5) Għal Ġesù, in-​nies kienu iżjed importanti mill-​biċċa l-​kbira tar-​regoli; għall-​Fariżej, ir-​regoli kienu iżjed importanti min-​nies.

Isir “Bin il-​Kmandament”

9, 10. Wara li rritornaw f’Ġerusalemm, il-​ġenituri taʼ Ġesù fejn sabuh, u x’kien is-​sinjifikat tal-​mistoqsijiet taʼ Ġesù?

9 Xi wħud jilmentaw li hemm biss inċident wieħed fit-​tfulija taʼ Ġesù li huwa miktub. Madankollu ħafna ma jirrealizzawx is-​sinjifikat kbir taʼ dik il-​ġrajja. Hija rrapportata għalina f’​Luqa 2:46, 47: “Wara tlett ijiem sabuh fit-​tempju, bil-​qiegħda f’nofs l-​għalliema u jismagħhom u jistaqsihom. Imma dawk kollha li kienu qegħdin jisimgħuh kienu l-​ħin kollu jistagħġbu b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu.” It-​Theological Dictionary of the New Testament taʼ Kittel jippreżenta l-​idea li f’dan il-​każ il-​kelma Griega għal “jistaqsi” ma kenitx sempliċement xi kurżità taʼ tifel. Il-​kelma tistaʼ tirreferi għal domandar użat waqt eżami ġudizzjarju, investigazzjoni, stħarriġ, saħansitra “l-​mistoqsijiet penetranti u makakki tal-​Fariżej u s-​Saduċej,” bħal dawk imsemmijin f’​Mark 10:2 u 12:18-23.

10 L-​istess dizzjunarju jissokta: “Minħabba dan l-​użu jistaʼ jiġi mistoqsi jekk . . . [Luqa] 2:46 jissinjifikax, mhux daqstant il-​mistoqsijiet taʼ kurżità tat-​tifel, imma minflok id-​disputar b’suċċess Tiegħu. [Vers] 47 jaqbel tajjeb mal-​fehma taʼ l-​aħħar.”a It-​traduzzjoni taʼ Rotherham taʼ vers 47 tippreżentaha bħala konfrontazzjoni drammatika: “Issa dawk kollha li semgħuh baqgħu mbellhin, minħabba l-​fehma tiegħu u t-​tweġibiet tiegħu.” Il-​Word Pictures in the New Testament taʼ Robertson jgħid li l-​istagħġib kontinwu tagħhom ifisser li “huma baqgħu ċċassati bħal li kieku għajnejhom kienu se jaqbżulhom ’il barra.”

11. X’kienet ir-​reazzjoni taʼ Marija u Ġużeppi għal dak li raw u semgħu, u dizzjunarju teoloġiku wieħed x’jissuġġerixxi?

11 Meta l-​ġenituri taʼ Ġesù fl-​aħħar ġew fuq ix-​xena, “baqgħu mbellhin.” (Luqa 2:48) Robertson jgħid li l-​kelma Griega f’din l-​espressjoni tfisser “taqlaʼ ’l barra, timbotta ’l barra b’daqqa.” Hu jżid li Ġużeppi u Marija “kienu maqlugħin ’il barra” b’dak li raw u semgħu. F’ċertu sens, Ġesù diġà kien għalliem taʼ l-​għaġeb. U minħabba dan l-​inċident fit-​tempju, il-​pubblikazzjoni taʼ Kittel issostni li “Ġesù diġà jibda fit-​tfulija Tiegħu l-​konflitt li fih l-​opponenti Tiegħu se jkollhom fl-​aħħar iċedu.”

12. X’kien sinjifikanti dwar diskussjonijiet li Ġesù kellu wara maʼ mexxejja reliġjużi?

12 U jċedu kellhom! Snin wara, kien permezz taʼ domandar bħal dan li Ġesù għeleb lill-​Fariżej sakemm ‘m’azzardawx minn dak il-​jum ’il quddiem jistaqsuh iktar.’ (Mattew 22:41-46) Is-​Saduċej bl-​istess mod ġew imsikktin fuq il-​kwistjoni taʼ l-​irxoxt, u “ma kellhomx iktar il-​kuraġġ li jistaqsuh mistoqsija waħda.” (Luqa 20:27-40) L-​iskribi ma tantx marru aħjar. Wara li wieħed minnhom kellu diskussjoni maʼ Ġesù, “ħadd ma kellu l-​kuraġġ jistaqsih iktar.”—Mark 12:28-34.

13. Liema ħaġa għamlet l-​episodju fit-​tempju sinjifikanti fil-​ħajja taʼ Ġesù, u liema attenzjoni oħra tissuġġerixxi?

13 Għala dan l-​inċident li jinvolvi lil Ġesù u l-​għalliema fit-​tempju kien il-​wieħed li ntgħażel mit-​tfulija tiegħu biex jiġi rrakkontat? Kien il-​punt taʼ bidla fil-​ħajja taʼ Ġesù. Meta kellu madwar 12-il sena, hu sar dak li l-​Lhud kienu jsejħulu “bin il-​kmandament,” responsabbli biex josserva l-​ordinanzi kollha tiegħu. Meta Marija lmentat maʼ Ġesù dwar in-​niket mentali li hu kien ikkaġuna lilha u lil Ġużeppi, it-​tweġiba taʼ binha ndikat li hu wisq probabbli rrealizza n-​natura mirakoluża tat-​twelid tiegħu u l-​futur Messjaniku tiegħu. Dak huwa ssuġġerit bil-​mod kif innota li, b’mod dirett ħafna, Alla kien Missieru: “Għalfejn kellkom tfittxuni? Ma kontux tafu li jien irrid inkun fid-​dar taʼ Missieri?” Fil-​fatt, dawn huma l-​ewwel kelmiet minn Ġesù li huma mniżżlin fil-​Bibbja, u jindikaw li hu kien konxju dwar l-​iskop taʼ Jehovah għala bagħtu fuq l-​art. B’hekk, dan l-​episodju kollu kemm hu huwa wieħed taʼ sinjifikat ewlieni.—Luqa 2:48, 49.

Ġesù Jħobbu Jifhem Lit-​Tfal

14. Ir-​rakkont tat-​tfajjel Ġesù fit-​tempju liema punti interessanti jistaʼ jagħmel liż-​żgħażagħ konxji tagħhom?

14 Dan ir-​rakkont għandu jkun b’mod speċjali eċċitanti għaż-​żgħażagħ. Juri kemm Ġesù studja b’mod diliġenti hekk kif kiber lejn l-​irġulija. Rabbini fit-​tempju baqgħu mistagħġbin bl-​għerf taʼ dan “bin il-​kmandament” taʼ 12-il sena. Madankollu xorta ħadem maʼ Ġużeppi fil-​ħanut taʼ mastrudaxxa, “baqaʼ sottomess lejh” u lejn Marija, u żdied “fil-​favur m’Alla u mal-​bnedmin.”—Luqa 2:51, 52.

15. Ġesù kif kien jappoġġja liż-​żgħażagħ matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, u dan x’ifisser għaż-​żgħażagħ illum?

15 Ġesù kien jappoġġjahom ħafna liż-​żgħażagħ matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art: “Meta l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi raw l-​affarijiet meraviljużi li għamel u s-​subjien li kienu qegħdin jgħajtu fit-​tempju u jgħidu: ‘Salva, nitolbu, lil Bin David!’ ħassewhom mgħaddbin bi stmerrija u qalulu: ‘Tismaʼ dawn x’qegħdin jgħidu?’ Ġesù qalilhom: ‘Iva. Qatt ma qrajtuh dan, “Minn fomm it-​trabi u l-​imreddgħin int fornejt it-​tifħir”?’” (Mattew 21:15, 16; Salm 8:2) Hu għadu jappoġġja bl-​istess mod lil mijiet taʼ eluf taʼ żgħażagħ illum li qegħdin iżommu l-​integrità tagħhom u jfornu tifħir, xi wħud minnhom saħansitra għamlu dan billi kellhom iħallsu b’ħajjithom stess!

16. (a) Ġesù liema lezzjoni għallem lill-​appostli tiegħu billi poġġa f’nofshom tifel żgħir? (b) F’liema żmien kruċjali ħafna fil-​ħajja taʼ Ġesù kien għad għandu ħin għat-​tfal?

16 Meta l-​appostli argumentaw dwar min kien l-​akbar, Ġesù qal lit-​12: “‘Jekk xi ħadd irid ikun l-​ewwel, irid ikun l-​aħħar wara kulħadd u ministru taʼ kulħadd.’ U qabad tfajjel ċkejken, poġġieh f’nofshom u poġġa dirgħajh madwaru u qalilhom: ‘Kulmin jilqaʼ lil wieħed minn dawn it-​tfal żgħar fuq il-​bażi taʼ ismi, jilqaʼ lili; u kulmin jilqaʼ lili, jilqaʼ, mhux lili biss, imma wkoll lil dak li bagħatni.’” (Mark 9:35-37) Barra minn hekk, meta kien qed jivvjaġġa lejn Ġerusalemm għall-​aħħar darba, biex jiffaċċja prova u mewt tal-​biżaʼ, sab il-​ħin għat-​tfal: “Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-​saltna t’Alla tappartjeni lil uħud bħal dawn.” Imbagħad “ħa t-​tfal f’dirgħajh u beda jberikhom, billi poġġa jdejh fuqhom.”—Mark 10:13-16.

17. Għala kien faċli għal Ġesù li jifhem lit-​tfal, u t-​tfal x’iridu jiftakru dwaru?

17 Ġesù jaf xi jfisser li tkun tifel (jew tifla) f’dinja taʼ adulti. Għex maʼ adulti, ħadem magħhom, esperjenza li jkun suġġett lejhom, u ħass ukoll is-​sentiment taʼ sigurtà u kordjalità taʼ li tkun maħbub minnhom. Tfal, dan l-​istess Ġesù hu l-​ħabib tagħkom; miet għalikom, u intom se tgħixu għal dejjem jekk tobdu l-​kmandi tiegħu.—Ġwann 15:13, 14.

18. Liema ħsieb eċċitanti għandna nżommu f’moħħna, speċjalment matul żminijiet taʼ stress jew periklu?

18 Li tagħmel dak li jikkmanda Ġesù m’huwiex iebes daqs kemm jistaʼ jidher. Żgħażagħ, hu qiegħed hemm għalikom u għal kulħadd, bħalma naqraw f’​Mattew 11:28-30: “Ejjew għandi, intom ilkoll li qegħdin taħdmu iebes u mgħobbijin wisq, u jien se nirrifreskakom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom [jew, “Idħlu taħt il-​madmad tiegħi miegħi,” nota taʼ taħt] u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli fil-​qalb, u intom se ssibu rifreskar għal erwieħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħanin u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” Immaġina ftit, hekk kif timxi fil-​ħajja taqdi lil Jehovah, Ġesù qed jimxi maʼ ġenbek, billi jagħmel il-​madmad ħanin u t-​tagħbija ħafifa. Dak huwa ħsieb eċċitanti għalina lkoll!

19. Liema mistoqsijiet dwar il-​modi taʼ tagħlim taʼ Ġesù għandna nirrevedu minn żmien għal żmien?

19 Wara li rrevedejna biss ftit mill-​modi kif Ġesù għallem, insibu aħna li ngħallmu bħalma għallem hu? Meta naraw lil dawk li huma fiżikament morda jew spiritwalment bil-​ġuħ, nitqanqlu aħna bil-​ħniena biex nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinuhom? Meta nistruwixxu lil oħrajn, ngħallmu aħna l-​Kelma t’Alla, jew, bħall-​Fariżej, ngħallmu l-​ideat tagħna stess? Qegħdin aħna attenti biex naraw l-​affarijiet taʼ kuljum madwarna li jistgħu jintużaw biex niċċaraw, nagħtu stampa, nifformaw sod, u nsebbħu l-​fehma taʼ veritajiet spiritwali? Nevitaw aħna li nżommu b’mod riġidu maʼ ċerti regoli meta, minħabba ċ-​ċirkostanzi, l-​imħabba u l-​ħniena jiġu espressi b’mod iktar xieraq billi nċedu fuq l-​applikar taʼ regoli bħal dawn? U xi ngħidu għat-​tfal? Nuruhom aħna l-​istess tħassib ġentili u qalb tajba bl-​imħabba bħal ma għamel Ġesù? Tinkuraġġixxi int lit-​tfal tiegħek biex jistudjaw bil-​mod kif kien jagħmel Ġesù bħala tifel? Se taġixxi int bis-​sodizza kif għamel Ġesù imma tkun lest li tilqaʼ mill-​qalb lil uħud nedmin, bil-​mod kif qroqqa tiġbor lill-​flieles tagħha taħt ġwenħajha?—Mattew 23:37.

20. B’liema ħsieb taʼ pjaċir jalla nfarrġu lilna nfusna hekk kif naqdu lil Alla tagħna?

20 Jekk nistinkaw biex nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħallmu bħalma għamel Ġesù, ċertament li hu jħallina ‘nidħlu taħt il-​madmad tiegħu miegħu.’—Mattew 11:28-30. (w94 10/15)

[Nota taʼ taħt]

a M’għandniex xi ngħidu, aħna għandna kull raġuni biex nemmnu li Ġesù kien juri stima xierqa lejn dawk akbar minnu, b’mod speċjali lejn dawk b’xagħarhom abjad u lejn il-​qassisin.—Qabbel Levitiku 19:32; Atti 23:2-5.

Tiftakar Int?

◻ Il-​folol għala ġrew wara Ġesù?

◻ Ġesù għala xi drabi ċeda fejn jidħlu xi regoli?

◻ X’nistgħu nitgħallmu mill-​mistoqsijiet taʼ Ġesù lill-​għalliema tat-​tempju?

◻ X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mir-​relazzjoni taʼ Ġesù mat-​tfal?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja