It-Twelid taʼ Ġesù—Kif Iġib il-Paċi
IT-TĦABBIRA taʼ “paċi . . . fost il-bnedmin taʼ rieda tajba” ma kinitx l-unika profezija marbuta mat-twelid taʼ Ġesù. Flimkien maʼ dak li ħabbru l-anġli lir-rgħajja mistagħġbin, xi messaġġiera mis-sema kienu għamlu tħabbir ispirat minn Alla dwar Ġesù, li kien għadu kemm twieled lil Marija u r-raġel tagħha Ġużeppi. Meta nikkunsidraw dawn il-messaġġi niġu megħjunin niksbu ħarsa iktar ċara dwar it-twelid taʼ Ġesù u nifhmu t-tifsir veru tal-wegħda anġelika taʼ paċi fost il-bnedmin.
Qabel it-twelid taʼ Ġesù, saħansitra qabel ma Marija ħarġet tqila, anġlu li l-Bibbja tidentifikah bħala Gabrijel, ġie jżur lil Marija. “Is-sliem għalik, int li ġejt favorita bil-kbir, Ġeħova miegħek” kienet it-tislima taʼ l-anġlu. Kif tistaʼ timmaġina, Marija kienet mifxula ferm b’dan u forsi xi ftit imbeżżgħa. X’setgħet tfisser tislima bħal din?
Gabrijel spjega: “Ara! Int tnissel f’ġufek u tiled iben, u ssemmih Ġesù. Dan ikun kbir u jissejjaħ Bin l-Iktar Għoli; u Alla Ġeħova jagħtih it-tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” Marija staqsiet kif dan setaʼ jseħħ ladarba hi, li kienet verġni, ma kienx qed ikollha x’taqsam sesswalment maʼ raġel. Gabrijel wieġeb li t-tarbija kellha tiġi mnissla permezz taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. Dan ma kellux ikun tifel ordinarju.—Luqa 1:28-35.
Sultan Imbassar
Il-kliem taʼ Gabrijel kellu jgħin lil Marija tifhem li l-iben li kellha tiled kien il-wieħed li tkellmu dwaru l-profeziji tal-qedem. Ir-rivelazzjoni li Ġeħova kellu jagħti lil iben Marija “t-tron taʼ David missieru” kellha ġġiegħel lilha—u tabilħaqq lil kwalunkwe persuna Lhudija familjari maʼ l-Iskrittura—taħseb dwar il-wegħda li Alla għamel lis-Sultan David taʼ Iżrael.
Permezz tal-profeta Natan, Ġeħova kien qal lil David: “Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqaʼ sħiħ għal dejjem.” (2 Samwel 7:4, 16) Ġeħova qal hekk rigward David: “Nagħmel li nislu jibqaʼ għal dejjem; it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema. Nislu għal dejjem jibqaʼ; it-tron tiegħu bħax-xemx quddiemi.” (Salm 89:21, 30, 36, 37 [89:20, 29, 35, 36, NW]) Għalhekk, ma kienx b’kumbinazzjoni li Marija kif ukoll Ġużeppi kienu ġejjin mil-linja taʼ David.
Dawn ma kinux l-uniċi profeziji fl-Iskrittura Ebrajka rigward iben irjali taʼ David. Marija kellha tkun familjari wkoll mal-profezija taʼ Isaija: “Tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: ‘Kunsillier taʼ l-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.’ Kbira tkun setegħtu, u s-sliem bla qjies fuq it-tron taʼ David u s-saltna tiegħu. Hu jwettaqha u jsaħħaħha bil-ħaqq u s-sewwa, minn issa u għal dejjem. Il-ħeġġa tal-Mulej taʼ l-eżerċti tagħmel dan.”—Isaija 9:5, 6 (9:6, 7, NW).
Għaldaqstant, il-messaġġ li Gabrijel ħabbar lil Marija kien ħafna iktar minn twelid mirakoluż taʼ tarbija tifel. Binha kellu jkun il-werriet irjali tas-Sultan David—il-werriet permanenti u għal dejjem taʼ Saltna stabbilita minn Alla. Il-profeziji taʼ Gabrijel rigward l-irwol futur taʼ Ġesù għandhom tifsir profond għalina lkoll.
Meta Ġużeppi sar jaf li dik li kienet se tkun martu kienet qed tistenna tarbija, hu ddeċieda li jħassar l-għerusija tagħhom. Hu kien jaf li t-tarbija ma kinitx minn tiegħu għaliex hu u l-għarusa tiegħu qatt ma kellhom relazzjonijiet sesswali. Tistaʼ timmaġina kemm kien diffiċli għal Ġużeppi biex jemmen l-ispjegazzjoni taʼ Marija dwar it-tqala tagħha. Ir-rakkont taʼ l-Evanġelju jgħid: “L-anġlu taʼ Ġeħova deherlu f’ħolma, u qallu: ‘Ġużeppi, bin David, tibżax tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha hu mill-ispirtu qaddis. Hi tiled iben, u int issemmih Ġesù, għax hu jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom.’”—Mattew 1:20, 21.
Il-Bibbja ma tgħidx sa liema punt Ġużeppi fehem kif it-tifel kellu “jsalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Xorta waħda, dan il-messaġġ kien biżżejjed biex jiżgura lil Ġużeppi li l-omm li kienet qed tistenna tarbija ma kinitx ħatja taʼ xi għemil ħażin. Hu għamel kif qallu l-anġlu u ħa lil Marija d-dar, att li kien ekwivalenti għat-tieġ.
Bl-għajnuna taʼ l-informazzjoni li nsibu band’oħra fl-Iskrittura, aħna nistgħu nifhmu x’ried ifisser l-anġlu. Kmieni fl-istorja umana, anġlu ribelluż sfida s-sovranità taʼ Ġeħova. L-Iskrittura Ebrajka turi li dan ir-ribell stqarr, fost affarijiet oħrajn, li l-mod kif jaħkem Alla ma kienx ġust u li ebda bniedem ma jistaʼ jżomm integrità lejn Ġeħova meta jiffaċċja l-provi. (Ġenesi 3:2-5; Ġob 1:6-12) Per eżempju, Adam kien wieħed li ma żammx l-integrità tiegħu. B’riżultat tad-dnub tiegħu, il-bnedmin kollha jirtu d-dnub, u r-riżultat taʼ dan id-dnub huwa l-mewt. (Rumani 5:12; 6:23) Madankollu, Ġesù twieled bla dnub minħabba li t-tnissil tiegħu ma sarx permezz taʼ missier uman. Billi ċeda l-ħajja umana perfetta tiegħu bħala fidwa li tikkorrispondi bl-eżatt għal dak li tilef Adam, Ġesù setaʼ jsalva l-bnedmin minn dnubiethom u joffrilhom il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—1 Timotju 2:3-6; Titu 3:6, 7; 1 Ġwanni 2:25.
Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù wera bil-quddiem x’kienet se tfisser it-tneħħija taʼ l-effetti tad-dnub. Hu ħeles lin-nies minn kull mard fiżiku u reġaʼ ta l-ħajja lill-mejtin. (Mattew 4:23; Ġwanni 11:1-44) Dawn il-mirakli kienu dell taʼ dak li se jagħmel fil-futur. Ġesù nnifsu qal: “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29.
Din il-wegħda taʼ rxoxt fil-futur tispjega għala t-twelid—u b’mod speċjali l-mewt—taʼ Ġesù huma taʼ importanza kbira ferm għalina. Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja “biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu,” jgħid Ġwanni 3:17. Din l-aħbar taʼ l-għaġeb tfakkarna fit-tħabbira li saret lir-rgħajja li kienu qed jirgħu l-imrieħel tagħhom fil-lejl li fih twieled Ġesù.
“Aħbar Tajba taʼ Ferħ Kbir”
Tabilħaqq, kienet “aħbar tajba taʼ ferħ kbir” għall-umanità meta l-anġli ħabbru t-twelid taʼ “Salvatur li hu Kristu l-Mulej.” (Luqa 2:10, 11) Dan it-tifel kellu jkun il-Messija, il-Profeta u l-Ħakkiem il-kbir li l-poplu t’Alla kien ilu jistenna. (Dewteronomju 18:18; Mikea 5:1 [5:2, NW]) Il-ħajja u l-mewt tiegħu fuq l-art kellu jkollhom sehem vitali fl-ivvindikar tas-sovranità universali taʼ Ġeħova, sabiex l-anġli setgħu jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla postijiet tas-smewwiet.”—Luqa 2:14.
Ġesù, li l-Bibbja ssejjaħlu “l-aħħar Adam,” wera li huwa possibbli li bniedem ikun leali lejn Ġeħova saħansitra meta jiffaċċja l-iktar provi ħorox. (1 Korintin 15:45) Għalhekk, hu ħareġ lil Satana taʼ giddieb mill-agħar. Din kienet raġuni biex l-anġli leali fis-sema jifirħu.
Madankollu, ejjew immorru lura għall-mistoqsija, “Teżisti xi tama realistika li t-tħabbira anġelika fil-lejl tat-twelid taʼ Ġesù xi darba se titwettaq?” It-tweġiba ċertament li hija iva! Il-paċi hija l-kundizzjoni essenzjali fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla għall-art, li jinkludi r-restawrazzjoni tal-kundizzjonijiet taʼ ġenna taʼ l-art. Meta dan jitwettaq mad-dinja kollha, in-nies kollha se jkunu mqanqlin mill-imħabba u l-lealtà. Għalhekk, it-twettiq taʼ l-iskop taʼ Ġeħova jfisser ukoll it-tneħħija taʼ kull reżistenza għas-sovranità tiegħu. Din m’hijiex aħbar tajba għal dawk li jappoġġaw lil Satana f’li jsostni li l-livelli taʼ Ġeħova m’humiex tajbin. Għalihom, din se tkun tfisser qerda.—Salm 37:11; Proverbji 2:21, 22.
Innota li l-anġli ma qalux lir-rgħajja li l-bnedmin kollha se jkollhom il-paċi u r-rieda tajba. Minflok, huma ħabbru “paċi . . . fost il-bnedmin taʼ rieda tajba.” Dan jirreferi għal dawk approvati minn Alla u li għandhom ir-rieda tajba tiegħu. Dawk li jesprimu fidi vera f’Ġeħova jsiru wħud li jimitaw u jimxu lealment wara Ġesù. Irġiel u nisa bħal dawn huma lesti li juru ġenerożità u empatija m’oħrajn, mhux biss għal ftit ġranet fis-sena, iżda kuljum.
Spirtu Kristjan Matul is-Sena Kollha?
Il-qawwa taʼ l-aħbar tajba li ppriedka Ġesù effettwat il-ħajjiet taʼ numru bla għadd taʼ nies. Ħafna adottaw prinċipji Kristjani f’kull aspett taʼ ħajjithom. Nies li xi darba kienu jaħsbu biss fihom infushom bdew jistaqsu x’setaʼ għamel Ġesù kieku kien fis-sitwazzjoni tagħhom. Xi wħud li ffokaw ħajjithom fuq il-materjaliżmu u l-pjaċiri bdew jagħrfu l-importanza tal-valuri spiritwali u li jaqsmuhom mal-proxxmu tagħhom. Nies li jagħmlu dan jistinkaw biex juru ġenerożità u qalb tajba matul is-sena kollha. Mhux hekk tistenna mill-Kristjani veri?
Kieku l-individwi sinċieri kollha jieqfu ftit biex jaħsbu x’hemm wara l-messaġġ anġeliku taʼ paċi u jaġixxu fi qbil maʼ dan it-tħassib, id-dinja kieku żgur li tkun ħafna aħjar.
Il-profeziji rigward it-twelid taʼ Ġesù jassiguraw lil dawk li għandhom ir-rieda tajba t’Alla li huma jistgħu jgawdu paċi vera għal dejjem. M’huwiex dan li tixtieq int? Aħna nistgħu nkunu ċerti li t-tħabbira glorjuża u profetika taʼ paċi li saret mill-anġli fit-twelid taʼ Ġesù se titwettaq bla dubju. Minflok kliem bla sinifikat taʼ żmien il-Milied, il-paċi ċertament li se ssir realtà dejjiema.
[Stampi f’paġna 7]
Spirtu Kristjan jistaʼ u għandu jintwera matul is-sena kollha