LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 9/15 pp. 4-6
  • Il-Ġeografija tal-Bibbja Hi Eżatta?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ġeografija tal-Bibbja Hi Eżatta?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Eżodu
  • Ix-​Xagħri tas-​Sinaj
  • L-​Art Imwiegħda
  • Il-​Wied taʼ Ġiżragħel
  • Xi Skoprew f’Ġeżragħel?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Ibqaʼ fil-“wied tal-muntanji”
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2017
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 9/15 pp. 4-6

Il-Ġeografija tal-Bibbja Hi Eżatta?

IX-​XEMX għadha kif niżlet fil-​Palestina. Is-​sena hija l-​1799. Wara ġurnata sħiħa taʼ immarċjar fis-​sħana, l-​Armata Franċiża waqfet tikkampja, u Napuljun, il-​kmandant ewlieni, qiegħed jistrieħ fit-​tinda tiegħu. Fid-​dawl inemnem tax-​xema, wieħed mill-​qaddejja tiegħu qiegħed jaqra b’leħen għoli minn Bibbja bil-​Franċiż.

Milli jidher dan ġara spiss matul il-​kampanja militari taʼ Napuljun fil-​Palestina. “Meta kkampjajna fir-​rovini taʼ dawk l-​ibliet antiki,” hu ftakar iktar tard fil-​kitbiet tiegħu, “kienu jaqraw l-​Iskrittura b’leħen għoli kull fil-​għaxija . . . Ix-​xebh u l-​verità tad-​deskrizzjonijiet kienu impressjonanti: għadhom jaqblu maʼ dan il-​pajjiż wara tant sekli u bidliet.”

Tabilħaqq, dawk li jivvjaġġaw lejn il-​Lvant Nofsani jsibuha faċli li jqabblu ġrajjiet Bibliċi maʼ veduti tal-​ġurnata tal-​lum. Qabel ma l-​Armata Franċiża kkonkwistat lill-​Eġittu, ftit li xejn kien magħruf mill-​barranin dwar dik l-​art antika. Imbagħad xjenzati u studjużi, li lilhom Napuljun kien ġab fl-​Eġittu, bdew jikxfu għad-​dinja d-​dettalji tal-​kobor taʼ qabel tal-​Eġittu. Dan għamilha iktar faċli biex wieħed iġib quddiem għajnejh il-​“jasar iebes” li l-​Iżraeliti kellhom darba jgħaddu minnu.

—Eżodu 1:​13, 14.

Fil-lejl tal-​ħelsien tagħhom mill-​Eġittu, l-​Iżraeliti nġabru f’Rameses u mbagħad immarċjaw lejn “ix-​xifer tax-​xagħri.” (Eżodu 12:37; 13:20) F’dan il-​punt, Alla kkmandahom biex ‘iduru lura’ u ‘jikkampjaw ħdejn il-​baħar.’ Din il-​manuvra stramba ġiet interpretata bħala ‘ġiri ’l hawn u ’l hinn b’konfużjoni,’ u s-​sultan tal-​Eġittu ħareġ bl-​armata tiegħu u 600 karru tal-​gwerra biex jerġaʼ jaqbad lill-​irsiera taʼ qabel tiegħu.—Eżodu 14:​1-9.

L-​Eżodu

Skond Josefus, kittieb tal-​istorja tal-​ewwel seklu E.K., l-​armata Eġizzjana ġriet wara l-​Iżraeliti u għalquhom “f’post dejjaq” u nasbuhom “bejn preċipizzji li ma jintlaħqux u l-​baħar.” Il-​post eżatt fejn l-​Iżraeliti qasmu l-​Baħar l-​Aħmar m’huwiex magħruf b’ċertezza llum. Madankollu, huwa faċli li ġġib quddiem għajnejk il-​ġrajja mill-​quċċata taʼ grupp taʼ muntanji li jħarsu lejn in-​naħa tat-​Tramuntana tal-​Baħar l-​Aħmar. Huwa taʼ interess li l-​muntanja tissejjaħ Jebel ‛Ataqah, li tfisser “Muntanja taʼ Ħelsien.” Bejn dan il-​grupp taʼ muntanji u l-​Baħar l-​Aħmar hemm pjanura ċkejkna li tibda tidjieq sal-​punt fejn il-​għoljiet taʼ taħt joħorġu kważi għal ġol-​baħar. Faċċata tal-​Baħar l-​Aħmar hemm oasi, b’ħafna għejjun tal-​ilma, imsejjaħ ‛Ajun Musa’, li tfisser “l-​ibjar taʼ Mosè.” Qiegħ il-​baħar f’dawn iż-​żewġ postijiet jinżel verament bil-​mod il-​mod, fil-​waqt li f’postijiet oħrajn isir fond minnufih għal għoli taʼ bejn 30 u 60 pied.

Teoloġi tal-​Kristjaneżmu li m’għandhom ebda fidi pprovaw ixejnu l-​miraklu li Alla wettaq meta fired l-​ilmijiet tal-​Baħar l-​Aħmar u għamilha possibbli għall-​Iżraeliti li jaħarbu fuq art niexfa. Huma jallokaw il-​ġrajja għal għadira baxxa kollha tajn jew marsa fit-​Tramuntana tal-​Baħar l-​Aħmar. Imma dak ma jaqbilx maʼ dak li hemm fil-​Bibbja, li tistqarr b’mod ripetut li l-​qasma saret fil-​Baħar l-​Aħmar f’post fejn kien hemm biżżejjed ilma biex igħarraq lil Farawni u lill-​armata kollha tiegħu, iva, biex jiblagħhom.—Eżodu 14:​26-31; Salm 136:​13-15; Ebrej 11:29.

Ix-​Xagħri tas-​Sinaj

Il-​kundizzjonijiet ħorox misjubin fil-​Penisula tas-​Sinaj jingħataw stampa ħajja tagħhom fir-​rakkont tal-​Bibbja dwar il-​ġiri ’l hawn u ’l hinn taʼ Iżrael. (Dewteronomju 8:15) Mela, setaʼ ġens sħiħ jinġabar f’tarf il-​Muntanja Sinaj biex jirċievi l-​Liġi t’Alla u mbagħad iktar tard jieqaf “fil-​bogħod”? (Eżodu 19:​1, 2; 20:18) Hemm xi post kbir biżżejjed biex ikun jistaʼ jsir ċaqliq bħal dan taʼ folla li hija stmata li kienet tgħodd tliet miljuni?

Arthur Stanley, studjuż tal-​Bibbja tas-​seklu 19 li kien jivvjaġġa, żar l-​inħawi tal-​Muntanja Sinaj u ddeskriva x-​xena li tfaċċat quddiem il-​grupp tiegħu meta telgħu fuq Ras Safsafa: “L-​effett fuqna, bħal fuq kulmin raha u ddesrivieha, kien istantanju. . . . Hawn kienet il-​pjanura safranija fonda u wiesaʼ nieżla lejn qiegħ il-​għoljiet . . . Meta tikkunsidra li kważi m’hemm lanqas passaġġ wieħed li jgħaqqad bejn il-​muntanja u l-​pjanura f’dan ir-​reġjun, hija tassew evidenza importanti għall-​verità tar-​rakkont, li jistaʼ jinstab passaġġ wieħed li jgħaqqad bħal dan, u fuq kollox fl-​inħawi tas-​Sinaj tradizzjonali.”

L-​Art Imwiegħda

Fis-​sena 40 tal-​ġiri ’l hawn u ’l hinn taʼ Iżrael fix-​xagħri, Mosè ta din id-​deskrizzjoni tal-​karatteristiċi tal-​art li kienu waslu biex jidħlu fiha: “Jehovah Alla tagħkom qiegħed iġibkom f’art tajba, art taʼ widien bil-​kurrent tal-​ilma, għejjun u abbissi tal-​ilma li qegħdin isorġu fil-​pjanura tal-​wied u fir-​reġjun muntanjuż.”—Dewteronomju 8:7.

L-eżattezza taʼ din il-​wegħda malajr ġiet esperjenzata meta l-​ġens kollu kemm hu nġabar flimkien—irġiel, nisa, ċkejknin, u barranin—fil-wied imsoqqi tajjeb taʼ Xekem bejn il-​Muntanja Ebal u l-​Muntanja Geriżim. Ħdejn il-​bażi tal-​Muntanja Geriżim kien hemm weqfin sitt tribujiet. Is-​sitt tribujiet l-​oħrajn inġabru fin-​naħa l-​oħra tal-​wied ħdejn il-​bażi tal-​Muntanja Ebal biex jisimgħu l-​barkiet divini li l-​ġens kellu jgawdi jekk jobdu l-​Liġi taʼ Jehovah u s-​saħtiet li kellhom jiġu jekk huma jonqsu li jżommu l-​Liġi t’Alla. (Ġożwè 8:33-35) Imma kien hemm spazju biżżejjed biex il-​ġens joqgħod f’dan il-​wied dejjaq? U kif ilkoll kemm huma semgħu mingħajr tagħmir modern taʼ amplifikazzjoni?

Alla Jehovah setaʼ b’mod mirakoluż iqawwi l-​vuċijiet tal-​Leviti. Madankollu, miraklu bħal dan ma jidhirx li kien meħtieġ. F’dan il-​wied kull ħoss jinstemaʼ b’mod eċċellenti. “Il-​vjaġġaturi kollha,” kiteb l-​istudjuż tal-​Bibbja tas-​seklu 19 Alfred Edersheim, “jaqblu fuq żewġ punti: 1. Li ma setaʼ kien hemm ebda diffikulta f’li wieħed jismaʼ b’mod ċar kemm minn Ebal u kemm minn Geriżim kulma ġie mitkellem fil-​wied. 2. Li dawn iż-​żewġ muntanji kellhom biżżejjed post fejn joqgħod bil-​wieqfa Iżrael kollu.”

Studjuż tal-​Bibbja ieħor tas-​seklu 19, William Thomson, iddeskriva l-​esperjenza tiegħu f’dak il-​wied fil-​ktieb tiegħu The Land and the Book: “Jien għajjatt biex nismaʼ l-​eku, u mbagħad immaġinajt kif bil-​fors li kien meta l-​Leviti b’leħen għoli pproklamaw . . . ‘Misħut ikun ir-​raġel li jagħmel xi immaġni skolpita, ħaġa moqżieża għal Jehovah.’ U mbagħad l-​AMEN! tremenda għaxar darbiet iktar qawwija, mill-​kongregazzjoni setgħana, togħla, u tikber, u titfaʼ l-​eku mill-​ġdid minn Ebal għal Geriżim, u minn Geriżim għal Ebal.”—Qabbel Dewteronomju 27:​11-15.

Il-​Wied taʼ Ġiżragħel

Lejn it-​Tramuntana taʼ Xekem jinsab wied fertili ieħor, wieħed li jibqaʼ tielaʼ minn taħt il-​livell tal-​baħar u jiftaħ fi pjanura vasta. Dan ir-​reġjun kollu kemm hu huwa msejjaħ il-​Wied taʼ Ġiżragħel, imsejjaħ għall-​belt taʼ Ġiżragħel. Lejn it-​Tramuntana tal-​wied hemm il-​għoljiet tal-​Galilija fejn kien hemm Nazzaret, pajjiż Ġesù. “Nazzaret,” jispjega George Smith fil-​ktieb tiegħu The Historical Geography of the Holy Land, “qiegħda f’ħofra bejn il-​għoljiet; imma eżatt kif titlaʼ f’xifer din il-​ħofra, . . . x’veduta tara! [Il-Wied taʼ Ġiżragħel] jinsab mifrux quddiemek, bil-​ . . . kampijiet tal-​battalja tiegħu . . . Hija mappa tal-​istorja tat-​Testment il-​Qadim.”

F’din il-​pjanura fil-​wied, xi arkeoloġi ħaffru fir-​rovini tas-​saltniet tal-​ibliet ikkonkwistati minn Iżrael fi żmien Ġożwè, jiġifieri, Taanak, Megiddo, Ġokneam, u possibilment Kedex. (Ġożwè 12:​7, 21, 22) F’dan l-​istess reġjun, fi żmien l-​Imħallef Barak u l-​Imħallef Gidjon, Jehovah b’mod mirakoluż ħeles lill-​poplu tiegħu minn ġnus għedewwa li kienu potenti ferm.—Mħallfin 5:​1, 19-21; 6:33; 7:22.

Sekli wara, is-​Sultan Ġeħu telaʼ riekeb il-​wied sal-​belt taʼ Ġiżragħel biex jesegwixxi l-​ħaqq taʼ Jehovah fuq Ġeżabel u d-​dar apostata taʼ Aħab. Mit-​torri tal-​għassa f’Ġiżragħel, kien ikun faċli biex wieħed jara lejn il-Lvant il-​wasla tat-​truppi taʼ Ġeħu għal distanza taʼ 12-il mil. B’hekk, kien ikun hemm żmien biżżejjed għas-​Sultan Ġeħoram biex jibgħat l-​ewwel messaġġier imbagħad warajh it-​tieni wieħed rekbin fuq żiemel u, fl-​aħħar, għas-​slaten Ġeħoram taʼ Iżrael u Aħażija taʼ Ġuda biex jarmaw il-​karrijiet tagħhom u jiltaqgħu maʼ Ġeħu qabel ma wasal fil-​belt taʼ Ġiżragħel. Ġeħu fil-​pront qatel lil Ġeħoram. Aħażija ħarab imma iktar tard ġie ferut, u miet f’Megiddo. (2 Slaten 9:​16-27) Rigward postijiet tal-​battalja bħal dan t’hawn fuq, George Smith jikteb: “Veru jolqtok li fl-​ebda wieħed mir-​rakkonti . . . m’hemm xi impossibiltà ġeografika.”

Bla dubju Ġesù taʼ spiss ħares ’l isfel lejn il-​Wied taʼ Ġiżragħel u mmedita fuq ir-​rebħiet tal-​għaġeb li kienu seħħew hemm, billi kien jaf li hu, il-​Messija mwiegħed, kien iddestinat li jwettaq l-​irwol taʼ Ġożwè Akbar, Barak Akbar, Gidjon Akbar, u Ġeħu Akbar fl-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah. Tabilħaqq, il-​Bibbja tuża lil Megiddo, l-​iktar belt strateġika f’din il-​pjanura fil-​wied, bħala simbolu tal-​lok tal-​gwerra t’Alla taʼ Ħar-Magedon (li tfisser “il-​Muntanja taʼ Megiddo”). Din se tkun battalja mal-​art kollha li fiha Ġesù Kristu, bħala Sultan tas-​slaten, se jeqred lill-​għedewwa kollha t’Alla u tal-​kongregazzjoni Kristjana, il-​poplu veru t’Alla.—Rivelazzjoni 16:16; 17:14.

Il-Bibbja tirrakkonta li Lhud irrabjati minn Nazzaret darba pprovaw joqtlu lil Ġesù billi jwaddbuh minn “xifer il-​muntanja li fuqha l-​belt tagħhom kienet ġiet mibnija.” (Luqa 4:29) Huwa interessanti li lejn il-​Lbiċ tal-​belt moderna taʼ Nazzaret hemm għolja taʼ 40 pied fejn jistaʼ jkun li seħħ dan l-​inċident. Ġesù ħarab mill-​għedewwa tiegħu, u l-​Bibbja żżid li “niżel ’l isfel lejn Kapernahum.” (Luqa 4:​30, 31) Tabilħaqq, Kapernahum, fuq il-​Baħar tal-​Galilija, hija bil-​wisq iktar baxxa.

Dawn u ħafna dettalji oħrajn ikkaġunaw lil oħrajn minbarra lil Napuljun biex jesprimu stagħġib dwar l-​eżattezza tal-​ġeografija tal-​Bibbja. “Ir-​referenzi [tal-Bibbja] għat-​topografija huma numerużi ferm, u sodisfaċenti għalkollox,” kiteb Thomson f’The Land and the Book. “Huwa impossibbli li ma tiġix impressjonat mill-​qbil kostanti bejn l-​istorja miktuba u l-​ġeografija naturali kemm fit-​Testment il-​Qadim u kemm fil-​Ġdid,” jikkummenta Stanley f’Sinai and Palestine.

L-eżattezza tal-​għaġeb tal-​Bibbja rigward kwistjonijiet ġeografiċi hija biss evidenza waħda li m’hijiex ktieb li sempliċement oriġina mill-​bniedem. It-​tliet ħarġiet taʼ qabel tat-​Torri tal-​Għassa kellhom artikli relatati fuq il-​Bibbja. Nistednuk biex takkwista u tieħu pjaċir bit-​tliet partijiet l-​oħra f’din is-​serje.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja