Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex ‘jisilfu mingħajr imgħax, bla ma jittamaw li jirċievu xi ħaġa lura,’ ried hu jfisser li lanqas biss kellhom jitolbu lura s-somma oriġinali?
Nistgħu nifhmu aħjar il-kliem taʼ Ġesù dokumentat f’Luqa 6:35 billi nżommu f’moħħna l-Liġi Mosajka. Hemmhekk, Alla kkmanda lill-Iżraelin biex jisilfu mingħajr imgħax lil Iżraelin sħabhom li kienu jsibu ruħhom fi kriżi finanzjarja u kellhom bżonn l-għajnuna. (Eżodu 22:24 [22:25, NW]; Levitiku 25:35-37; Mattew 5:42) Dan is-self ma kienx għal skop kummerċjali, xi biċċa negozju. Minflok, dan it-tip taʼ self mingħajr imgħax kien biex itaffi l-faqar jew l-isfortuna. Wara kollox, ma tkunx imħabba li xi ħadd jipprofitta ruħu mill-problemi finanzjarji tal-ġâr tiegħu. Xorta waħda, min kien jislef kellu d-dritt li jitlob lura s-somma oriġinali, u xi drabi kien jieħu xi ħaġa bħala garanzija, jew pleġġ, fuq is-self.—Dewteronomju 15:7, 8, NW.
Filwaqt li appoġġa l-Liġi, Ġesù kompla jżid iktar dwar kif tistaʼ tiġi applikata, u qal li min jagħti l-għajnuna m’għandux jittama li ‘jirċievi xi ħaġa lura.’ Bħall-Iżraelin, il-Kristjani kultant ikollhom problemi finanzjarji jew ċirkustanzi oħrajn li jistgħu jfaqqruhom, tant li saħansitra ma jkollhomx in-neċessitajiet tal-ħajja. Jekk ħu Kristjan li jinsab f’qagħda mwiegħra bħal din jitlob għajnuna finanzjarja, ma jkunx att taʼ qalb tajba li ngħinuh? Tabilħaqq, l-imħabba ġenwina għandha tqanqal lil Kristjan biex ikun jixtieq jgħin lil xi ħu li mingħajr ma jaħti jsib ruħu f’diffikultà finanzjarja serja. (Proverbji 3:27) Forsi jkun possibbli li dan il-ħu fil-bżonn jingħata rigal, avolja l-ammont jistaʼ jkun inqas mis-somma li jkollu bżonn jissellef.—Salm 37:21.
Fl-ewwel seklu E.K., l-appostli Pawlu u Barnaba ntbagħtu bid-donazzjonijiet li l-Kristjani fl-Asja Minuri kienu ġabru għal ħuthom fil-Lhudija li kienu qed ibatu l-ġuħ. (Atti 11:28-30) Bl-istess mod illum, meta jseħħ xi diżastru, il-Kristjani spiss jibagħtu għotjiet lil ħuthom fil-bżonn. Bis-saħħa taʼ dan, huma jagħtu wkoll xiehda tajba lil ħaddieħor. (Mattew 5:16) M’għandniex xi ngħidu, irridu nqisu x’inhi l-attitudni u s-sitwazzjoni tal-wieħed li qed jitlob l-għajnuna. Għala jinsab fil-bżonn? Taʼ min jinnota l-kliem li qal Pawlu: “Min ma jridx jaħdem, ma jikolx.”—2 Tessalonikin 3:10.
Jekk il-ħu li qed jitlob self ma jinsabx dahru mal-ħajt imma jixtieq biss ftit għajnuna temporanja sakemm jerġaʼ jqum fuq saqajh wara xi problema finanzjarja, jistaʼ jkun xieraq li nisilfuh mingħajr imgħax. F’ċirkustanzi bħal dawn, li wieħed jislef bil-ħsieb li jerġaʼ jiġbor flusu ma jkunx qed imur kontra l-kliem taʼ Ġesù misjub f’Luqa 6:35. Għandu jsir ftehim bil-miktub, u min jirċievi s-self għandu jagħmel kull sforz biex iħallas id-dejn skond il-ftehim li jkun sar. Tabilħaqq, l-imħabba Kristjana għandha tqanqal lil min jissellef biex iħallas lura d-dejn, l-istess kif din qanqlet lill-individwu l-ieħor biex jisilfu.
Min qed jaħsibha biex jislef (jew jagħti rigal) irid ukoll jeżamina s-sitwazzjoni tal-familja tiegħu stess. Per eżempju, ikun hu qiegħed jipperikola l-abbiltà li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-familja tiegħu, li skond l-Iskrittura hija prijorità? (2 Korintin 8:12; 1 Timotju 5:8) Xorta waħda, il-Kristjani jfittxu opportunitajiet kif juru mħabba lejn xulxin, u jesprimu din l-imħabba b’modi prattiċi u li huma fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja.—Ġakbu 1:27; 1 Ġwanni 3:18; 4:7-11.