Minn Kliem Imlissen għal Kitbiet Sagri—Il-Kitba u l-Kristjani tal-Bidu
ĠENERAZZJONIJIET taʼ kredenti li ma jingħaddux qattgħu ħafna ħin jaqraw, jistudjaw, u janalizzaw xi wħud mill-iktar kitbiet famużi li qatt saru—dawk tat-Testment il-Ġdid, bħalma spiss tissejjaħ l-Iskrittura Griega Kristjana. Dawn il-kitbiet, flimkien mal-bqija tal-Bibbja, influwenzaw ħafna d-dinja tagħna, fasslu l-morali u l-etika, u ispiraw lil dawk li jiktbu l-letteratura u joħolqu l-arti. Fuq kollox, dawn għenu lil miljuni taʼ nies—forsi anki lilek—biex jieħdu għarfien eżatt dwar Alla u Ġesù.—Ġwanni 17:3.
L-Evanġelji, kif ukoll il-bqija taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana, ma nkitbux eżatt wara l-mewt taʼ Ġesù. Milli jidher, Mattew kiteb l-Evanġelju tiegħu madwar 7 jew 8 snin wara l-mewt taʼ Ġesù, u Ġwanni kiteb tiegħu madwar 65 sena wara. Kif setgħu jiktbu b’eżattezza perfetta l-kliem u l-għemejjel taʼ Ġesù? Bla dubju, l-ispirtu qaddis t’Alla ggwidahom. (Ġwanni 14:16, 26) Imma, it-tagħlim taʼ Ġesù kif ġie mwassal bir-reqqa, u eventwalment sar parti mill-Iskrittura Sagra?
“Prattikament Illetterati”?
Matul is-seklu li għadda, xi wħud spekulaw li d-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù x’aktarx li ma kinux niżżlu bil-miktub it-tagħlim u l-għemejjel taʼ Ġesù imma li huma għaddewhom bil-fomm. Per eżempju, wieħed studjuż qal: “Kien hemm perijodu t’għaxriet taʼ snin bejn il-ministeru pubbliku taʼ Ġesù u l-kitba taʼ kliemu mill-awturi taʼ l-Evanġelji. Matul dan iż-żmien dak li kienu jafu dwar Ġesù ġie mgħoddi bil-fomm.” Xi riċerkaturi saħansitra jargumentaw li d-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù “kienu prattikament illetterati.”a Iktar minn hekk, dawn jgħidu li matul l-għaxriet taʼ snin li l-għarfien dwar Ġesù ġie mgħoddi bil-fomm, ir-rakkonti tal-ministeru taʼ Ġesù ġew spjegati iktar, personalizzati, jew elaborati. Huma jsostnu li r-riżultat kien differenti ħafna mir-rakkont eżatt tal-ġrajjiet.
Teorija oħra li qablu magħha xi studjużi hi li d-dixxipli Lhud li kienu qrib taʼ Ġesù probabbilment segwew il-metodu taʼ tagħlim rabbiniku—metodu taʼ ripetizzjoni biex jiftakru—li kkontribwixxa biex l-informazzjoni tiġi trasmessa bil-fomm b’mod eżatt. Kienu d-dixxipli joqogħdu biss fuq il-kelma tal-fomm? Jew kemm kienet użata l-kitba biex tippreserva r-rakkont tal-ministeru taʼ Ġesù? Waqt li ma nistgħux inkunu assolutament ċerti, huwa possibbli li ntużat il-kitba.
Il-Kitba Kienet Komuni
Fl-ewwel seklu, nies taʼ kull xorta kienu jafu jiktbu u jaqraw. Fuq dan il-punt, Alan Millard, professur taʼ l-Ebrajk u tal-lingwi Semitiċi tal-qedem, osserva: “Kien komuni li n-nies jiktbu bil-Grieg, bl-Aramajk, u bl-Ebrajk u kont issibhom f’kull livell tas-soċjetà.” Hu żied: “Dan kien l-ambjent li fih ħadem Ġesù.”
Rigward l-istqarrija li l-kitbiet taʼ l-Evanġelju “ġew miktubin f’soċjetà illetterata għalkollox,” il-Professur Millard kiteb: “Dan m’huwiex probabbli għax in-nies kullimkien kienu familjari mal-kitba . . . Għalhekk, ġeneralment kien hemm nies preżenti li setgħu jiktbu dak li semgħu, sew jekk għall-użu tagħhom stess u sew jekk biex jinformaw lil oħrajn.”
Milli jidher, twavel miksijin bix-xamaʼ setgħu jinkisbu faċilment u setgħu jintużaw biex titniżżel l-informazzjoni. Eżempju taʼ dan insibuh fl-ewwel kapitlu taʼ Luqa. Żakkarija, li għal xi żmien kien tilef l-abbiltà li jitkellem, ġie mistoqsi x’isem ried li ibnu jingħata. Vers 63 jgħid: “Talabhom [milli jidher bil-ġesti] fuqiex jikteb [“tavla,” KŻ] u kiteb: ‘Ismu hu Ġwanni.’” Id-dizzjunarji tal-Bibbja jispjegaw li l-kelma “tavla” setgħet tirreferi għal biċċa injama li jiktbu fuqha u li probabbilment kienet miksija bix-xamaʼ. Xi ħadd preżenti setaʼ kellu miegħu tavla tal-kitba disponibbli faċilment għal Żakkarija biex jikteb fuqha.
Eżempju ieħor juri li b’mod ċar it-twavel tal-kitba u l-użu tagħhom kienu magħrufin f’dak iż-żmien. Fil-ktieb taʼ l-Atti naqraw li Pietru kien qed ikellem lil folla fl-inħawi tat-tempju u ħeġġiġhom: “Indmu . . . sabiex dnubietkom jitħassrulkom.” (Atti 3:11, 19) L-espressjoni “jitħassrulkom” ġejja mill-verb Grieg li jfisser “teqred, tħassar.” The New International Dictionary of New Testament Theology jispjega: “L-idea espressa hawnhekk minn dan il-verb u anki forsi f’każi oħrajn x’aktarx hi li tillixxa l-wiċċ tat-tavla tal-kitba miksija bix-xamaʼ biex tintuża mill-ġdid.”
Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelji juru wkoll li s-segwaċi u l-udjenzi taʼ Ġesù inkludew nies li x’aktarx kienu jużaw il-kitba fix-xogħol tagħhom taʼ kuljum. Per eżempju, kien hemm Mattew u Żakkew, il-kolletturi tat-taxxa (Mattew 9:9; Luqa 19:2); uffiċjal tas-sinagoga (Marku 5:22); fizzjal taʼ l-armata (Mattew 8:5); Ġwanna, il-mara t’uffiċjal għoli taħt Erodi Antipa (Luqa 8:3); kif ukoll, skribi, Fariżej, Sadduċej, u membri tas-Sinedriju. (Mattew 21:23, 45; 22:23; 26:59) Bla dubju, ħafna mill-appostli u mid-dixxipli taʼ Ġesù—jekk mhux kollha—kienu kapaċi jiktbu.
Studenti, Għalliema, u Kittieba
Biex id-dixxipli jkunu għalliema Kristjani, minbarra li kellhom bżonn ikunu jafu x’qal u x’għamel Ġesù kellhom jifhmu wkoll kif il-Liġi u l-profeziji fl-Iskrittura Ebrajka applikaw għal Kristu. (Atti 18:5) Taʼ interess, Luqa kiteb dwar laqgħa waħda li Ġesù kellu maʼ xi wħud mid-dixxipli tiegħu ftit wara li ġie rxoxtat. X’għamel Ġesù? “Beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura kollha.” Ftit wara, Ġesù qal lid-dixxipli: “‘Dan hu l-kliem li għedtilkom waqt li kont għadni magħkom, li kulma hemm miktub dwari fil-liġi taʼ Mosè u fil-Profeti u fis-Salmi jrid jitwettaq.’ Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.” (Luqa 24:27, 44, 45) Iktar tard, id-dixxipli “ftakru” fid-dehen li Ġesù kien tahom.—Ġwanni 12:16.
Dawn ir-rakkonti jissuġġerixxu li l-appostli u d-dixxipli żgur li fittxew u studjaw l-Iskrittura bil-ħeġġa sabiex setgħu jifhmu bis-sħiħ it-tifsira taʼ dak li raw u semgħu rigward il-Mulej tagħhom, Ġesù Kristu. (Luqa 1:1-4; Atti 17:11) Rigward dan, Harry Y. Gamble, professur taʼ l-istudji reliġjużi fl-Università taʼ Virġinja, jikteb: “Ma tantx tistaʼ tiddubita li mill-bidu kien hemm Kristjani, probabbilment gruppi minnhom, li ddedikaw ruħhom għall-istudju bir-reqqa u l-interpretazzjoni taʼ l-iskrittura Lhudija, u minnha bnew garanziji [provi] miktubin tal-konvinzjonijiet Kristjani u għamlu dawn il-kitbiet disponibbli għall-ippridkar tal-Kristjani.”
Dan kollu jindika li d-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù ma ddependewx biss fuq li l-informazzjoni tiġi trasmessa bil-fomm, imma minflok kienu involuti ħafna fl-istudju, fil-qari, u fil-kitba. Huma kienu studenti, għalliema, u kittieba. Fuq kollox, kienu rġiel spiritwali li straħu fuq l-ispirtu qaddis biex jiggwidahom. Ġesù żgurahom li “l-ispirtu tal-verità” kien se ‘jgħallimhom kollox u jfakkarhom kulma qalilhom.’ (Ġwanni 14:17, 26) L-ispirtu qaddis t’Alla għenhom kemm biex jiftakru u kemm biex jiktbu dak li għamel u qal Ġesù, saħansitra kwotazzjonijiet twal, bħall-Priedka taʼ fuq il-Muntanja. (Mattew, kapitli 5-7) L-ispirtu ggwida wkoll lill-kittieba taʼ l-Evanġelji biex iniżżlu bil-miktub x’ħass Ġesù kultant u x’qal fit-talb.—Mattew 4:2; 9:36; Ġwanni 17:1-26.
Allura waqt li l-kittieba taʼ l-Evanġelji żgur li użaw kemm sors orali u kemm miktub, l-affarijiet li niżżlu bil-miktub kellhom sors ħafna iktar taʼ min joqgħod fuqu u superjuri tabilħaqq—Alla Ġeħova nnifsu. Għalhekk, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla” u tistaʼ tgħallimna u tiggwidana biex nagħmlu dak li jogħġob lilu.—2 Timotju 3:16.
[Nota taʼ taħt]
[Kumment f’paġna 14]
Is-segwaċi taʼ Ġesù inkludew nies li x’aktarx kienu jużaw il-kitba fix-xogħol tagħhom taʼ kuljum
[Kumment f’paġna 15]
L-ispirtu qaddis t’Alla għen lid-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù biex jiftakru u jiktbu dak li għamel u qal
[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]
Kienu l-Appostli Illetterati?
Meta l-mexxejja u x-xjuħ taʼ Ġerusalemm “raw il-mod kif Pietru u Ġwanni tkellmu bla tlaqliq, u indunaw li kienu rġiel komuni u taʼ ftit skola, stagħġbu.” (Atti 4:13) Kienu l-appostli tassew taʼ ftit skola, jew illetterati? Rigward din id-dikjarazzjoni The New Interpreter’s Bible tgħid: “Dawn it-termini x’aktarx li m’għandhomx jittieħdu letteralment bħallikieku Pietru [u Ġwanni] kienu taʼ ftit skola u ma setgħux jiktbu u jaqraw. Huma sempliċement irrikonoxxew id-differenza kbira fil-klassi soċjali bejn l-appostli u dawk li ġġudikawhom.”
[Stampa f’paġna 13]
“Talabhom fuqiex jikteb [“tavla,” “KŻ”] u kiteb: ‘Ismu hu Ġwanni’”
[Stampa f’paġna 13]
Tavla miksija bix-xamaʼ bl-istrumenti tal-kitba mill-ewwel jew it-tieni seklu E.K.
[Sors]
© British Museum/Art Resource, NY