Dak li Nitgħallmu Minn Ġesù
Dwar Talb li Jismaʼ Alla
Ġesù spiss kien ifittex post fejn setaʼ jkun waħdu biex jitlob, u hu rrikkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu l-istess. Il-Bibbja tgħid: “Ġara li kien f’ċertu post jitlob, u x’ħin spiċċa, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: ‘Mulej, għallimna nitolbu’ . . . Hu qalilhom: ‘Kulmeta titolbu, għidu, “Missier, ħa jitqaddes ismek.”’” (Luqa 5:16; 11:1, 2) Għalhekk, Ġesù wera li t-talb għandu jiġi indirizzat lil Missieru, Ġeħova. Hu biss hu l-Ħallieq u “Semmiegħ it-talb” tagħna.—Salm 65:2.
It-talb kollu jogħġob lil Alla?
Ir-ripetizzjoni taʼ talb memorizzat ma togħġobx lil Alla. Ġesù qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa.” (Mattew 6:7) Għandna nitkellmu mill-qalb maʼ Missierna tas-sema. Darba, Ġesù enfasizza lis-segwaċi tiegħu li t-talb taʼ persuna midinba li sinċerament trid tinbidel huwa iktar aċċettat minn Alla mit-talb taʼ raġel kburi li josserva drawwiet reliġjużi b’attenzjoni. (Luqa 18:10-14) Għalhekk, biex it-talb tagħna jinstemaʼ, b’umiltà għandna nipprovaw nagħmlu dak li jgħidilna Alla. Anki Ġesù qal: “Dan ngħidu skond kif għallimni l-Missier . . . dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:28, 29) Ġesù qal fit-talb: “Ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.”—Luqa 22:42.
Għal liema ħaġa għandna nitolbu?
Ladarba l-isem t’Alla ġie malafamat, Ġesù qal: “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’” (Mattew 6:9, 10) Għandna nitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla għax hi l-gvern li Alla se juża biex iwettaq ir-rieda tiegħu fis-sema u fuq l-art. Ġesù qal li nistgħu nitolbu għal “ħobżna għal dan il-jum.” Nistgħu wkoll nitolbu lil Ġeħova dwar ix-xogħol, il-post fejn ngħixu, il-ħwejjeġ, il-kwistjonijiet taʼ saħħa, u l-affarijiet l-oħrajn. Iktar minn hekk, Ġesù qal li għandna nitolbu għall-maħfra.—Luqa 11:3, 4.
Għandna nitolbu għal oħrajn?
Ġesù talab għal oħrajn. Il-Bibbja tgħidilna: “Ġabulu xi tfal żgħar biex ipoġġi idejh fuqhom u jitlob.” (Mattew 19:13) Ġesù qal lill-appostlu Pietru: “Jien tlabt bil-ħerqa għalik biex il-fidi tiegħek ma tonqosx.” (Luqa 22:32) Ġesù inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għal oħrajn, saħansitra għal dawk li jippersegwitawhom u jinsultawhom.—Mattew 5:44; Luqa 6:28.
Għala għandna nipperseveraw fit-talb?
Ġesù warrab ħin għat-talb, u inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu biex “jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom.” (Luqa 18:1) Ġeħova jistidinna biex nesprimu l-fiduċja tagħna fih billi nkellmuh b’mod ripetut dwar l-affarijiet li jikkonċernawna. “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom,” qal Ġesù. Dan ma jfissirx li Ġeħova se jżomm lura milli jwieġeb lil dawk li jħobbuh u jirrispettawh bħala Missier. Minflok, Ġesù qal: “Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!”—Luqa 11:5-13.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 17 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?a
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.