Kapitlu Ħdax
Ibqaʼ ‘Fittex l-Ewwel is-Saltna’
1. (a) Ġesù għala ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex ifittxu l-ewwel is-Saltna? (b) Liema mistoqsija għandna nistaqsu lilna nfusna?
IKTAR minn 1,900 sena ilu waqt taħdita fil-Galilija, Ġesù ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.” Imma għala din l-urġenza kollha? Ma kienx għad irid jgħaddi ħafna żmien biex Kristu jirċievi l-qawwa tas-Saltna? Iva, imma s-Saltna Messjanika kienet se tkun il-mezz li bih Jehovah kellu jivvindika s-sovranità tiegħu u jwettaq l-iskop grandjuż tiegħu għall-art. Kulmin tassew japprezza l-importanza taʼ dawn l-affarijiet għandu jpoġġi s-Saltna l-ewwel f’ħajtu. Jekk dan kien minnu fl-ewwel seklu, kemm hu iktar illum, issa li Kristu ngħata t-tron bħala Sultan! Għalhekk, il-mistoqsija hi, Juri l-mod kif ngħix li jien qed infittex l-ewwel is-Saltna t’Alla?—Mattew 6:33.
2. Liema huma xi affarijiet li n-nies in ġenerali moħħhom fihom?
2 Illum, miljuni taʼ nies mad-dinja kollha qegħdin, fil-fatt, ifittxu l-ewwel is-Saltna. Qed juru l-appoġġ tagħhom għall-ħakma tas-Saltna billi jiċċentraw ħajjithom fuq it-twettiq tar-rieda taʼ Jehovah, bħala nies li ddedikaw ruħhom lilu. Mill-banda l-oħra, il-biċċa l-kbira mill-bnedmin moħħhom biss fl-affarijiet tad-dinja. In-nies moħħhom fil-flus u fil-ġid u l-pjaċiri li jistgħu jixtru bihom. Jew jużaw l-enerġija kollha tagħhom biex jirnexxu fil-karrieri tagħhom. Il-mod kif jgħixu jirrifletti interess fihom infushom, f’affarijiet materjali, u fil-pjaċiri. Huma jpoġġu lil Alla fit-tieni post, jekk fuq kollox jemmnu fih.—Mattew 6:31, 32.
3. (a) Liema tip taʼ teżori Ġesù inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu biex ifittxu, u għala? (b) Għala m’hemmx għalfejn inkunu konċernati żżejjed dwar l-affarijiet materjali?
3 Madankollu, Ġesù ta dan il-parir lid-dixxipli tiegħu: “Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja,” ladarba l-ebda wieħed minn dawn ma jibqaʼ għal dejjem. “Iżda,” hu qal, “ġemmgħu għalikom teżori fis-sema” billi taqdu lil Jehovah. Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu biex iżommu għajnejhom sempliċi filwaqt li jiffokaw l-attenzjoni u l-enerġija tagħhom fuq it-twettiq tar-rieda t’Alla. “Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus,” qalilhom. Imma xi ngħidu dwar il-bżonnijiet materjali—l-ikel, l-ilbies, u saqaf fuq rashom? “Tinkwetawx ruħkom,” tahom bħala parir Ġesù. Hu ġibed l-attenzjoni tagħhom lejn l-għasafar—Alla jitmagħhom. Ġesù inkuraġġixxa lis-segwaċi tiegħu biex jieħdu lezzjoni mill-fjuri—Alla jlibbishom. Ma jiswewx iktar minnhom il-qaddejja umani intelliġenti taʼ Jehovah? “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla,” qal Ġesù, “u dan kollu [li hu neċessarju] jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:19-34) Turi bl-azzjonijiet tiegħek li temmnu dan?
Tħallix il-Verità tas-Saltna Tiġi Maħnuqa
4. Jekk wieħed ipoġġi ħafna enfasi fuq l-affarijiet materjali, x’jistaʼ jkun ir-riżultat?
4 Hija ħaġa naturali li tkun konċernat dwar li jkollok biżżejjed biex tissodisfa l-bżonnijiet materjali tiegħek u tal-familja tiegħek. Madankollu, jekk wieħed ikun konċernat iżżejjed dwar l-affarijiet materjali, ir-riżultat jistaʼ jkun diżastruż. Avolja forsi jistqarr li jemmen fis-Saltna, jekk f’qalbu jpoġġi affarijiet oħra l-ewwel, il-verità tas-Saltna se tiġi maħnuqa. (Mattew 13:18-22) Per eżempju, darba minnhom ħakkiem żagħżugħ staqsa lil Ġesù: “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja taʼ dejjem?” Hu kien jgħix ħajja tajba u lil oħrajn kien jittrattahom sew, imma l-ġid materjali li kellu kien marbut wisq maʼ qalbu. Kienet ħaġa kbira wisq għalih li jħalli dan il-ġid materjali sabiex isir segwaċi taʼ Kristu. Għalhekk, hu rrifjuta l-opportunità li setgħet wasslitu biex ikun maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema. Ġesù qal f’din l-okkażjoni: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna taʼ Alla!”—Mark 10:17-23.
5. (a) Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex ikun kuntent b’liema affarijiet, u għala? (b) Satana kif juża “r-regħba għall-flus” bħala nassa qerrieda?
5 Snin wara, l-appostlu Pawlu kiteb lil Timotju f’Efesu li f’dak iż-żmien kien ċentru kummerċjali prosperuż. Pawlu fakkru: “Aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” Huwa xieraq li wieħed jaħdem biex jipprovdi l-ikel u l-ilbies għalih u għall-familja tiegħu. Imma Pawlu wissa: “Dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u taʼ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien.” Satana jaħdem b’mod sottili. Għall-ewwel hu forsi jħajjar lil dak li jkun b’affarijiet żgħar. Wara dan jistaʼ jkun hemm pressjoni akbar, forsi opportunità għal xi promozzjoni jew xogħol aħjar b’paga iktar għolja imma li jirrikjedi l-ħin li qabel kien jintuża għal affarijiet spiritwali. Jekk ma noqogħdux għassa, “ir-regħba għall-flus” tistaʼ toħnoq l-interessi tas-Saltna li huma ferm iktar importanti. Pawlu poġġieha b’dan il-mod: “Kien ħtija taʼ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.”—1 Timotju 6:7-10.
6. (a) X’irridu nagħmlu biex nevitaw li naqgħu fin-nassa tal-materjaliżmu? (b) Liema fiduċja jistaʼ jkollna saħansitra meta nqisu s-sitwazzjoni ekonomika tad-dinja llum?
6 B’imħabba ġenwina għal ħuh Kristjan, Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Aħrab dan kollu” u, “Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi.” (1 Timotju 6:11, 12) Hemm bżonn taʼ sforz ħerqan jekk ma rridux ninqabdu fil-ħajja materjalistika tad-dinja taʼ madwarna. Imma jekk nistinkaw fi qbil mal-fidi tagħna, Jehovah qatt ma se jabbandunana. Minkejja l-għoli tal-ħajja u n-nuqqas taʼ xogħol maʼ kullimkien, hu se jieħu ħsieb li jkollna dak li tassew neħtieġu. Pawlu kiteb: “Tkunux mogħtija għar-regħba tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’ Għalhekk nistgħu ngħidu b’qalbna qawwija: ‘Il-Mulej l-għajnuna tiegħi: jien ma nibżax: x’jistaʼ jagħmilli l-bniedem?’” (Lhud 13:5, 6) U s-Sultan David kiteb: “Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom.”—Salm 37:25.
Id-Dixxipli tal-Bidu Jipprovdu Mudell
7. Ġesù liema istruzzjonijiet rigward l-ippridkar ta lid-dixxipli tiegħu, u dawn għala kienu xierqa?
7 Wara li Ġesù ta taħriġ xieraq lill-appostli tiegħu, hu bagħathom f’Iżrael biex jippridkaw l-aħbar tajba u jiddikjaraw: “Is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” X’messaġġ eċċitanti kien dan! Ġesù Kristu, is-Sultan Messjaniku, kien f’nofshom. Ladarba l-appostli kienu qed jiddedikaw lilhom infushom għas-servizz t’Alla, Ġesù ħeġġiġhom biex ikunu fiduċjużi li Alla kien se jieħu ħsiebhom. Għalhekk qalilhom: “Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. Jekk tidħlu f’xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu.” (Mattew 10:5-10; Luqa 9:1-6) Jehovah kien se jieħu ħsieb li l-Iżraelin sħabhom jissodisfawlhom il-bżonnijiet tagħhom, peress li kienet id-drawwa tagħhom li joffru ospitalità lill-barranin.
8. (a) Ftit qabel mewtu, Ġesù għala ta istruzzjonijiet ġodda dwar l-ippridkar? (b) X’kellu xorta jibqaʼ l-ewwel fil-ħajja tas-segwaċi taʼ Ġesù?
8 Iktar tard, eżatt qabel mewtu, Ġesù fetaħ għajnejn l-appostli tiegħu għall-fatt li fil-futur kellhom jaħdmu f’ċirkustanzi differenti. Minħabba oppożizzjoni uffiċjali għall-attività tagħhom, ma tantx kienet se tintwera ospitalità magħhom f’Iżrael. Ukoll, dalwaqt kienu se jibdew iġorru l-messaġġ tas-Saltna fl-artijiet tal-Ġentili. Issa huma kellhom jieħdu magħhom “borża” u “ħorġa.” Minkejja dan, kellhom jibqgħu jfittxu l-ewwel is-Saltna taʼ Jehovah u l-ġustizzja tiegħu, fiduċjużi li Alla kien se jbierek l-isforzi tagħhom biex jiksbu l-ikel u l-ilbies meħtieġ.—Luqa 22:35-37.
9. Pawlu kif poġġa s-Saltna l-ewwel f’ħajtu waqt li kien jieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tiegħu, u liema parir ta f’dan ir-rigward?
9 L-appostlu Pawlu kien eżempju mill-aħjar taʼ wieħed li applika l-pariri taʼ Ġesù. Pawlu dejjem poġġa l-ministeru l-ewwel f’ħajtu. (Atti 20:24, 25) Meta mar f’xi nħawi biex jippriedka, hu ħa ħsieb jipprovdi l-bżonnijiet materjali tiegħu, saħansitra kien jaħdem it-tined. Hu ma stenniex li oħrajn jieħdu ħsiebu. (Atti 18:1-4; 1 Tessalonikin 2:9) Madankollu, hu aċċetta bi gratitudni l-ospitalità u l-għotjiet meta oħrajn esprimew imħabbithom b’dan il-mod. (Atti 16:15, 34; Filippin 4:15-17) Pawlu ma inkuraġġiex lill-Kristjani biex jinjoraw l-obbligi tagħhom li jieħdu ħsieb il-familja sabiex jippridkaw, imma minflok inkuraġġiehom biex jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet differenti li kellhom. Hu tahom il-parir biex jaħdmu, biex iħobbu lill-familji tagħhom, u biex jaqsmu m’oħrajn. (Efesin 4:28; 2 Tessalonikin 3:7-12) Ħeġġiġhom biex jafdaw f’Alla, mhux fil-ġid materjali, u biex jużaw ħajjithom b’mod li juri li tassew fehmu x’inhuma l-iktar affarijiet importanti. Fi qbil mat-tagħlim taʼ Ġesù, dan kien ifisser li jfittxu l-ewwel is-Saltna t’Alla u l-ġustizzja tiegħu.—Filippin 1:9-11.
Żomm is-Saltna l-Ewwel f’Ħajtek
10. Xi jfisser li tfittex l-ewwel is-Saltna?
10 Sa liema punt qed naqsmu personalment l-aħbar tajba tas-Saltna m’oħrajn? Minn banda, dan jiddependi miċ-ċirkustanzi tagħna u minn kemm għandna apprezzament. Żomm f’moħħok li Ġesù ma qalx, ‘Fittex is-Saltna meta ma jkollok xejn iżjed x’tagħmel.’ Minħabba li kien jaf l-importanza tas-Saltna, hu esprima r-rieda taʼ Missieru, meta qal: “Fittxu [kontinwament] is-Saltna tiegħu.” (Luqa 12:31) Għalkemm il-biċċa l-kbira minna għandna bżonn naħdmu biex nipprovdu għall-bżonnijiet tagħna u tal-familji, jekk ikollna l-fidi, ħajjitna se tkun iċċentrata madwar ix-xogħol tas-Saltna li tana Alla. Fl-istess ħin, se nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħna.—1 Timotju 5:8.
11. (a) Ġesù kif wera li mhux kulħadd se jkun jistaʼ jagħti l-istess ammont fit-tixrid tal-messaġġ tas-Saltna? (b) Liema fatturi jeffettwaw l-ammont taʼ dak li wieħed jistaʼ jagħti?
11 Xi wħud minna jistgħu jiddedikaw iktar ħin minn oħrajn biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Imma fil-parabbola tiegħu rigward diversi tipi taʼ ħamrija, Ġesù wera li dawk kollha li qalbhom hi bħal ħamrija tajba se jagħmlu l-frott. Sa liema punt? Iċ-ċirkustanzi taʼ l-individwi jvarjaw. Dawn jistgħu jkunu l-età, is-saħħa, u r-responsabbiltajiet tal-familja. Imma meta jkun hemm apprezzament ġenwin, ħafna jistaʼ jitwettaq.—Mattew 13:23.
12. Iż-żgħażagħ liema mira spiritwali u li tibni huma inkuraġġiti b’mod speċjali li jikkunsidraw?
12 Huwa tajjeb li jkollna miri li jgħinuna nżidu s-sehem tagħna fil-ministeru Kristjan. Iż-żgħażagħ għandhom jaħsbu serjament dwar l-eżempju eċċellenti taʼ Timotju, dak iż-żagħżugħ Kristjan li wera tant żelu. (Filippin 2:19-22) X’hemm aħjar għalihom milli jidħlu fil-ministeru full-time meta jispiċċaw mill-iskola? Uħud akbar ukoll se jibbenefikaw jekk ikollhom miri spiritwali u li jibnu.
13. (a) Min jiddeċiedi kemm aħna personalment nistgħu nagħtu fis-servizz tas-Saltna? (b) Jekk tassew infittxu l-ewwel is-Saltna, xi prova nkunu qed nagħtu?
13 Minflok ma nikkritikaw lil dawk li forsi naħsbu li jistgħu jagħmlu iktar, aħna għandna nitqanqlu mill-fidi biex naħdmu ħalli nitjiebu personalment sabiex inkunu nistgħu naqdu lil Alla bis-sħiħ skond ma jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħna stess. (Rumani 14:10-12; Galatin 6:4, 5) Kif intwera fil-każ taʼ Ġob, Satana jsostni li l-interessi prinċipali tagħna huma l-ġid materjali, il-kumdità tagħna stess, il-benesseri persunali, u li l-motiv tagħna meta naqdu lil Alla huwa wieħed egoist. Imma jekk tassew qed infittxu l-ewwel is-Saltna, qed nieħdu sehem f’li nagħtu prova dwar kemm ix-Xitan hu verament giddieb kbir. Inkunu qed nagħtu evidenza li s-servizz t’Alla npoġġuh l-ewwel f’ħajjitna. B’hekk, b’dak li ngħidu u nagħmlu, nagħtu prova taʼ l-imħabba profonda tagħna għal Jehovah, l-appoġġ leali tagħna għas-sovranità tiegħu, u l-imħabba tagħna għal sħabna l-bnedmin.—Ġob 1:9-11; 2:4, 5; Proverbji 27:11.
14. (a) Skeda għala hija taʼ benefiċċju għall-ministeru taʼ lgħalqa? (b) Sa liema punt ħafna Xhieda qed jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa?
14 Skeda tistaʼ tgħinna nwettqu ħafna iktar milli forsi nagħmlu s-soltu. Jehovah innifsu ‘jagħżel iż-żmien’ sabiex iwettaq l-iskop tiegħu. (Eżodu 9:5; Mark 1:15) Jekk inhu possibbli, huwa tajjeb li nieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa darba jew iktar kull ġimgħa. Mijiet t’eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha qed jaqdu bħala pijunieri awżiljarji, billi jqattgħu madwar sagħtejn kuljum fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. Mijiet t’eluf oħra jaqdu bħala pijunieri regulari, waqt li jużaw bejn wieħed u ieħor sagħtejn u nofs kuljum jipproklamaw il-messaġġ tas-Saltna. Il-pijunieri speċjali u l-missjunarji jqattgħu jerġaʼ iktar ħin fis-servizz tas-Saltna. Nistgħu wkoll infittxu opportunitajiet biex naqsmu t-tama tas-Saltna b’mod informali maʼ kulmin lest li jismaʼ. (Ġwann 4:7-15) Ix-xewqa tagħna għandha tkun li nieħdu sehem sħiħ f’dan ix-xogħol skond ma jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħna, għax Ġesù bassar: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14; Efesin 5:15-17.
15. F’konnessjoni mal-ministeru tagħna, għala taħseb li l-parir li nsibu fl-1 Korintin 15:58 huwa f’waqtu?
15 Ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jieħdu sehem f’dan il-privileġġ taʼ servizz fil-partijiet kollha tad-dinja. Huma jinsabu f’unità, minkejja li jgħixu f’pajjiżi differenti. Qegħdin japplikaw għalihom infushom il-parir ispirat li jinsab fil-Bibbja: “Żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.”—1 Korintin 15:58.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Meta Ġesù qal biex nibqgħu ‘nfittxu l-ewwel is-Saltna,’ x’kien qed jindika li għandu jitpoġġa fit-tieni post?
• X’għandha tkun il-ħarsa tagħna lejn li nieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tagħna nfusna u tal-familji tagħna? Liema għajnuna jagħtina Alla?
• F’liema fatturi tas-servizz tas-Saltna nistgħu nieħdu sehem?
[Stampa f’paġna 107]
F’kull pajjiż, ix-Xhieda taʼ Jehovah illum qed jippridkaw l-aħbar tajba, qabel ma jiġi t-tmiem