LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 3/1 pp. 18-22
  • “Tibżgħux, Merħla Ċkejkna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Tibżgħux, Merħla Ċkejkna”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Merħla Ċkejkna
  • L-​Għadd Jonqos
  • “Tibżgħux”
  • Tama Unika
  • “Irgħu l-Merħla t’Alla li Hemm fil-Ħarsien Tagħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Għin lil Dawk li Jitbiegħdu mill-Merħla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha”
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2018
  • ‘Il-Mejtin Iqumu’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 3/1 pp. 18-22

“Tibżgħux, Merħla Ċkejkna”

“Tibżgħux, merħla ċkejkna, għaliex Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.”—LUQA 12:32.

1. X’kien il-​bażi għall-​kliem taʼ Ġesù: “Tibżgħux, merħla ċkejkna”?

“FITTXU kontinwament is-​saltna [t’Alla].” (Luqa 12:31) Meta Ġesù qal dan il-​kliem lid-​dixxipli tiegħu, esprima prinċipju li ggwida l-​mod taʼ ħsieb tal-​Kristjani minn żmienu sa żmienna stess. Is-​Saltna t’Alla trid tieħu dak l-​ewwel post fil-​ħajjiet tagħna. (Mattew 6:33) Fir-​rakkont taʼ Luqa, madankollu, Ġesù kompla jgħid kliem għażiż u rassiguranti lil grupp speċjali taʼ Kristjani. Qal: “Tibżgħux, merħla ċkejkna, għaliex Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.” (Luqa 12:32) Bħala r-​Ragħaj mill-​Aħjar, Ġesù kien jaf li kienu ġejjin żminijiet taʼ maltemp għad-​dixxipli intimi tiegħu. Imma ma kien hemm ebda raġuni biex ikunu beżgħanin dment li jkomplu jfittxu s-​Saltna t’Alla. Għalhekk, il-​parir taʼ Ġesù ma kienx xi kmand aħrax. Minflok, kien wegħda taʼ mħabba li serviet biex tispira fiduċja u kuraġġ.

2. Min huma dawk li jifformaw il-​merħla ċkejkna, u għala huma pprivileġġjati b’mod speċjali?

2 Ġesù kien qiegħed ikellem lid-​dixxipli tiegħu, u sejħilhom “merħla ċkejkna.” Kien qiegħed ikellem ukoll lil dawk li lilhom Jehovah kellu ‘jagħtihom is-​saltna.’ Imqabblin mal-​folol vasti li kellhom jaċċettaw lil Ġesù fi żminijiet li ġew wara, dan il-​grupp kien tabilħaqq ftit fl-​għadd. Kienu wkoll meqjusin prezzjużi għaliex ġew magħżulin għal futur straordinarju, biex jintużaw f’servizz irjali. Missierhom, ir-​Ragħaj il-​Kbir, Jehovah, isejjaħ lill-​merħla ċkejkna b’intenzjoni li jirċievu wirt tas-​sema f’konnessjoni mas-​Saltna Messjanika taʼ Kristu.

Il-​Merħla Ċkejkna

3. Ġwanni ra liema viżjoni glorjuża tal-​merħla ċkejkna?

3 Min huma dawk, allura, li jifformaw din il-​merħla ċkejkna li għandhom prospett taʼ l-​għaġeb bħal dan? Is-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu li jirċievu dlik bl-​ispirtu qaddis. (Atti 2:1-4) Billi rahom bħala għannejja tas-​sema bl-​arpi f’idejhom, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Jien rajt, u, ħares! il-​Ħaruf bil-​wieqfa fuq il-​Muntanja Sijon, u miegħu mija u erbgħa u erbgħin elf li għandhom ismu u isem Missieru miktubin fuq l-​iġbna tagħhom. Dawn huma dawk li ma niġġsux lilhom infushom man-​nisa; fil-​fatt, huma verġni. Dawn huma dawk li jibqgħu jsegwu lill-​Ħaruf imur fejn imur. Dawn kienu mixtrijin minn fost il-​bnedmin bħala l-​ewwel frott għal Alla u għall-​Ħaruf, u ebda qerq ma nstab ġo fommhom; huma mingħajr tebgħa.”—Rivelazzjoni 14:1, 4, 5.

4. Il-​merħla ċkejkna liema pożizzjoni għandha fuq l-​art illum?

4 Mill-​Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l hawn, dawn l-​uħud midlukin u mnisslin bl-​ispirtu qdew bħala ambaxxaturi taʼ Kristu fuq l-​art. (2 Korintin 5:20) Illum, fdal biss minnhom fadal, li qegħdin jaqdu flimkien bħala l-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret. (Mattew 24:45; Rivelazzjoni 12:17) B’mod partikulari, mis-​sena 1935 ’l hawn, ingħaqdu magħhom “ngħaġ oħra,” Kristjani b’tama għall-​art, li issa jgħoddu bil-​miljuni. Dawn jgħinu f’li jippridkaw l-​aħbar tajba maʼ l-​art kollha.—Ġwann 10:16.

5. X’inhija l-​attitudni taʼ l-​uħud li baqaʼ mill-​merħla ċkejkna, u għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu?

5 X’inhija l-​attitudni taʼ dawk li fadal minn din il-​merħla ċkejkna li għadhom fuq l-​art? Billi jafu li jridu jirċievu ‘Saltna li ma tistax tiġi mċaqalqa,’ jagħtu s-​servizz sagru tagħhom bil-​biżaʼ t’Alla u b’reverenza profonda. (Ebrej 12:28) Huma b’mod umli jirrealizzaw li dan tagħhom huwa privileġġ inestimabbli li jirriżulta f’ferħ bla tarf. Sabu l-​“perla waħda taʼ valur għoli” li Ġesù rrefera għaliha meta tkellem dwar is-​Saltna. (Mattew 13:46) Hekk kif toqrob it-​tribulazzjoni l-​kbira, l-​uħud midlukin t’Alla jieqfu bla biżaʼ. Minkejja dak li dalwaqt se jiġi fuq id-​dinja taʼ l-​umanità matul “il-​jum kbir u eminenti taʼ Jehovah,” m’humiex se jkollhom biżaʼ barra minn loku mill-​futur. (Atti 2:19-21) X’hemm għalfejn?

L-​Għadd Jonqos

6, 7. (a) L-​għadd tal-​merħla ċkejkna li għadhom fuq l-​art għala huwa daqstant żgħir? (b) Kull individwu kif għandu jħares lejn it-​tama li jħaddan?

6 Fi snin riċenti n-​numru tal-​merħla ċkejkna li għadhom fuq l-​art ċkien ġmielu. Dan kien evidenti mir-​rapport tal-​Mafkar taʼ l-​1994. F’xi 75,000 kongregazzjoni tan-​nies taʼ Jehovah mad-​dinja kollha, 8,617 biss urew li jipprofessaw li huma membri tal-​fdal billi ħadu sehem mill-​emblemi. (Mattew 26:26-30) F’kuntrast, l-​attendenza totali kienet 12,288,917. Il-​Kristjani midlukin jistennewh dan. Jehovah stabbilixxa numru limitat, 144,000, li jifformaw il-​merħla ċkejkna, u ilu jiġborha minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ’l hawn. Loġikament, is-​sejħa tal-​merħla ċkejkna kellha tispiċċa meta n-​numru kien qrib li jkun komplut, u l-​evidenza hija li l-​ġbir inġenerali taʼ dawn l-​imberkin b’mod speċjali ntemm fl-​1935. Madankollu, in-​ngħaġ oħra fiż-​żmien tat-​tmiem ġew ipprofetizzati li kellhom jikbru u jsiru “folla kbira, li l-​ebda bniedem ma kellu l-​ħila jgħodd, mill-​ġnus u t-​tribujiet u l-​popli u l-​ilsna kollha.” Mill-​1935 ’l hawn il-​ġbir inġenerali minn Jehovah kien taʼ din il-​folla kbira, li t-​tama tagħhom hija ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna.—Rivelazzjoni 7:9; 14:15, 16; Salm 37:29.

7 Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk tal-​merħla ċkejkna li għadhom fuq l-​art għandhom issa mas-​70, 80, u 90 sena. Xi ftit minnhom qabżu il-​100 sena taʼ ħajjithom. Dawn kollha, hi x’inhi l-​età tagħhom, jafu li permezz taʼ rxoxt għas-​sema, se jingħaqdu maʼ Ġesù Kristu u se jaħkmu miegħu fis-​Saltna glorjuża tiegħu. Dawk tal-​folla l-​kbira se jkunu sudditi taʼ l-​art taʼ Kristu s-​Sultan. Ħalli kull wieħed jithenna b’dak li Jehovah għandu maħżun għal dawk li jħobbuh. M’huwiex għalina li nagħżlu liema tama għandna nħaddnu. Hu Jehovah li jiddeterminah dak. Iż-​żewġ gruppi jistgħu jkunu eċċitati bit-​tama tagħhom għal futur hieni, kemm jekk tkun fis-​Saltna tas-​sema jew fuq art magħmula ġenna taħt dik is-​Saltna.—Ġwann 6:44, 65; Efesin 1:17, 18.

8. Safejn wasal l-​issiġillar tal-​144,000, u x’se jiġri meta jkun komplet?

8 Il-​merħla ċkejkna taʼ 144,000 hija “l-​Iżrael t’Alla,” li ħadet post Iżrael naturali fl-​iskopijiet t’Alla. (Galatin 6:16) Għalhekk, il-​fdal jifforma l-​uħud li baqaʼ minn dak il-​ġens spiritwali li għadu fuq l-​art. Uħud li fadal bħal dawn qegħdin jiġu ssiġillati għall-​approvazzjoni finali taʼ Jehovah. Ġo viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra dan jiġri, u rrapporta: “Rajt anġlu ieħor tielaʼ minn tlugħ ix-​xemx, li kellu siġill taʼ dak Alla ħaj; u għajjat b’leħen qawwi lill-​erbaʼ anġli li lilhom ingħata li jagħmlu ħsara lill-​art u lill-​baħar, billi jgħid: ‘Tagħmlux ħsara lill-​art jew lill-​baħar jew lis-​siġar, sa wara li nkunu ssiġillajna lill-​irsiera t’Alla tagħna fuq l-​iġbna tagħhom.’ U smajt in-​numru taʼ dawk li kienu ssiġillati, mija u erbgħa u erbgħin elf, issiġillati minn kull tribù taʼ wlied Iżrael [spiritwali].” (Rivelazzjoni 7:2-4) Ladarba x-​xogħol taʼ ssiġillar taʼ Iżrael spiritwali huwa b’mod evidenti avanzat ħafna, il-​ġrajjiet eċċitanti li għandhom jiġru dalwaqt huma indikati. Ngħiduha kif inhi, “it-​tribulazzjoni l-​kbira,” meta l-​erbat irjieħ taʼ qerda jinħallu għal fuq l-​art, bil-​fors li hija qrib ferm.—Rivelazzjoni 7:14.

9. Il-​merħla ċkejkna kif tħares lejn l-​għadd li qiegħed jiżdied tal-​folla l-​kbira?

9 Dawk tal-​folla l-​kbira li diġà nġabru jgħoddu bil-​miljuni. Kemm iqanqal il-​qlub tal-​fdal dan! Għalkemm dawk tal-​merħla ċkejkna li għadhom fuq l-​art ikomplu jonqsu fl-​għadd, huma ħarrġu u ħejjew irġiel ikkwalifikati tal-​folla kbira biex jieħdu responsabbiltajiet f’konnessjoni maʼ l-​organizzazzjoni taʼ l-​art t’Alla li qiegħda tespandi. (Isaija 61:5) Bħalma indika Ġesù, se jkun hemm min isalva mit-​tribulazzjoni l-​kbira.—Mattew 24:22.

“Tibżgħux”

10. (a) Liema attakk wasal biex isir fuq il-​poplu t’Alla, u għal liema ħaġa se jwassal? (b) Liema mistoqsijiet huma mistoqsijin dwar kull wieħed minna?

10 Satana u d-​demonji tiegħu ġew imbaxxijin lejn il-​viċinanza taʼ l-​art. Huwa u l-​qtajja tiegħu qegħdin jiġu mmanuvrati biex jagħmlu l-​attakk totali fuq il-​poplu taʼ Jehovah. Dan l-​attakk, imbassar fil-​Bibbja, huwa deskritt bħala l-​attakk taʼ Gog taʼ Magog. Ix-​Xitan fuq min speċifikament jiffoka l-​assalt tiegħu? M’huwiex fuq l-​aħħar membri tal-​merħla ċkejkna, l-​Iżrael spiritwali t’Alla, li qegħdin jgħixu fil-​paċi “fiċ-​ċentru taʼ l-​art”? (Eżekjel 38:1-12) Iva, imma l-​fdal tal-​klassi tal-​midlukin leali, flimkien maʼ l-​imseħbin leali tagħhom, in-​ngħaġ oħra, se jixhdu kif l-​attakk taʼ Satana se jħaffef rispons drammatiku, min-​naħa t’Alla Jehovah. Hu se jintervjeni biex jiddefendi lill-​poplu tiegħu, u dan se jqanqal it-​tfaqqigħ tal-​“jum il-​kbir u li jispira l-​biżaʼ taʼ Jehovah.” (Ġojeli 2:31) Illum, l-​irsir leali u diskret qed iwettaq servizz vitali li jsalva l-​ħajja, billi jwissi dwar dan l-​intervent minn Jehovah li għadu ġej. (Malakija 4:5; 1 Timotew 4:16) Qiegħed int tappoġġja b’mod attiv dak is-​servizz, billi tieħu sehem fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna taʼ Jehovah? Se tkompli tagħmel hekk bħala proklamatur tas-​Saltna bla biżaʼ?

11. Attitudni kuraġġuża għala hija vitali llum?

11 Minħabba s-​sitwazzjoni preżenti tad-​dinja, kemm huwa f’waqtu għall-​merħla ċkejkna li jagħtu kas il-​kliem li Ġesù indirizza lilhom: “Tibżgħux, merħla ċkejkna”! Attitudni kuraġġuża bħal din hija essenzjali minħabba f’dak kollu li issa qiegħed jitwettaq fi qbil maʼ l-​iskop taʼ Jehovah. Individwalment, kull wieħed mill-​merħla ċkejkna jirrealizza l-​bżonn li jissaporti dritt sat-​tmiem. (Luqa 21:19) Bħalma Ġesù Kristu, il-​Mulej u s-​Sid tal-​merħla ċkejkna, issaporta u ta prova li kien leali sat-​tmiem taʼ ħajtu fuq l-​art, hekk kull wieħed mill-​fdal irid jissaporti u jagħti prova li hu leali.—Ebrej 12:1, 2.

12. Pawlu, bħal Ġesù, kif ħeġġeġ lill-​Kristjani midlukin biex ma jibżgħux?

12 Il-​midlukin kollha jrid ikollhom l-​istess ħarsa bħal dik li kellu l-​appostlu Pawlu. Innota li l-​kliem tiegħu bħala proklamatur midluk u pubbliku taʼ l-​irxoxt huwa fi qbil maʼ l-​eżortazzjoni taʼ Ġesù biex ma jibżgħux. Pawlu kiteb: “Ftakar li Ġesù Kristu kien imqajjem mill-​imwiet u kien taż-​żerriegħa taʼ David, skond l-​aħbar tajba li nippriedka jien; li f’konnessjoni magħha jien qiegħed inbati d-​deni sal-​punt taʼ rbit fil-​ħabs bħala raġel ħażin. Minkejja dan, il-​kelma t’Alla m’hijiex marbuta. Minħabba f’dan nibqaʼ nissaporti kollox minħabba fil-​magħżulin, sabiex huma wkoll jiksbu s-​salvazzjoni li hija f’unjoni maʼ Kristu Ġesù flimkien maʼ glorja taʼ dejjem. Leali huwa l-​qawl: Ċertament jekk mitna flimkien, se ngħixu wkoll flimkien; jekk nibqgħu nissaportu, aħna wkoll se naħkmu flimkien bħala slaten; jekk aħna niċħdu, hu wkoll se jiċħad lilna; jekk m’aħniex leali, hu jibqaʼ leali, għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu.”—2 Timotew 2:8-13.

13. Il-​membri tal-​merħla ċkejkna liema konvinzjonijiet profondi għandhom, u dan xi jqanqalhom biex jagħmlu?

13 Bħall-​appostlu Pawlu, il-​membri li fadal tal-​merħla ċkejkna midluka huma lesti li jissaportu s-​sofferenza hekk kif jiddikjaraw il-​messaġġ qawwi mniżżel fil-​Kelma t’Alla. Il-​konvinzjonijiet tagħhom huma mqabbdin fil-​fond hekk kif iżommu mal-​wegħdiet divini taʼ salvazzjoni u taʼ li jingħataw “il-​kuruna tal-​ħajja” jekk jagħtu prova taʼ lealtà sal-​mewt. (Rivelazzjoni 2:10) Billi jġarrbu rxoxt u bidla istantanji, se jinġiebu f’unjoni maʼ Kristu biex jaħkmu flimkien miegħu bħala slaten. Xi trijonf għall-​korsa tagħhom taʼ żamma taʼ integrità bħala konkwistaturi tad-​dinja!—1 Ġwann 5:3, 4.

Tama Unika

14, 15. It-​tama taʼ l-​irxoxt tal-​merħla ċkejkna għala hija unika?

14 It-​tama taʼ l-​irxoxt imħaddna mill-​merħla ċkejkna hija unika. B’liema modi? L-​ewwelnett, tiġi qabel l-​irxoxt ġenerali tat-​“twajbin u dawk li m’humiex twajbin.” (Atti 24:15) Fil-​fatt, l-​irxoxt tal-​midlukin jaqaʼ f’ċerta ordni taʼ importanza, kif inhu stabbilit b’mod ċar b’dawn il-​kelmiet misjubin fl-1 Korintin 15:20, 23: “Kristu ġie mqajjem mill-​imwiet, l-​ewwel frott minn dawk li raqdu fil-​mewt. Imma kull wieħed fil-​grad tiegħu: Kristu l-​ewwel frott, wara dan dawk li jappartjenu lill-​Kristu matul il-​preżenza tiegħu.” Billi għandhom ix-​xorta taʼ sabar u fidi li wera Ġesù, il-​merħla ċkejkna jafu x’hemm maħżun għalihom hekk kif itemmu l-​korsa tagħhom taʼ l-​art, partikolarment minn mindu l-​veru Mulej ġie fit-​tempju tiegħu għall-​ġudizzju fl-​1918.—Malakija 3:1.

15 Pawlu jagħtina raġuni miżjuda biex inqisu dan l-​irxoxt bħala uniku. Kif imniżżel fl-1 Korintin 15:51-53, hu kiteb: “Ħares! ngħidilkom sigriet sagru: Aħna mhux kollha se norqdu fil-​mewt, imma kollha se nitbiddlu, f’mument, f’ħakka t’għajn, matul l-​aħħar trumbetta. . . . Għax dan li huwa korruttibbli jrid jilbes in-​nuqqas taʼ korruzzjoni, u dan li huwa mortali jrid jilbes l-​immortalità.” Dan il-​kliem japplika għal dawk tal-​merħla ċkejkna li jmutu matul il-​preżenza taʼ Kristu. Mingħajr ma jkollhom jorqdu għal perijodu twil taʼ żmien fil-​mewt, huma jiġu mlibbsin bl-​immortalità, “f’mument, f’ħakka t’għajn.”

16, 17. Rigward it-​tama taʼ l-​irxoxt tagħhom, il-​Kristjani midlukin illum kif inhuma mberkin b’mod speċjali?

16 Fid-​dawl taʼ din il-​fehma, nistgħu nifhmu s-​sens tal-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni f’Rivelazzjoni 14:12, 13. Hu kiteb: “‘Hawn huwa fejn ifisser l-​issaportar tal-​qaddisin, dawk li josservaw il-​kmandamenti t’Alla u l-​fidi taʼ Ġesù.’ U smajt leħen mis-​sema jgħid: ‘Ikteb: Henjin huma l-​mejtin li jmutu f’unjoni mal-​Mulej minn dan iż-​żmien ’il quddiem. Iva, jgħid l-​ispirtu, ħallihom jistrieħu minn ħidmiethom, għax l-​affarijiet li għamlu jmorru dritt magħhom.’”

17 Xi premju uniku hemm maħżun għall-​fdal tal-​merħla ċkejkna! L-​irxoxt tagħhom se jiġi malajr, eżatt wara li jorqdu fil-​mewt. X’bidla taʼ l-​għaġeb se jġarrbu hekk kif jibdew il-​kariga tagħhom fil-​qasam taʼ l-​ispirti! Bi glorifikazzjoni bħal din tal-​merħla ċkejkna għaddejja issa u bit-​twettieq taʼ profeziji ewlenin tal-​Bibbja tant avanzat, l-​aħħar membri li fadal tal-​merħla ċkejkna verament għandhom bżonn li ‘ma jibżgħux.’ U n-​nuqqas taʼ biżaʼ tagħhom iservi biex jinkuraġġixxi lil dawk tal-​folla l-​kbira, li għandhom jikkultivaw attitudni simili taʼ nuqqas taʼ biżaʼ hekk kif jantiċipaw ħelsien matul l-​akbar żmien taʼ nkwiet li l-​art qatt rat.

18, 19. (a) Iż-żmien li ngħixu fih għala huwa urġenti? (b) Kemm il-​midlukin u kemm in-​ngħaġ oħra għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu?

18 Li jirrakkontaw l-​attivitajiet tal-​merħla ċkejkna jgħin lilhom u lill-​folla l-​kbira biex jibqgħu jibżgħu minn dak Alla veru. Is-​siegħa għal ġudizzju minnu waslet, u ż-​żmien favorevoli li baqaʼ huwa prezzjuż. Limitat, tabilħaqq, huwa ż-​żmien għal oħrajn biex jaġixxu. Aħna, iżda, ma nibżgħux li l-​iskop t’Alla se jfalli. Ċertament li se jirnexxi!

19 Diġà, l-​ilħna għoljin tas-​sema nstemgħu jgħidu: “Is-​saltna tad-​dinja tassew saret is-​saltna tal-​Mulej tagħna u tal-​Kristu tiegħu, u hu se jaħkem bħala sultan għal dejjem taʼ dejjem.” (Rivelazzjoni 11:15) Ċertament, ir-​Ragħaj il-​Kbir, Jehovah, qiegħed jiggwida lin-​ngħaġ tiegħu kollha fil-​“mogħdijiet tat-​tjieba minħabba f’ismu.” (Salm 23:3) Il-​merħla ċkejkna qegħdin jiġu mmexxijin b’mod eżatt lejn il-​premju tagħhom tas-​sema. U n-​ngħaġ oħra se jinħelsu salvi mit-​tribulazzjoni l-​kbira biex igawdu ħajja eterna fil-​qasam taʼ l-​art tas-​Saltna glorjuża t’Alla taħt il-​ħakma taʼ Kristu Ġesù. Għalhekk, waqt li l-​kliem taʼ Ġesù kien indirizzat lill-​merħla ċkejkna, ċertament li l-​qaddejja kollha t’Alla fuq l-​art għandhom raġuni biex jisimgħu l-​kliem tiegħu: “Tibżgħux.”

(w95 2/15)

Tistaʼ Tispjega?

◻ Għala għandna nistennew li l-​għadd li baqaʼ tal-​merħla ċkejkna jonqos?

◻ X’inhija s-​sitwazzjoni tal-​fdal midlukin illum?

◻ Il-​Kristjani għala m’għandhomx ikollhom biżaʼ, minkejja l-​attakk li riesaq minn Gog taʼ Magog?

◻ It-​tama taʼ l-​irxoxt tal-​144,000 għala hija unika, speċjalment illum?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja