LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 6/15 pp. 6-10
  • ‘L-Irsir Fidil’ u l-Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘L-Irsir Fidil’ u l-Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dak li Jmexxi d-​Dar fl-​Ewwel Seklu
  • Il-​Ġemgħa li Tiggverna tad-​Dar
  • Żmien taʼ Rendikont għal Dak li Jmexxi d-​Dar
  • L-​“Irsir” u l-​Ġemgħa Tiegħu li Tiggverna Hekk Kif iż-​Żmien tat-​Tmiem Qorob
  • Leali Lejn Kristu u l-Ilsir Leali Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Il-Prokuratur Leali u l-Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Nikkoperaw mal-Ġemgha li Tiggverna Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Min qed imexxi l-​poplu t’Alla llum?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 6/15 pp. 6-10

‘L-​Irsir Fidil’ u l-​Ġemgħa li Tiggverna Tiegħu

“Min tassew hu l-​irsir fidil u għaqli li sidu ħatru fuq in-​nies taʼ daru, biex jagħtihom, l-​ikel tagħhom fiż-​żmien xieraq?”−MATTEW 24.45.

1. Jehovah għala lest li jiddelega awtorità f’idejn oħrajn, u lil min primarjament għamel hekk?

JEHOVAH hu Alla taʼ ordni. Huwa wkoll is-​Sors taʼ kull awtorità leġittima. Billi huwa fiduċjuż fil-​lejaltà tal-​ħlejjaq fidili tiegħu, Jehovah hu lest li jiddelegalhom awtorità. Il-​wieħed li lilu ddelegalu l-​iktar awtorità hu Ibnu, Ġesù Kristu. Tabilħaqq, Alla “issottometta l-​affarijiet kollha taħt saqajh, u għamlu kap fuq l-​affarijiet kollha għall-​kongregazzjoni.”−Efesin 1:22.

2. Pawlu xi jsejħilha lill-​kongregazzjoni Kristjana, u Kristu lil min iddelegalu awtorità?

2 L-​appostlu Pawlu sejjaħ lill-​kongregazzjoni Kristjana “d-​dar t’Alla” u jgħid li l-​Iben lejali taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, ġie mqiegħed fuq din id-​dar. (1 Timotew 3:15; Ebrej 3:6) Mill-​banda l-​oħra, Kristu jiddelega awtorità lill-​membri tad-​dar t’Alla. Aħna nistgħu naraw dan mill-​kliem taʼ Ġesù miktub f’Mattew 24:45-47. Hu qal: “Min tassew hu l-​irsir fidil u għaqli li sidu ħatru fuq in-​nies taʼ daru, biex jagħtihom l-​ikel tagħhom fiż-​żmien xieraq? Hieni hu dak l-​irsir jekk sidu malli jasal isibu jagħmel hekk. Verament ingħidilkom, Hu se jaħtru fuq dak kollu li jippossjedi.”

Dak li Jmexxi d-​Dar fl-​Ewwel Seklu

3. Min jifforma “I-irsir fidil u għaqli,” u x’terminu jiġi applikat għalihom bħala individwi?

3 Mill-​istudji bir-​reqqa tagħna tal-​Iskrittura, nafu li l-​membri midlukin bl-​ispirtu tad-​dar t’Alla fi kwalunkwe żmien b’mod kollettiv jiffurmaw “l-​irsir fidil u għaqli,” “prokuratur,” jew “dak li jmexxi d-​dar.” Individwalment, il-​membri tad-​dar taʼ Jehovah jissejħu “n-​nies taʼ daru” jew “ġemgħa taʼ qaddejja.”−Mattew 24:45; Luqa 12:42; Reference Bible, nota taʼ taħt.

4. Ftit qabel mewtu, x’mistoqsija qajjem Ġesù, u maʼ min xebbah lilu nnifsu?

4 Ftit xhur qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù qajjem din il-​mistoqsija, miktuba f’Luqa 12:42: “Min tassew hu l-​prokuratur fidil, il-​wieħed għaqli, li lilu sidu se jaħtru fuq il-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom il-​kejl tagħhom tal-​provisti tal-​ikel f’waqtu?” Imbagħad, ftit ġranet qabel ma miet, Ġesù xebbah lilu nnifsu maʼ raġel li kien wasal biex jivvjaġġa barra ’l pajjiż u li sejjaħ lill-​irsiera tiegħu u fdalhom dak kollu li jippossjedi.—Mattew 25:14.

5. (a) Ġesù meta ħatar oħrajn biex jeħdulu ħsieb l-​affarijiet li jippossjedi? (b) X’ħatra mifruxa ta Ġesù lil dawk li kienu se jsiru parti minn dak li jmexxilu daru?

5 Ġesù meta ħatar oħrajn biex jeħdulu ħsieb tal-​affarijiet li jippossjedi? Dan ġara wara l-​irxoxt tiegħu. Fil-​kliem familjari tiegħu misjub f’Mattew 28:19, 20, Kristu l-​ewwel ta lil dawk li kellhom isiru parti minn dak li jmexxilu daru ħatra mifruxa biex igħallmu u jagħmlu dixxipli. Billi individwalment jagħtu xiehda “sal-​iktar parti ’l bogħod tal-​art,” il-​qaddejja kellhom ikabbru l-​għalqa missjunarja li Ġesù kien beda jikkultiva matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art. (Atti 1:8) Dan kien jinvolvi li huma jaġixxu bħala “ambaxxaturi li jissostitwixxu għal Kristu.” Bħala “prokuraturi tas-​sigrieti sagri t’Alla,” huma kienu se jagħmlu dixxipli u kienu se jqassmulhom ikel spiritwali.—2 Korintin 5:20; 1 Korintin 4:1, 2.

Il-​Ġemgħa li Tiggverna tad-​Dar

6. Il-​prokuratur tal-​ewwel seklu x’ġie mnebbaħ b’mod divin biex jipprovdi?

6 B’mod kollettiv, Kristjani midlukin bl-​ispirtu kellhom ikunu l-​prokuratur tas-​sid, jew dak li jmexxilu daru, maħturin biex iqassmu ikel spiritwali f’waqtu lill-​membri individwali tad-​dar t’Alla. Bejn is-​snin 41 E.K. u 98 E.K., membri tal-​klassi tal-​prokuratur tal-​ewwel seklu ġew imnebbħa b’mod divin biex jiktbu 5 rakkonti storiċi, 21 ittra, u l-​ktieb taʼ Rivelazzjoni għall-​benefiċċju taʼ ħuthom. Dawn il-​kitbiet imnebbħa fihom ikel spiritwali mill-​aħjar għan-​nies tad-​dar, jiġifieri, individwi midlukin minn tad-​dar t’Alla.

7. Kristu għal liema skop għażel għadd żgħir taʼ rġiel mill-​klassi tal-​irsir?

7 Fil-​waqt li l-​Kristjani midlukin kollha b’mod kollettiv jiffurmaw id-​dar t’Alla, hemm evidenza abbundanti li Kristu għażel għadd żgħir taʼ rġiel mill-​klassi tal-​irsir biex jaqdu bħala ġemgħa viżibbli li tiggverna. L-​istorja bikrija tal-​kongregazzjoni turi li t-​12-il appostlu, inkluż Mattijas, kienu l-​pedament tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​ewwel seklu. Atti 1:20-26 jipprovdielna indikazzjoni dwar dan. Rigward min se jieħu post Ġuda l-​Iskarjota, hemm issir referenza għall-​“kariga tiegħu taʼ indokrar” u għal “dan il-​ministeru u appostolat.”

8. X’kienu jinkludu r-​responsabbiltajiet tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​ewwel seklu?

8 Din il-​kariga taʼ indokrar kienet tinkludi r-​responsabbiltà tal-​appostli li jaħtru rġiel xierqa għal pożizzjonijiet taʼ servizz u biex jorganizzaw il-​ministeru. Imma kienet tfisser iktar minn hekk. Kienet tinvolvi wkoll it-​tagħlim u l-​iċċarar taʼ punti taʼ duttrina. Bi twettieq tal-​wegħda taʼ Ġesù miktuba fi Ġwann 16:13, “l-​ispirtu tal-​verità“ kien se jiggwida lill-​kongregazzjoni Kristjana b’mod progressiv fil-​verità kollha. Preċiż mill-​bidu, dawk kollha li ħaddnu l-​kelma u saru Kristjani mgħammdin u midlukin baqgħu jiddedikaw lilhom infushom għat-​“tagħlim tal-​appostli.” Fil-​fatt, ir-​raġuni għala sebaʼ rġiel rakkomandati ġew maħturin għax-​xogħol neċessarju li jqassmu ikel materjali kienet sabiex “it-​tnax” setgħu jibqgħu ħielsa biex ‘jagħtu lilhom infushom għat-​talb u għall-​ministeru tal-​kelma.’—Atti 2:42; 6:l-6.

9. Il-​ġemgħa li tiggverna bikrija kif spiċċat bi 11-il membru, imma għala milli jidher il-​għadd ma nġabx immedjatament għal 12?

9 Donnu li għall-​ewwel il-​ġemgħa li tiggverna kienet iffurmata esklussivament mill-​appostli taʼ Ġesù. Iżda kienet se tibqaʼ hekk? Madwar is-​sena 44 E.K., l-​appostlu Ġakbu, ħu Ġwanni, ġie maqtul minn Erodi Agrippa I. (Atti 12.1, 2) Milli jidher ma sar ebda sforz biex jintgħażel ieħor f’loku bħala appostlu, bħalma sar fil-​każ taʼ Ġuda. Għala le? Bla dubju dan kien għaliex Ġakbu miet lejali, l-​ewwel wieħed li miet mit-​12-il appostlu. Mill-​banda l-​oħra, Ġuda kien traditur mill-​agħar u postu kellu jingħata lil xi ħadd ieħor sabiex jinġab lura għal 12 il-​għadd tal-​ġebel tal-​pedament taʼ Iżrael spiritwali.—Efesin 2:20; Rivelazzjoni 21:14.

10. Meta u kif ġiet miżjuda l-​ġemgħa li tiggverna tal-​ewwel seklu, u Kristu kif użaha biex tiggwida lid-​dar t’Alla?

10 Il-​membri oriġinali tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​ewwel seklu kienu appostli, rġiel li kienu mxew maʼ Ġesù u kienu xhieda tal-​mewt u l-​irxoxt tiegħu. (Atti 1:21, 22) Iżda din is-​sitwazzjoni kellha tinbidel. Hekk kif gerbbu s-​snin irġiel Kristjani oħra laħqu statura spiritwali u ġew maħturin bħala anzjani fil-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. Sa mhux iktar tard mis-​sena 49 E.K., il-​ġemgħa li tiggverna kienet ġiet miżjuda biex tinkludi mhux biss l-​appostli li kien fadal iżda wkoll għadd taʼ rġiel ixjeħ oħra f’Ġerusalemm. (Atti 15:2) Mela l-​format tal-​ġemgħa li tiggverna ma kienx fiss b’mod riġidu, imma Alla b’mod evidenti ggwida l-​affarijiet sabiex dak il-​format jitbiddel biex jaqbel maċ-​ċirkostanzi tal-​poplu tiegħu. Kristu, il-​kap attiv tal-​kongregazzjoni, uża din il-​ġemgħa akbar li tiggverna biex tissetilja l-​kwistjoni duttrinali rigward jekk il-​Kristjani mhux Lhud jiġux ċirkonċiżi u jissottomettux ruħhom għal-​Liġi taʼ Mosè. Il-​ġemgħa li tiggverna kitbet ittra li tispjega d-​deċiżjoni tagħha u ħarġet digrieti biex jiġu osservati.—Atti 15:23-29.

Żmien taʼ Rendikont għal Dak li Jmexxi d-​Dar

11. Kienet l-​inizzjattiva qawwija meħuda mill-​ġemgħa li tiggverna apprezzata mill-​aħwa, u x’juri li Jehovah bierek dan l-​arranġament?

11 Individwalment u bħala kongregazzjonijiet, il-​Kristjani tal-​bidu kienu japprezzaw din l-​inizzjattiva qawwija li kienet tieħu l-​ġemgħa li tiggverna. Wara li l-​kongregazzjoni f’Antijokija tas-​Sirja qrat l-​ittra mill-​ġemgħa li tiggverna, huma ferħu bl-​inkuraġġiment. Hekk kif kongregazzjonijiet oħra rċevew l-​informazzjoni u osservaw id-​digrieti, huma “komplew jintgħamlu sodi fil-​fidi u jiżdiedu fil-​għadd minn jum għal jum.” (Atti 16:5) B’mod li jidher, Alla bierek dan l-​arranġament.—Atti 15:30, 31.

12, 13. Liema ġrajjiet bassar Ġesù fil-​parabboli tiegħu tal-​miniet u tat-​talenti?

12 Iżda ejjew inħarsu lejn aspett ieħor taʼ din il-​kwistjoni sinjifikanti. Fit-​tixbieha tiegħu tal-​miniet, Ġesù xebbah lilu nnifsu maʼ raġel taʼ twelid nobbli li vvjaġġa lejn art ’il bogħod biex jakkwista poter taʼ sultan għalih innifsu u mbagħad irritorna. (Luqa 19:11, 12) Bħala riżultat tal-​irxoxt tiegħu fit-​33 E.K., Ġesù Kristu ġie eżaltat lejn il-​leminija t’Alla, fejn kellu jistenna sakemm l-​egħdewwa tiegħu jiġu mpoġġijin bħala banketta għal saqajh.—Atti 2:33-35.

13 F’tixbieha simili, il-​parabbola tat-​talenti, Ġesù qal li wara żmien twil, is-​sid ġie biex jagħmel il-​kontijiet mal-​irsiera tiegħu. Lill-​irsiera li wrew li kienu lejali, is-​sid qal: “Int kont fidil fuq ftit affarijiet. Jien se naħtrek fuq ħafna affarijiet. Idħol fil-​ferħ taʼ sidek.” Imma rigward l-​irsir mhux lejali, hu ddikjara: “Anki dak li għandu se jittieħed minn għandu. U ixħtu lill-​irsir li m’hu tajjeb għal xejn ’il barra fid-​dlam taʼ barra.”−Mattew 25:2l-23, 29, 30.

14. Ġesù xi stenna mill-​irsiera tiegħu midlukin bl-​ispirtu?

14 Wara żmien twil—kważi 19-il seklu—Kristu ngħata l-​poter taʼ sultan fl-​1914, fit-​tmiem taż-​“żminijiet maħtura tal-​ġnus.” (Luqa 21:24) Ftit wara dan, hu “ġie u għamel il-​kontijiet” mal-​irsiera tiegħu, Kristjani midlukin bl-​ispirtu. (Mattew 25:19) Ġesù xi stenna minnhom individwalment u kollettivament? L-​inkarigu tal-​prokuratur baqaʼ bħalma kien fl-​ewwel seklu. Kristu kien fada talenti lil individwi—“lil kull wieħed skond l-​abbiltà tiegħu stess.” B’hekk, Ġesù stenna riżultati taʼ proporzjon xieraq. (Mattew 25:15) Hawn tapplika r-​regola fl-​1 Korintin 4:2, li tgħid: “Dak li jiġi mfittex fi prokuratur hu li raġel jinstab fidil.” Li jħaddmu t-​talenti kien ifisser li bil-​fedeltà jaġixxu bħala ambaxxaturi t’Alla, billi jagħmlu dixxipli u jqassmulhom veritajiet spiritwali.—2 Korintin 5:20.

L-​“Irsir” u l-​Ġemgħa Tiegħu li Tiggverna Hekk Kif iż-​Żmien tat-​Tmiem Qorob

15. (a) Kristu xi stenna minn dak il-​wieħed kollettiv li jmexxi d-​dar tiegħu? (b) X’jindika li Kristu stenna li l-​klassi tal-​irsir se tkun qed tagħmel dan qabel il-​wasla tiegħu biex jispezzjona lid-​dar tiegħu?

15 Ġesù stenna li b’mod kollettiv Kristjani midlukin se jaġixxu bħala prokuratur lejali, billi jagħtu lill-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu “l-​kejl tagħhom tal-​provisti tal-​ikel f’waqtu.” (Luqa 12:42) Skond Luqa 12:43, Kristu qal: “Hieni hu dak l-​irsir, jekk sidu malli jasal isibu jagħmel hekk!” Dan jindika li għal xi żmien qabel wasal Kristu biex jagħmel il-​kontijiet mal-​irsiera tiegħu midlukin bl-​ispirtu, huma kellhom ikunu qed iqassmu l-​ikel spiritwali lill-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana, id-​dar t’Alla. Kristu lil min sab jagħmel hekk meta hu rritorna bil-​poter taʼ sultan fl-​1914 u ssokta jispezzjona lid-​dar t’Alla fl-​1918?—Malakija 3:l-4; Luqa 19:12; 1 Pietru 4:17.

16. Meta Kristu wasal biex jispezzjona lid-​dar t’Alla fl-​1918, għala ma sabx lill-​knejjes tal-​Kristjaneżmu jipprovdu ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq?

16 Hekk kif il-​perijodu li Ġesù għamel jistenna fuq il-​leminija taʼ Jehovah qorob lejn it-​tmiem, bil-​mod il-​mod sar ovvju min kien qed jagħti provisti taʼ ikel spiritwali lin-​nies taʼ dar Kristu saħansitra fiż-​żmien qabel l-​1914. Taħseb int li kienu l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu? Żgur li le, għax huma kienu nvoluti fil-​fond fil-​politika. Huma kienu servew taʼ għodda pronta għall-​espansjoni kolonjali u kienu ppruvaw jegħlbu lil xulxin biex jagħtu prova tal-​patrijottiżmu tagħhom, billi b’hekk inkuraġġew in-​nazzjonaliżmu. Dan malajr ġab ħtija taʼ demm kbira fuqhom, jiġifieri, meta taw l-​appoġġ attiv tagħhom lill-​gvernijiet politiċi nvoluti fl-​ewwel gwerra dinjija. Spiritwalment, il-​fidi tagħhom ġiet imdgħajfa mill-​Moderniżmu. Kriżi spiritwali ġiet miġjuba għaliex ħafna mill-​kleru tagħhom saru faċilment vittmi tal-​kritika iktar għolja u tal-​evoluzzjoni. L-​ebda nutriment spiritwali ma setaʼ jiġi mistenni mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu!

17. Kristu għala rrifjuta lil xi Kristjani midlukin u b’liema konsegwenza għalihom?

17 B’mod simili, l-​ebda ikel spiritwali nutrijenti ma kien ġej minn dawk il-​Kristjani midlukin li kienu iżjed ikkonċernati dwar is-​salvazzjoni persunali tagħhom milli li jħaddmu t-​talent taʼ Sidhom. Huma wrew li kienu ‘merħijin,’ mhux ikkwalifikati biex jieħdu ħsieb l-​affarijiet tas-​Sid. B’hekk, intefgħu “fid-​dlam taʼ barra,” fejn għadhom jinsabu l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu.—Mattew 25:24-30.

18. Is-​Sid lil min sab jipprovdi lill-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu b’ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq u xi prova hemm taʼ dan?

18 Meta wasal biex jispezzjona l-​irsiera tiegħu fl-​1918, għalhekk, is-​Sid, Ġesù Kristu, lil min sab jagħti lill-​ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu l-​kejl tal-​provisti tal-​ikel fiż-​żmien xieraq? Sewwa, sa dak iż-​żmien, min kien ta lil uħud sinċieri li kienu jfittxu l-​verità l-​fehma korretta dwar is-​sagrifiċċju bħala rahan, l-​isem divin, l-​inviżibbiltà tal-​preżenza taʼ Kristu, u s-​sinjifikat tal-​1914? Min kien kixef il-​falzità tat-​Trinità, tal-​immortalità tar-​ruħ umana, u tan-​nar tal-​infern? Min kien wissa dwar il-​perikli tal-​evoluzzjoni u tal-​ispiritiżmu? Il-​fatti juru li kien il-​grupp taʼ Kristjani midlukin imseħbin mal-​pubblikaturi tar-​rivista Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence, issa msejħa The Watchtower Announcing Jehovah’s Kingdom (It-Torri tal-​Għassa Jħabbar is-​Saltna taʼ Jehovah).

19. Klassi tal-​irsir fidil kif uriet lilha nfisha qabel l-​1918, b’liema mezzi kienet qassmet provisti taʼ ikel spiritwali, u minn meta?

19 Fil-​ħarġa tiegħu tal-​1 taʼ Novembru, 1944, The Watchtower stqarr: “Fl-​1878, erbgħin sena qabel il-​miġja tal-​Mulej fit-​tempju fl-​1918, kien hemm klassi taʼ Kristjani sinċieri kkonsagrati li kienu qatgħu kull rabta minn mal-​organizzazzjonijiet ġerarkiċi u kleriċi u li fittxew li jipprattikaw il-​Kristjanità . . . Is-​sena taʼ wara, jiġifieri, f’Lulju, 1879, sabiex il-​veritajiet li Alla permezz taʼ Kristu pprovda bħala ‘ikel f’waqtu’ jistgħu jiġu mqassma regolarment lid-​dar kollha taʼ wlied ikkonsagrati tiegħu, din ir-​rivista, The Watchtower, bdiet tiġi ppubblikata.”

20. (a) Ġemgħa li Tiggverna taż-​żmien modern kif tfaċċat fix-​xena? (b) X’kienu qed jagħmlu l-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna, u taħt il-​gwida taʼ min?

20 Billi tipprovdi informazzjoni fuq l-​iżvilupp tal-​Ġemgħa li Tiggverna taż-​żmien modern, il-​ħarġa tal-​15 taʼ Diċembru, 1971, taʼ The Watchtower spjegat: “Ħames snin wara [fl-1884] Zion’s Watch Tower Tract Society ġiet inkorporata u qdiet bħala ‘aġenzija’ biex timministra ikel spiritwali lil eluf taʼ persuni sinċieri li kienu qed ifittxu li jafu ’l Alla u li jifhmu l-​kelma tiegħu . . . Kristjani midlukin, iddedikati u mgħammdin saru assoċjati maʼ dik is-​Soċjetà fil-​kwartieri ġenerali f’Pennsylvania. Kemm jekk fuq il-​Bord tad-​Diretturi jew le, huma għamlu lilhom infushom disponibbli għal xogħol speċjali tal-​klassi tal-​‘irsir fidil u għaqli.’ Huma għenu f’li jitimgħu u f’li jidderieġu lill-​klassi tal-​irsir, u b’hekk tfaċċat ġemgħa li tiggverna. Dan kien b’mod evidenti taħt il-​gwida tal-​forza attiva inviżibbli jew spirtu qaddis taʼ Jehovah. Ukoll, taħt id-​direzzjoni tal-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana, Ġesù Kristu.”

21. (a) Kristu lil min sab iqassam ikel spiritwali u kif ippremjahom? (b) X’kien hemm maħżun għall-​irsir fidil u għall-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu?

21 Fl-​1918, meta Ġesù Kristu spezzjona lil dawk li kienu qed igħidu li huma l-​irsiera tiegħu, hu sab grupp internazzjonali taʼ Kristjani jippubblikaw veritajiet Bibliċi għall-​użu kemm ġewwa l-​kongregazzjoni u kemm barra fix-​xogħol tal-​ippridkar. Fl-​1919 verament irriżulta bħalma kien bassar Ġesù: “Hieni hu dak l-​irsir jekk sidu malli jasal isibu jagħmel hekk. Verament ingħidilkom, Hu se jaħtru fuq dak kollu li jippossjedi.” (Mattew 24:46, 47) Dawn il-​Kristjani veri daħlu fil-​ferħ taʼ Sidhom. Billi wrew lilhom infushom ‘fidili fuq ftit affarijiet’ huma ġew maħturin mis-​Sid biex ikunu “fuq ħafna affarijiet.” (Mattew 25:21) L-​irsir fidil u l-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu kienu f’posthom, lesti għal inkarigu miżjud. Kemm għandna nkunu ferħanin li dan kien hekk, għax Kristjani lejali qed jibbenefikaw b’mod għani mix-​xogħol iddedikat tal-​irsir fidil u l-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu!

Punti Ewlenin Biex Niftakruhom

◻ Min hu l-​Kap tad-​dar t’Alla, u Dan il-​wieħed lil min iddelega awtorità?

◻ Kristu liema inkarigu kollettiv ta lill-​klassi tal-​irsir?

Liema ġemgħa kollettiva oħra eżistiet ġewwa l-​klassi tal-​irsir, u x’kienu d-​doveri partikulari tagħha?

◻ Meta Kristu wasal biex jispezzjona lid-​dar t’Alla, min kien qed jipprovdi ikel spiritwali lill-​membri tagħha?

◻ Ġemgħa li Tiggverna taż-​żmien modern kif tfaċċat?

[Stampa f’paġna 6]

L-​“irsir” tal-​ewwel seklu kellu ġemgħa li tiggverna ffurmata mill-​appostli u l-​anzjani tal-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja