Nikkoperaw mal-Ġemgha li Tiggverna Llum
“Hu se jaħtru fuq ġidu kollu.”−LUQA 12:44.
1. Kristu f’liema saltna beda jaħkem fis-sena 33 E.K., u b’liema mezzi?
F’PENTEKOSTE tat-33 E.K., Ġesù Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni, beda jaħkem b’mod attiv fis-saltna tal-irsiera tiegħu midlukin bl-ispirtu. Dan kif? Permezz tal-ispirtu qaddis, tal-anġli, u taʼ ġemgħa viżibbli li tiggverna. Kif indika l-appostlu Pawlu, Alla ‘ħeles lill-midlukin mill-awtorità tad-dlam u għaddiehom għal ġos-saltna tal-Iben taʼ mħabbtu.’—Kolossin 1:13-18. Atti 2:33, 42; 15:2; Galatin 2:1, 2; Rivelazzjoni 22:16.
2. Kristu f’liema Saltna akbar beda jirrenja fl-1914?
2 Fit-tmiem taż-“żminijiet maħtura tal-ġnus,” Jehovah żied l-awtorità taʼ Kristu bħala sultan, billi firixha lil hinn mill-kongregazzjoni Kristjana. (Luqa 21:24) Iva, fis-sena 1914, Alla ta lil Ibnu awtorità taʼ sultan fuq il-“ġnus,” “is-saltna tad-dinja,” l-umanità kollha.—Salm 2:6-8; Rivelazzjoni 11:15.
Maħturin “Fuq Ġidu Kollu”
3, 4. (a) Fit-tixbieha taʼ Ġesù tal-miniet, min kien irrappreżentat mir-raġel taʼ twelid nobbli? (b) Liema żviluppi tas-Saltna seħħew fl-1918 u fl-1919?
3 Notevoli hawn hi t-tixbieha taʼ Ġesù taʼ raġel taʼ twelid nobbli. (Luqa 19:1l-27) Qabel ma vvjaġġa barra ‘l pajjiż biex jikseb poter taʼ sultan, ir-raġel ta lill-irsiera tiegħu flus (miniet) biex jaħdmu bihom. Meta wasal lura, dan ir-raġel, li jirrappreżenta lil Kristu, sejjaħ quddiemu lil “dawn l-irsiera li lilhom kien ta l-flus tal-fidda, sabiex isir jaf x’qalgħu bl-innegozjar.” (Luqa 19:15) Dan kif seħħ wara li Ġesù kiseb poter taʼ sultan?
4 Fl-1918 is-Sultan fuq it-tron Ġesù Kristu sab grupp żgħir taʼ Kristjani li qabel kienu ħallew il-knejjes tal-Kristjaneżmu u kienu attivi f’li jieħdu ħsieb l-interessi fuq l-art tas-Sid. Wara li rfinahom bħal li kieku bin-nar, Ġesù ta lill-irsiera tiegħu awtorità miżjuda fl-1919. (Malakija 3:l-4; Luqa 19:16-19) Hu ħatarhom “fuq ġidu kollu.”−Luqa 12:42-44.
“Provisti tal-Ikel fiż-Żmien Xieraq”
5, 6. (a) Liema inkarigu miżjud irċieva l-prokuratur taʼ Kristu? (b) Liema profeziji kienu waslu biex jitwettqu wara l-1914, u l-klassi tal-prokuratur kif kellha tipparteċipa b’mod attiv fit-twettieq tagħhom?
5 Is-Sultan renjanti Ġesù Kristu ta inkarigu akbar lill-prokuratur tiegħu, jew lil dak li jmexxi d-dar tiegħu, fuq l-art. Kristjani midlukin kellhom ikunu “ambaxxaturi” t’Alla li jissostitwixxu għal sultan inkurunat li ġie mogħti s-setgħa biex jaħkem fuq il-popli kollha tal-art. (2 Korintin 5:20; Danjel 7:14) Ir-responsabbiltà kollettiva tagħhom ma kinetx se tibqaʼ biss dik li jagħtu lill-ġisem taʼ Kristu taʼ qaddejja midlukin “il-kejl tagħhom taʼ provisti tal-ikel fiż-żmien xieraq.” (Luqa 12:42) Huma kellhom issa jieħdu parti attiva fit-twettieq tal-profeziji li kienu waslu biex iseħħu wara t-twaqqif tas-Saltna fl-1914.
6 Dan, fil-fatt, x’kien ifisser fil-prattika? Kien ifisser il-frix tal-ippridkar taʼ ‘din l-aħbar tajba tas-saltna mal-art abitata kollha.’ (Mattew 24:14) Barra minn dan, kien ifisser l-ippubblikar taʼ messaġġi qawwija taʼ ġudizzju kontra s-sistema mill-agħar taʼ Satana u kontra dawk li jappoġġjawha. L-effett taʼ dan kien li ‘heżheż lill-ġnus.’ B’hekk, “affarijiet mixtieqa,” in-“ngħaġ oħra” taʼ Kristu, bdew jidħlu. (Ħaggaj 2:7; Ġwann 10:16) Mill-1935 ’il quddiem, il-“folla kbira” bdiet dieħla bi ħġarha fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah mad-dinja kollha. (Rivelazzjoni 7:9, 10) Dan kien jirrikjedi titjib progressiv fl-organizzazzjoni. B’mod simboliku, ġebel ried jiġi mibdul b’ħadid, injam b’ram, ħadid b’fidda, u ram b’deheb. (Isaija 60:17) Dan kollu seħħ mill-1919 ’il hawn taħt id-direzzjoni attiva u mill-qrib taʼ Ġesù Kristu, li kien reħa l-interessi tas-Saltna kollha tiegħu tal-art, jew ġidu, lill-klassi tal-irsir fidil tiegħu u l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha.
7. Ir-responsabbiltajiet miżjuda tal-prokuratur x’kienu jinvolvu?
7 Nistgħu nifhmu faċilment li t-tagħbija taʼ responsabbiltà miżjuda u mgħoddija lill-irsir, prokuratur, jew dak li jieħu ħsieb id-dar tas-Sid kienet tinvolvi kitba u attivitajiet editorjali intensi. Provisti taʼ ikel spiritwali riedu jiġu ppubblikati reġolarment fil-ħin xieraq f’The Watchtower. Fl-1919 The Golden Age (rivista msieħba li iktar tard saret tissejjaħ Consolation, u mbagħad Awake!) bdiet tiġi ppubblikata biex tqajjem interess pubbliku, minbarra li tibni lin-“nies taʼ daru.” (Mattew 24:45) Għarar taʼ kotba, ktejjeb, u fuljetti wkoll ġew maħruġa matul is-snin.
Irfinar Kontinwu
8. Il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna għall-ewwel maʼ xiex ġew identifikati, u liema stqarrija għamel The Watchtower fl-1944?
8 Meta nħarsu lura f’dan iż-“żmien tat-tmiem,” m’aħniex sorpriżi li l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna kienu għall-ewwel identifikati mill-qrib mal-istaff editorjali tal-Watch Tower Society. (Danjel 12:4) L-artiklu “The Theocratic Alignment Today,” (bil-Malti, “Il-Qbil Teokratiku Llum”) ippubblikat f’The Watchtower tal-1 taʼ Novembru, 1944, qal: “B’mod raġonevoli, dawk li ġew fdati bl-ippubblikar tal-veritajiet irrivelati tal-Bibbja kienu jitqiesu bħala l-ġemgħa li tiggverna magħżula tal-Mulej biex tiggwida lil dawk kollha li xtaqu jqimu lil Alla fl-ispirtu u l-verità u jaqduh b’mod magħqud f’li jifirxu dawn il-veritajiet irrivelati lil oħrajn li kienu bil-ġuħ u bil-għatx.”
9. Il-Ġemgħa li Tiggverna iktar tard ma xiex ġiet identifikata mill-qrib, u għala?
9 Kien hemm ħtiġijiet legali nvoluti f’li jippubblikaw rivisti u għajnuniet oħra taʼ studju tal-Bibbja. B’hekk, il-Watch Tower Bible and Tract Society ġiet imwaqqfa u rreġistrata fl-istat taʼ Pennsylvania, l-Istati Uniti. Għal snin shaħ, il-Ġemgħa viżibbli li Tiggverna saret identifikata mal-bord tad-diretturi taʼ sebaʼ membri taʼ din il-korporazzjoni stabbilita biex tippubblika l-għajnuniet taʼ studju tal-Bibbja meħtieġa u wżati mill-poplu tal-Mulej mal-art kollha.
10, 11. Liema rfinar seħħ fl-1944, u x’kumment sar dwar dan f’The Watchtower?
10 Is-sebaʼ diretturi tas-Soċjetà kienu Kristjani lejali. Iżda l-pożizzjoni tagħhom f’korporazzjoni legali setgħet issuġġeriet li
huma kienu jafu l-pożizzjonijiet tagħhom fil-Ġemgħa li Tiggverna għall-fatt li kienu ġew eletti minn membri legali tal-Watch Tower Society. Barra minn dan, bil-liġi, li tkun membru u l-privileġġi tiegħu li tivvota kienu oriġinalment mogħtija biss lil xi wħud li taw kontribuzzjonijiet lis-Soċjetà. Dan l-arranġament ried jiġi mibdul. Dan sar fil-laqgħa annwali tal-korporazzjoni taʼ Pennsylvania tal-Watch Tower Society li nżammet fit-2 t’Ottubru, 1944. L-istatuti tas-Soċjetà ġew emendati biex b’hekk is-sħubija bħala membru ma tkunx iktar fuq bażi finanzjarja. Il-membri kellhom jintgħażlu minn fost qaddejja lejali taʼ Jehovah, u dawn saru jinkludu lil ħafna li jaqdu “full-time” fil-kwartieri ġenerali tas-Soċjetà fi Brooklyn, New York, u fil-fergħat tagħha madwar id-dinja.
11 Fir-rapport tiegħu dwar dan it-titjib, The Watchtower tal-1 taʼ Novembru, 1944, stqarr: “Il-flus, kif inhuma rrappreżentati f’kontribuzzjonijiet finanzjarji, m’għandhom ikollhom l-ebda leħen determinanti, m’għandhom fil-fatt ikollhom xejn x’jaqsmu mal-mili tal-ġemgħa li tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah fuq l-art. . . . L-ispirtu qaddis, il-forza attiva li tinżel mingħand Alla Jehovah permezz taʼ Kristu Ġesù, hu dak li għandu jiddetermina u jiggwida fil-kwistjoni.”
Differenti minn Bord taʼ Diretturi
12. X’juri li Jehovah bierek ir-raffinar taħt id-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna?
12 Il-progress tax-xogħol tal-ippridkar matul il-għaxriet taʼ snin taʼ wara jagħti prova li Jehovah bierek ir-raffinar li semmejna fil-fehma tal-Ġemgħa li Tiggverna. (Proverbji 10:22) Iva, il-għadd taʼ xandara tas-Saltna mal-art kollha qabeż minn inqas minn 130,000 fl-1944 għal 1,483,430 fl-1970! Iżda iktar titjib kien għad irid jiġi.
13. (a) Sal-1971, x’kienet is-sitwazzjoni rigward il-Ġemgħa li Tiggverna? (b) X’seħħ fil-laqgħa annwali tas-Soċjetà fl-1971?
13 Sal-1971 dawk mill-Ġemgħa li Tiggverna kienu għadhom identifikati mas-sebaʼ membri tal-bord tad-diretturi tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania. Il-president tas-Soċjetà ġarr it-tagħbija ewlenija taʼ responsabbiltà biex jagħmel deċiżjonijiet li jeffettwaw it-tħaddim tal-fergħat tas-Soċjetà mad-dinja kollha. Iżda taħdidiet taʼ importanza kbira ngħataw fil-laqgħa annwali li nżammet fl-1 t’Ottubru, 1971. Il-president tas-Soċjetà tkellem fuq is-suġġett “Bringing the Holy Place Into Right Condition,” (bil-Malti, “Inġibu l-Post Qaddis f’Qagħda Tajba”), u l-viċi president fuq is-suġġett “A Governing Body As Different From a Legal Corporation,” (bil-Malti, “Ġemgħa li Tiggverna Bħala li Hi Differenti minn Korporazzjoni Legali”). X’differenza hemm bejn il-Ġemgħa li Tiggverna u l-korporazzjoni legali?
14. Liema differenzi jeżistu bejn korporazzjoni legali u l-Ġemgħa li Tiggverna?
14 Bħalma ssemma qabel, il-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania għandha bord taʼ diretturi limitat għal sebaʼ membri. Dawn l-irġiel Kristjani ddedikati jiġu eletti għal perijodi taʼ tliet snin minn membri tal-korporazzjoni li jgħoddu għal mhux iżjed minn 500, li l-maġġoranza tagħhom m’humiex Kristjani midlukin. Barra minn dan, peress li l-eżistenza tal-korporazzjoni hija purament legali, bi kwartieri ġenerali ġeografiċi fissi, tistaʼ tiġi xolta minn Ċesri, jiġifieri, l-Istat. (Mark 12:17) Madankollu, il-Ġemgħa li Tiggverna mhix strument legali. Il-membri tagħha ma jiġux eletti. Huma jinħatru permezz tal-ispirtu qaddis taħt id-direzzjoni taʼ Alla Jehovah u Ġesù Kristu. (Qabbel Atti 20:28.) Barra minn dan, dawk li jiffurmaw il-Ġemgħa li Tiggverna huma rġiel maħtura bl-ispirtu mingħajr xi lokalità jew kwartieri ġeografiċi fissi b’mod obbligatorju.
15. Liema stqarrija dwar organizzazzjoni saret f’The Watchtower tal-15 taʼ Diċembru, 1971, u x’jistaʼ jingħad dwar il-Ġemgħa li Tiggverna taż-żmien modern?
15 Rigward dan ir-raffinar fil-fehma, The Watchtower tal-15 taʼ Diċembru, 1971, qal: “B’ħajr ix-xhieda Kristjani taʼ Jehovah jafu u jsostnu li din mhix xi organizzazzjoni reliġjuża taʼ bniedem wieħed iżda li hi għandha ġemgħa li tiggverna taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu.” Il-Ġemgħa li Tiggverna tal-klassi tal-irsir midluk u tal-miljuni taʼ ħbieb tagħhom fost in-ngħaġ oħra ġiet imgħammra b’mod progressiv biex tieħu ħsieb il-kariga tagħha taʼ indokrar.
16. Il-ġid tal-art taʼ Kristu kif żdied mill-1971 ’il hawn, u liema hu ftit minn dan il-ġid li fada fil-ħarsien tal-irsir fidil u għaqli, irrappreżentat mill-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu?
16 Il-ġid tal-art tas-Sultan Ġesù Kristu baqaʼ jikber b’mod kontinwu. Mill-1971 il-għadd taʼ Xhieda qabeż minn ftit inqas minn 1,600,000 għal quċċata taʼ iktar minn 3,700,000 fl-1989. Xi prova tal-barka t’Alla! (Isaija 60:22) Din iż-żjieda wasslet għal tkabbir tal-faċilitajiet fil-kwartieri tas-Soċjetà u fil-fergħat tagħha, kif ukoll fl-immodernizzar tal-metodi tal-produzzjoni u tat-tqassim. Irriżultat fil-bini taʼ ħafna Swali tas-Saltna u Swali tal-Assembleat mal-art kollha. Sadanittant, il-Ġemgħa li Tiggverna wkoll kompliet iġġorr ir-responsabbiltà tal-indokrar tax-xogħol tal-ippridkar, tal-produzzjoni taʼ materjal għal studju tal-Bibbja, u taʼ li taħtar indokraturi fil-fergħat, fid-distretti, fis-“circuits,” u fil-kongregazzjonijiet. Dawn huma l-interessi tas-Saltna li Kristu fada fil-ħarsien tal-irsir fidil u għaqli, irrappreżentat mill-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu.
17. Liema titjib ieħor fl-indokrar sar fl-1971, fl-1974, u fl-1976?
17 Il-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu ġiet miżjuda biex tinkludi iżjed mill-appostli taʼ Ġesù. Meta l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni ġiet deċiża, dik il-ġemgħa b’mod ċar kienet tinkludi “l-appostli u l-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm.” (Atti 15:1, 2) B’mod simili, il-Ġemgħa li Tiggverna ġiet miżjuda fl-1971 u mill-ġdid fl-1974. Biex isir iżjed faċli x-xogħol tagħhom taʼ indokrar, il-Ġemgħa li Tiggverna rranġat għal ħames kumitati biex jibdew jiffunzjonaw fl-1 taʼ Jannar, 1976. Kull kumitat huwa ffurmat minn bejn tlieta sa sitt membri, li lkoll kemm huma għandhom vuċi ugwali fi kwistjonijiet li jiġu kkunsidrati. Iċ-“chairman” taʼ kull kumitat jaqdi għal sena waħda, u membri individwali tal-Ġemgħa li Tiggverna jaqdu f’wieħed jew f’iżjed minn wieħed minn dawn il-kumitati. Kull wieħed minn dawn il-ħames kumitati jagħti attenzjoni partikulari lejn aspett speċifiku tal-ġid tal-art taʼ Kristu. Kumitat ieħor, is-sitt wieħed—il-Kumitat taċ-“Chairman,” li l-membri tiegħu jbiddlu posthom kull sena, jittratta xi problemi urġenti.
Koperazzjoni Attiva Mal-Ġemgħa li Tiggverna
18. Kif topera l-Ġemgħa li Tiggverna, u liema hu mod wieħed kif aħna nistgħu nirriflettu l-koperazzjoni tagħna magħha?
18 Il-kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna jkollhom laqgħat taʼ kull ġimgħa biex jirrevedu affarijiet importanti, jieħdu deċiżjonijiet wara konsiderazzjonijiet bit-talb, u jippjanaw għal attivita teokratika fil-futur. Bħalma ġie nnotat qabel, Atti kapitlu 15 juri li mistoqsija iebsa li riedet tiġi solvuta ġiet irreferuta għall-attenzjoni tal-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu. B’mod simili llum, mistoqsijiet importanti huma rreferuti lill-Ġemgħa li Tiggverna kollha kemm hi, li tiltaqaʼ darba fil-ġimgħa jew iktar spiss jekk ikun hemm bżonn. Il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna, fil-preżent 12 fil-għadd, ifittxu d-direzzjoni taʼ Alla Jehovah mill-Iskrittura u permezz tat-talb. Mod wieħed li bih nirriflettu l-koperazzjoni tagħna mal-Ġemgħa li Tiggverna hu billi niftakru lil dawn l-uħud maħturin b’mod speċjali fit-talb tagħna taʼ kuljum.—Rumani 12:12.
19. L-istruzzjonijiet tal-Ġemgħa li Tiggverna kif jaslu għand il-kongregazzjonijiet?
19 L-istruzzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Ġemgħa li Tiggverna kif jaslu għand il-kongregazzjonijiet? Wara li l-membri tal-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu waslu għad-deċiżjoni tagħhom bil-għajnuna tal-ispirtu t’Alla, huma bagħtu ittra lill-kongregazzjonijiet. (Atti 15:22-29) Madankollu, il-metodu prinċipali llum hu permezz taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani.
20. (a) Liema raffinar organizzazzjonali ieħor intgħamel fl-1976? (b) Il-Kumitati tal-Fergħat kif jikkoperaw mal-Ġemgħa li Tiggverna?
20 Mill-1 taʼ Frar, 1976, ’il hawn, kull waħda mill-fergħat tal-Watch Tower Society bdiet ikollha Branch Committee (Kumitat tal-Fergħa) iffurmat minn irġiel kapaċi maħturin mill-Ġemgħa li Tiggverna. Bħala rappreżentanti tal-Ġemgħa li Tiggverna għal pajjiż jew pajjiżi taħt il-ħarsien tal-fergħa tagħhom, dawn l-aħwa jridu jkunu rġiel fidili u lejali. Dan ifakkarna fl-irġiel kapaċi li kellhom il-biżaʼ t’Alla u kienu taʼ min jafdahom u li għenu lil Mosè jiġġudika lill-poplu f’Iżrael tal-qedem. (Eżodu 18:17-26) Membri taʼ Branch Committee jimplimentaw l-istruzzjonijiet li jkunu ħadu permezz tal-kotba jew rivisti tas-Soċjetà u tal-Our Kingdom Ministry, kif ukoll minn ittri ġenerali u ittri speċjali li jittrattaw maʼ problemi lokali. Kumitati tal-Fergħat iżommu lill-Ġemgħa li Tiggverna aġġornata dwar il-progress tax-xogħol f’kull art u dwar problemi li jistgħu jqumu. Rapporti bħal dawn minn mad-dinja kollha jgħinu lill-Ġemgħa li Tiggverna biex tiddeċiedi liema suġġetti għandhom jiġu kkunsidrati fil-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà.
21. Indokraturi li jivvjaġġaw kif jiġu maħturin, u x’jinkludu d-doveri tagħhom?
21 Taħt id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis, Kumitati tal-Fergħat jirrikkmandaw irġiel spiritwali u maturi biex jaqdu bħala indokraturi tas-“circuits” u tad-distretti. Wara li jiġu maħtura direttament mill-Ġemgħa li Tiggverna, huma jaqdu bħala indokraturi li jivvjaġġaw. Dawn l-aħwa jżuru “cirċuits” u kongregazzjonijiet sabiex jibnuhom spiritwalment u jgħinuhom japplikaw l-istruzzjonijiet ġejjin mill-ġemgħa li Tiggverna. (Qabbel Atti 16:4; Rumani 1:11, 12.) Indokraturi li jivvjaġġaw jibagħtu rapporti lill-uffiċċju tal-fergħa. Bil-għajnuna tal-ispirtu qaddis u l-Iskrittura mnebbħa, huma jieħdu sehem maʼ anzjani lokali f’li jirrikkmandaw aħwa rġiel ikkwalifikati biex jinħatru bħala qaddejja ministerjali u anzjani mill-Ġemgħa li Tiggverna jew mir-rappreżentanti tagħha.—Filippin 1:1; Titus 1:5; qabbel 1 Timotew 3:l-13; 4:14.
22. (a) Anzjani tal-kongregazzjoni kif jikkoperaw mal-Ġemgħa li Tiggverna? (b) Xi prova hemm li Jehovah qed ibierek dan l-arranġament teokratiku?
22 Mill-banda l-oħra, dawk li jiffurmaw il-ġemgħat taʼ anzjani ‘jieħdu ħsieb tagħhom infushom u tal-merħla kollha, li fostha l-ispirtu qaddis ħatarhom indokraturi.’ (Atti 20:28) Dawn l-indokraturi fedelment ifittxu li japplikaw l-istruzzjonijiet ġejjin mingħand Alla Jehovah u Ġesù Kristu permezz tal-irsir fidil u għaqli u l-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. Jehovah qed ibierek dan l-arranġament teokratiku, għax ‘il-kongregazzjonijiet ikomplu jintgħamlu sodi fil-fidi u jiżdiedu fil-għadd minn jum għal jum.’—Atti 16:5.
23. Rigward il-Ġemgħa li Tiggverna, għandna nkunu determinati li nagħmlu liema ħaġa?
23 Kemm hu mill-aħjar li permezz tal-Ġemgħa li Tiggverna, Alla Jehovah u s-Sid, Ġesù Kristu, qed juru appoġġ lill-poplu t’Alla! (Salm 94:14) Bħala parti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah, aħna individwalment nibbenefikaw minn dan l-appoġġ. (Salm 145:14) Dan għandu jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna li nikkoperaw mal-arranġamenti t’Alla. Tabilħaqq, jalla dejjem ninsabu nikkoperaw mal-ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah hekk kif nimxu ’l quddiem lejn iż-żmien meta “l-art ċertament li se tkun mimlija bil-għarfien taʼ Jehovah bħalma l-ilmijiet qed jiksu l-baħar innifsu.”−Isaija 11:9.
Punti Ewlenin Biex Niftakruhom
◻ Liema responsabbiltajiet miżjudin irċeviet il-klassi tal-prokuratur fl-1919?
◻ Għal ħafna snin, maʼ xiex kienet identifikata l-Ġemgħa li Tiggverna viżibbli?
◻ Liema raffinar progressiv intgħamel fil-ħatra tal-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna?
◻ Liema hu xi ftit mill-ġid tal-art taʼ Kristu li hu fada lill-klassi tal-irsir u l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha?
◻ Kif nistgħu nikkoperaw mal-Ġemgħa li Tiggverna?
[Stampi f’paġna 12, 13]
Mill-kwartieri ġenerali dinjin tagħha fi Brooklyn, New York, il-Ġemgha li Tiggverna tindokra x-xogħol taʼ ppubblikar u ppridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah fi 93 fergħat tal-Watch Tower Society
Ġermanja
Ġappun
Afrika t’Isfel
Brażil