KAPITLU 6
L-iben li kien imwiegħed
ĠESÙ JIĠI ĊIRKONĊIŻ U MBAGĦAD JITTIEĦED FIT-TEMPJU
Ġużeppi u Marija jibqgħu Betlem minflok ma jmorru lura Nazaret. Meta Ġesù jkollu tmint ijiem jiġi ċirkonċiż, fi qbil mal-Liġi t’Alla lil Iżrael. (Levitiku 12:2, 3) Ukoll, hi d-drawwa li tifel jingħatalu ismu dakinhar. Huma jsemmu lil binhom Ġesù, kif kien qalilhom l-anġlu Gabrijel.
Jgħaddi iktar minn xahar, u Ġesù għandu 40 ġurnata. Il-ġenituri tiegħu issa fejn jiħduh? Fit-tempju taʼ Ġerusalemm, li hu biss ftit kilometri ’l bogħod minn fejn qed joqogħdu. Il-Liġi tgħid li 40 jum wara li jitwieled tifel, l-omm għandha tieħu offerta tal-purifikazzjoni fit-tempju.—Levitiku 12:4-8.
Marija hekk tagħmel. Bħala offerta, hi tieħu żewġ għasafar żgħar. Dan jgħallimna xi ħaġa dwar il-qagħda finanzjarja taʼ Ġużeppi u Marija. Skont il-Liġi, kellhom jiġu offruti muntun żgħir u għasfur. Imma jekk l-omm ma kellhiex biex tixtri muntun, żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen kienu jkunu biżżejjed. Dan hu l-każ taʼ Marija u allura hekk toffri.
Fit-tempju, raġel imdaħħal fiż-żmien jersaq lejn Ġużeppi u Marija. Hu jismu Simegħon. Alla rrivelalu li qabel ma jmut, hu se jara l-Kristu, jew il-Messija, imwiegħed taʼ Ġeħova. F’dan il-jum Simegħon jiġi mmexxi mill-ispirtu qaddis lejn it-tempju, fejn isib lil Ġużeppi u Marija maʼ binhom iż-żgħir. Simegħon jerfaʼ lit-tarbija.
B’Ġesù f’dirgħajh, Simegħon irodd ħajr lil Alla billi jgħid: “Issa, Mulej Sovran, qed tħalli lill-ilsir tiegħek imur ħieles fil-paċi skond dak li għedt; għax għajnejja raw il-mezz tiegħek taʼ salvazzjoni li int ipprovdejt quddiem il-popli kollha, dawl biex ineħħi l-velu lill-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Israel.”—Luqa 2:29-32.
Ġużeppi u Marija jibqgħu skantati b’dan il-kliem. Simegħon iberikhom u jgħid lil Marija li binha “jitqiegħed għall-waqgħa u l-qawma mill-ġdid taʼ ħafna f’Israel” u li n-niket, bħal sejf jaqtaʼ, se jinfed lil ruħha.—Luqa 2:34.
F’dan il-jum hemm xi ħadd ieħor fit-tempju. Anna, profetessa li għandha 84 sena. Infatti, hi qatt ma tkun nieqsa mit-tempju. F’dan il-ħin stess, hi tmur ħdejn Ġużeppi, Marija, u ċ-ċkejken Ġesù. Anna tibda tirringrazzja lil Alla u titkellem dwar Ġesù maʼ kull min lest li jismaʼ.
Tistaʼ timmaġina kemm dawn il-ġrajjiet fit-tempju għamluhom ferħanin lil Ġużeppi u Marija! Ċertament li dan kollu jikkonfermalhom li binhom hu l-Wieħed Imwiegħed t’Alla.