Hu Ra t-Twettieq tax-Xewqa taʼ Qalbu
HIJA x-xewqa taʼ qalbek li tara s-Saltna Messjanika jkollha dominju sħiħ għal fuq l-art kollha? Jekk inhu hekk, int tixxennaq u titlob għall-barkiet imwegħdin għall-art taħt dik is-Saltna tas-sema. Eżerċita l-paċenzja, allura, għax “[i]l-ħaġa mixtieqa hi siġra tal-ħajja meta tassew tasal.”—Proverbji 13:12; Ġakbu 5:7, 8.
Kważi 2,000 sena ilu, kien hemm jgħix f’Ġerusalemm ir-raġel “twajjeb u reverenzjali” Simeon. Hu kellu fidi fi profeziji Messjaniċi u kien qiegħed bil-paċenzja “jistenna l-konsolazzjoni taʼ Iżrael.”—Luqa 2:25.
Profeziji Messjaniċi Jagħtu Tama
Jehovah kien responsabbli għall-ewwel profezija Messjanika—waħda li tat tama lill-umanità midinba u moribonda. Alla bassar il-miġja taż-Żerriegħa tal-“mara,” jew organizzazzjoni universali, tiegħu.—Ġenesi 3:15.
Dak il-Wieħed ġie identifikat bħala ż-żerriegħa taʼ Abraham, u Ġakobb bassar il-miġja tiegħu. (Ġenesi 22:17, 18; 49:10) Il-glorji tas-Saltna Messjanika ġew imfaħħrin fis-salmi. (Salm 72:1-20) Isaija bassar li ż-Żerriegħa kellu jitwieled minn verġni, u Mikea pprofetizza li t-twelid kellu jseħħ f’Betlehem. (Isaija 7:14; Mikea 5:2) Dawn huma biss ftit mill-ħafna profeziji Messjaniċi.
Xorta Ebda Messija!
Irrifletti fuq l-imgħoddi, u immaġina li l-ewwel seklu taʼ l-E.K. qiegħed joqrob. Il-profezija Messjanika oriġinali għandha 4,000 sena. Il-Lhud ġarrbu l-qerda tat-tempju taʼ Jehovah, il-ħerba taʼ art twelidhom, eżilju taʼ 70 sena f’Babilonja, u 500 sena oħra taʼ sottomissjoni lejn ħakkiema Ġentili. Xorta ebda Messija!
Kemm ixxennqu għall-miġja tal-Messija dawk il-Lhud li kienu jibżgħu minn Alla! Mingħandu kellhom inixxu l-barkiet għalihom u għall-ġnus kollha.
Raġel Tar-Rispett
Fost Lhud tar-rispett li kienu qegħdin jixxennqu u jitolbu għall-miġja tal-Messija hemm Simeon, qaddej leali taʼ Jehovah imdaħħal fiż-żmien u li kien jgħix fil-belt kapitali tal-Ġudea. Xi ħaġa speċjali ġratlu lil Simeon.
Alla poġġa l-ispirtu qaddis tiegħu fuq Simeon u ppremjah b’rivelazzjoni. Simeon m’huwiex se jmut sakemm jara lil Dak li se jkun il-Messija. Imma jiem u xhur qegħdin igerbbu. Simeon qiegħed jixjieħ u ma tantx jistaʼ jistenna li jgħix ħafna iktar. Se titwettaq il-wegħda li għamel Alla miegħu?
Jum fost l-oħrajn, (fis-sena 2 Q.E.K.), koppja żagħżugħa b’tarbija jiġu fit-tempju minn Betlehem. L-ispirtu qaddis jirrivela lil Simeon li dan hu l-jum tant mistenni. Hu jmur fit-tempju, fejn jara lil Dak li dwaru l-profeti kienu kitbu. Billi jgħaġġel daqskemm jippermettilu l-ġisem xwejjaħ tiegħu, hu jara lil Ġużeppi, lil Marija u lit-tifel.
B’liema ferħ Simeon jieħu lit-tifel Ġesù f’dirgħajh! Dan il-Wieħed se jkun il-Messija mwiegħed—“il-Kristu taʼ Jehovah.” F’dik l-età tant avvanzata, Simeon ma jistax jittama li jara lil Ġesù jwettaq il-missjoni Tiegħu fuq l-art. Madankollu, hija ħaġa taʼ l-għaġeb li jistaʼ jarah bħala tarbija. Profeziji Messjaniċi qegħdin jibdew jitwettqu. Kemm hu ferħan Simeon! Issa se jkun kuntent li jorqod fil-mewt sa l-irxoxt.—Luqa 2:25-28.
Il-Kliem Profetiku Taʼ Simeon
Hekk kif Simeon jgħolli leħnu f’tifħir lil Jehovah, nisimgħuh jgħid: “Issa, Mulej Sovran, int qiegħed tħalli lill-irsir tiegħek imur ħieles fil-paċi skond id-dikjarazzjoni tiegħek; għaliex għajnejja raw il-mezz tiegħek taʼ salvazzjoni li int lestejt quddiem wiċċ il-popli kollha, dawl biex jitneħħa l-velu mill-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.” Ġużeppi, il-missier putattiv taʼ Ġesù, u Ommu, Marija, ikomplu jistagħġbu b’dan il-kliem.—Luqa 2:29-33.
L-espressjoni fuq wiċċ Simeon qiegħda tiddi hekk kif ibierek lil Ġużeppi u lil Marija, billi b’mod evidenti qiegħed jixtiqilhom il-barka taʼ Jehovah f’li jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn it-tifel. Imbagħad wiċċ ix-xwejjaħ jisserja. Billi jidderieġi r-rimarki tiegħu lil Marija biss, hu jżid: “Ħares! Dan il-wieħed huwa mqiegħed għall-waqgħa u għall-qawmien mill-ġdid taʼ ħafna f’Iżrael u għal sinjal biex jitkellmu kontra tiegħu (iva, xabla twila se tinfed lir-ruħ tiegħek innifsek), sabiex l-irraġunar taʼ ħafna qlub jistaʼ jinkixef.”—Luqa 2:34, 35.
L-Istqarrija Taʼ Simeon Lil Marija
Immaġina kif ħassitha Marija. X’ried ifisser Simeon? Xi wħud kellhom jaċċettaw lil Kristu u jiġu mgħollijin mill-istat diġà mwaqqaʼ tagħhom. Madankollu, oħrajn kellhom jirrifjutawh, jitfixklu fuqu, u jaqgħu. Bħalma hu mbassar, Ġesù ta prova li kien ġebla taʼ tfixkil għal ħafna Lhud. (Isaija 8:14; 28:16) Il-kliem taʼ Simeon ma jfissirx li Iżraeliti individwali kellhom l-ewwelnett jaqgħu f’nuqqas taʼ twemmin u mbagħad jerġgħu jibdew jemmnu billi jaċċettaw lil Ġesù. Minflok, ir-reazzjonijiet lejh kellhom ivarjaw skond individwi differenti, billi jikxfu l-irraġunar taʼ ħafna qlub u jwassluhom għall-ġudizzju t’Alla fuqhom għat-tajjeb jew għall-ħażin. Għal uħud li ma jemmnux, hu kellu jkun bħala sinjal, jew oġġett taʼ tmaqdir. Billi jpoġġu fidi fih, oħrajn kellhom jiġu merfugħin milli jkunu mejtin fin-nuqqasijiet u d-dnubiet u kellhom jiġu biex igawdu waqfa taʼ tjieba m’Alla. L-azzjonijiet tan-nies lejn il-Messija kellhom juru x’kien hemm fi qlubhom.
Xi ngħidu dwar il-kliem taʼ Simeon: “Xabla twila se tinfed lir-ruħ tiegħek innifsek”? M’hemm ebda indikazzjoni Skritturali li lil Marija attwalment nifditha xi xabla. Madankollu, li l-maġġoranza rrifjutaw lil Ġesù kellu jnikkitha. U kemm kien taʼ uġigħ għal Marija li tara lil Ġesù msammar maʼ zokk! Dan kien qisu nifditha xi xabla.
Simeon Japplika Profeziji Messjaniċi
L-ispirtu t’Alla kien qanqal lil Simeon biex japplika profeziji Messjaniċi għal Ġesù. Simeon setaʼ jħalli din id-dinja fil-paċi, jew fit-trankwillità, ‘għaliex għajnejh kienu raw il-mezz taʼ salvazzjoni t’Alla li Hu lesta quddiem wiċċ il-popli kollha, dawl biex jitneħħa l-velu mill-ġnus u glorja tal-poplu Tiegħu Iżrael.’ (Luqa 2:30-32) Kemm kien japplika tajjeb dan għall-kliem profetiku taʼ Isaija!
Dak il-profeta bassar: “Il-glorja taʼ Jehovah ċertament li se tiġi rrivelata, u l-laħam kollu jrid jaraha flimkien.” “Jien [Jehovah] ukoll tajtek [lill-Messija] għal dawl tal-ġnus, biex is-salvazzjoni tiegħi tistaʼ tiġi li tkun sa l-estremità taʼ l-art.” (Isaija 40:5; 42:6; 49:6; 52:10) L-Iskrittura Griega Kristjana u l-fatti fiżiċi minn dak in-nhar ’il hawn sostnew li l-Messija, Ġesù Kristu, huwa l-veru dawl tal-ġnus, il-Wieħed li jneħħi l-velu taʼ dlam spiritwali u jġib salvazzjoni lin-nies.
Il-Kelma t’Alla ma tgħid xejn iktar dwar ix-xwejjaħ Simeon. B’mod evidenti hu miet qabel ma Kristu fetaħ it-triq għall-ħajja fis-sema. Dalwaqt, allura, Simeon se jiġi rxoxtat għall-ħajja fuq l-art. X’ferħ hu—u int—tistgħu ġġarrbu fid-dinja l-ġdida taħt is-Saltna Messjanika t’Alla! (w94 3/15)