KAPITLU 93
Bin il-bniedem se jiġi rivelat
IS-SALTNA QIEGĦDA F’NOFSHOM
X’SE JIĠRI META ĠESÙ JIĠI RIVELAT?
Waqt li Ġesù għadu s-Samarija jew il-Galilija, xi Fariżej jistaqsuh dwar il-wasla tas-Saltna, li huma jistennew li se sseħħ b’ħafna pompa u ċerimonji. Madankollu, hu jgħid: “Is-saltna t’Alla mhix ġejja b’mod li jispikka, u n-nies ma jkunux qed jgħidu, ‘Ara hawn!’ jew, ‘Hemm!’ Għax, ara! Is-saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.”—Luqa 17:20, 21.
Xi wħud għandhom mnejn jikkonkludu li Ġesù qed jgħid li s-Saltna qiegħda f’qalb il-qaddejja t’Alla. Madankollu, dan ma jistax ikun li hu minnu, għax is-Saltna mhijiex fil-qalb tal-Fariżej li Ġesù qed ikellem. Però, hija f’nofshom għax is-Sultan magħżul tas-Saltna t’Alla, Ġesù, qiegħed hemmhekk fosthom.—Mattew 21:5.
X’aktarx wara li jitilqu l-Fariżej, Ġesù jagħti lid-dixxipli tiegħu iktar dettalji dwar il-miġja tas-Saltna. Rigward il-preżenza tiegħu bħala l-mexxej tas-Saltna, l-ewwel iwissi: “Jiġu jiem meta tkunu tixtiequ taraw wieħed mill-jiem taʼ Bin il-bniedem imma ma tarawhx.” (Luqa 17:22) Ġesù qed jindika li r-renju taʼ Bin il-bniedem fis-Saltna se jkun fil-futur. Qabel ma jasal dan iż-żmien, xi dixxipli għandhom mnejn ifittxuh bil-ħerqa, imma se jkollhom jibqgħu jistennew sakemm ikun iż-żmien stabbilit t’Alla biex jiġi Bin il-bniedem.
Ġesù jkompli: “In-nies jgħidulkom, ‘Ara hemm!’ jew, ‘Ara hawn!’ Toħorġux barra jew tmorru tiġru warajhom. Għax saħansitra bħalma sajjetta, bid-dawl tagħha, tiddi minn parti s’oħra tas-sema, hekk se jkun Bin il-bniedem.” (Luqa 17:23, 24) Id-dixxipli taʼ Ġesù kif se jiġu protetti kontra li jmorru jiġru wara messijiet foloz? Ġesù jgħid li l-miġja tal-Messija l-veru se tkun bħal sajjetta li tidher minn ħafna postijiet. L-evidenza tal-preżenza tiegħu bħala l-mexxej tas-Saltna se tidher ċara għal dawk kollha li jkunu attenti għaliha.
Imbagħad Ġesù jagħmel xebh maʼ ġrajjiet tal-qedem biex juri kif se jkunu l-attitudnijiet tan-nies matul dan il-perijodu fil-futur: “Bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll ikun fi żmien Bin il-bniedem . . . Bl-istess mod, bħalma ġara fi żmien Lot: kienu qed jieklu, kienu qed jixorbu, kienu qed jixtru, kienu qed ibigħu, kienu qed iħawlu, u kienu qed jibnu. Imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma niżlet xita taʼ nar u kubrit mis-sema u qerdithom ilkoll. L-istess jiġri dakinhar li Bin il-bniedem jiġi rivelat.”—Luqa 17:26-30.
Ġesù mhuwiex qed jgħid li n-nies fi żmien Noè u fi żmien Lot inqerdu għax għamlu attivitajiet normali bħal li jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, u jibnu. Anki Noè u Lot u l-familji tagħhom għamlu minn tal-inqas xi ftit minn dawn l-affarijiet. Imma n-nies l-oħra kienu qed jagħmlu dawn mingħajr ma jagħtu kas ir-rieda t’Alla u kienu qed jinjoraw iż-żmien li kienu qed jgħixu fih. Għalhekk, Ġesù qed iwissi lid-dixxipli tiegħu biex jagħtu kas ir-rieda t’Alla u biex ikollhom sehem attiv fiha. B’hekk, qed jurihom il-mod kif isalvaw—jiġifieri, il-mod kif jibqgħu ħajjin—meta Alla jġib qerda fil-futur.
Id-dixxipli se jkollhom bżonn jevitaw li jiġu aljenati mill-affarijiet fid-dinja taʼ madwarhom, ‘l-affarijiet li ħallew warajhom.’ Ġesù jgħid: “Dakinhar min ikun fuq il-bejt imma jkollu l-affarijiet tiegħu d-dar ħa ma jinżilx biex jiġborhom, u min ikun barra fl-għalqa, bl-istess mod ħa ma jmurx lura lejn l-affarijiet li ħalla warajh. Ftakru f’mart Lot.” (Luqa 17:31, 32) Hi saret kolonna tal-melħ.
Ġesù jkompli d-deskrizzjoni tiegħu taʼ kif se tkun is-sitwazzjoni meta Bin il-bniedem se jirrenja bħala Sultan billi jgħid lid-dixxipli tiegħu: “F’dak il-lejl tnejn ikunu f’sodda waħda; wieħed jittieħed, imma l-ieħor jiġi abbandunat.” (Luqa 17:34) Allura xi wħud se jiksbu s-salvazzjoni, imma oħrajn se jiġu abbandunati, jiġifieri, jitilfu ħajjithom.
Id-dixxipli jistaqsu: “Fejn, Mulej?” Ġesù jwiġibhom: “Fejn hemm il-ġisem, hemmhekk ukoll l-ajkli jinġemgħu flimkien.” (Luqa 17:37) Iva, xi wħud se jkunu bħal ajkli li kapaċi jaraw fil-bogħod. Dawn id-dixxipli se jinġemgħu flimkien għand il-Kristu l-veru, Bin il-bniedem. F’dan iż-żmien fil-futur, Ġesù se jagħti lid-dixxipli leali tiegħu verità li ssalva l-ħajja.