‘Agħmel Ħbieb Permezz tar-Rikkezzi bla Tjieba’
“Agħmlu ħbieb għalikom infuskom permezz tar-rikkezzi bla tjieba . . . Il-persuna li hi leali f’dak li huwa l-inqas hi leali wkoll fil-ħafna.”—LUQA 16:9, 10.
1. Mosè u wlied Iżrael kif faħħru lil Jehovah wara l-ħarba tagħhom mill-Eġittu?
MEĦLUSIN b’miraklu—x’esperjenza li ssaħħaħ il-fidi! L-eżodu taʼ Iżrael mill-Eġittu ma setaʼ jiġi attribwit lil ħadd ieħor ħlief lil Jehovah, Dak li Jistaʼ Kollox. M’huwiex sorprendenti għalhekk li Mosè u l-Iżraeliti kantaw: “Saħħti u s-setgħa tiegħi hu Jah, ladarba jservi għas-salvazzjoni tiegħi. Dan hu Alla tiegħi, u jien se nfaħħru; Alla taʼ missieri, u jien se ngħollih ’il fuq.”—Eżodu 15:1, 2; Dewteronomju 29:2.
2. In-nies taʼ Jehovah x’ħadu magħhom hekk kif telqu mill-Eġittu?
2 Il-ħelsien li Iżrael kienu għadhom kif sabu kemm kien taʼ kuntrast mas-sitwazzjoni tagħhom fl-Eġittu! Issa setgħu jqimu lil Jehovah bla xkiel. U ma telqux mill-Eġittu b’idhom vojta. Mosè jirrakkonta: “Ulied Iżrael . . . marru jitolbu mingħand l-Eġizzjani oġġetti tal-fidda u oġġetti tad-deheb u mantelli. U Jehovah ta lin-nies favur f’għajnejn l-Eġizzjani, u b’hekk dawn tawhom dak li ntalab; u neżżgħu lill-Eġizzjani.” (Eżodu 12:35, 36) Imma kif użaw dawn ir-rikkezzi taʼ l-Eġittu? Irriżulta dan f’li ‘jgħollu lil Jehovah ’il fuq’? X’nitgħallmu mill-eżempju tagħhom?—Qabbel 1 Korintin 10:11.
Il-“Kontribuzzjoni Taʼ Jehovah”
3. L-użu tad-deheb taʼ Iżrael f’qima falza qanqal liema reazzjoni mingħand Jehovah?
3 Matul l-40 jum li Mosè qattaʼ fuq il-Muntanja Sinaj biex jirċievi l-istruzzjonijiet t’Alla għal Iżrael, in-nies li kienu jistennew taħt saru bla paċenzja. Billi qaċċtu minn fuqhom l-imsielet tad-deheb, ġiegħlu lil Aronne jagħmel xbiha għalihom biex iqimuha. Aronne bnielhom ukoll artal, u kmieni l-għada fil-għodu, huma offrew sagrifiċċji hemm. Għamilhom dan l-użu tad-deheb tagħhom għeżież għall-Ħellies tagħhom? Ċertament li le! “Issa ħallini,” Jehovah iddikjara lil Mosè, “biex ir-rabja tiegħi tistaʼ tixgħel kontra tagħhom u jien nistaʼ neqridhom għalkollox.” Kien biss minħabba t-tħannin taʼ Mosè li Jehovah ħafirha lill-ġens, għalkemm l-organizzaturi taʼ l-irvell inqatlu b’kastig minn Alla.—Eżodu 32:1-6, 10-14, 30-35.
4. X’kienet “il-kontribuzzjoni taʼ Jehovah,” u min offrieha?
4 Iktar tard, Iżrael kellhom l-opportunità li jużaw ir-rikkezzi tagħhom b’mod li kien jogħġob lil Jehovah. Huma ġabru “kontribuzzjoni għal Jehovah.”a Deheb, fidda, ram, ħajt blu, diversi drappijiet miżbugħin, ġlud tal-kbiex, ġlud tal-bumerini, u njam taʼ l-akaċja kienu fost id-donazzjonijiet għall-bini u t-tagħmir tat-tabernaklu. Ir-rakkont jiffoka l-attenzjoni tagħna fuq l-attitudni tal-kontributuri. “Ħalli kull wieħed li għandu qalbu trid iġib din bħala kontribuzzjoni taʼ Jehovah.” (Eżodu 35:5-9) Iżrael wieġbu b’mod li jgħaġġeb. Għalhekk, it-tabernaklu kien struttura taʼ “ġmiel u grandezza sublimi,” biex nikkwotaw il-kliem taʼ wieħed studjuż.
Kontribuzzjonijiet Għat-Tempju
5, 6. F’konnessjoni mat-tempju, David kif uża r-rikkezzi tiegħu, u oħrajn kif wieġbu?
5 Għalkemm is-Sultan Salamun taʼ Iżrael idderieġa l-bini taʼ dar permanenti għall-qima taʼ Jehovah, David, missieru, kien għamel preparazzjonijiet estensivi għaliha. David ġabar kwantità kbira taʼ deheb, fidda, ram, ħadid, injam, u ħaġar prezzjuż. “Ladarba qiegħed nieħu gost fid-dar t’Alla tiegħi,” David qal lin-nies tiegħu, “għad hemm proprjetà speċjali minn tiegħi, deheb u fidda; jien tassew nagħtiha lid-dar t’Alla tiegħi iżjed minn dak kollu li jien ħejjejt għad-dar qaddisa: tlett elef talent taʼ deheb . . . u sebat elef talent taʼ fidda raffinata, għall-kisi tal-ħitan tad-djar.” David inkuraġġixxa lil oħrajn biex ikunu ġenerużi wkoll. Ir-rispons kien abbundanti: iżjed deheb, fidda, ram, ħadid, u ħaġar prezzjuż. “B’qalb sħiħa,” in-nies għamlu “offerti volontarji lil Jehovah.”—1 Kronaki 22:5; 29:1-9.
6 B’dawn il-kontribuzzjonijiet volontarji, l-Iżraeliti esprimew apprezzament profond għall-qima taʼ Jehovah. David talab b’umiltà: “Min jien u min huma n-nies tiegħi, li għandna nżommu l-qawwa biex nagħmlu offerti volontarji bħal din?” Għala? “Għax kollox huwa minnek, u minn idek stess tajniek aħna. . . . Jien, min-naħa tiegħi, fl-istat rett taʼ qalbi offrejt volontarjament dawn l-affarijiet kollha.”—1 Kronaki 29:14, 17.
7. X’lezzjoni taʼ twissija nitgħallmu minn żmien Amos?
7 Madankollu, it-tribujiet taʼ Iżrael naqsu li jżommu l-qima taʼ Jehovah quddiemnett fl-imħuħ u fil-qlub tagħhom. Sad-disaʼ seklu Q.E.K., Iżrael maqsum kien sar ħati taʼ traskuraġni spiritwali. Rigward is-saltna tat-Tramuntana taʼ għaxar tribujiet taʼ Iżrael, Jehovah iddikjara permezz taʼ Amos: “Gwaj għal dawk li qegħdin komdi f’Sijon u għal dawk li qegħdin jafdaw fil-muntanja taʼ Samarija!” Hu ddeskriviehom bħala rġiel ‘mimdudin fuq sufani taʼ l-avorju . . . mitluqin fuq id-divani tagħhom, . . . li qegħdin jieklu l-kbiex minn ġo merħla u l-barrin żgħar minn fost għoġġiela msemmnin; . . . li qegħdin jixorbu minn ġo bwieqi taʼ l-inbid.’ Imma l-abbundanza taʼ ġid li kellhom ma kienx protezzjoni. Alla wissa: “Se jmorru fl-eżilju qabel dawk li sejrin fl-eżilju, u t-tbaħrid taʼ dawk il-mitluqin irid jitlaq.” Fis-sena 740 Q.E.K., Iżrael ġarrab sofferenza minn idejn l-Assirja. (Amos 6:1, 4, 6, 7) U maż-żmien is-saltna tan-Nofs in-Nhar taʼ Ġuda wkoll waqgħet vittma tal-materjaliżmu.—Ġeremija 5:26-29.
Użu Xieraq Tar-Riżorsi Fi Żminijiet Kristjani
8. Ġużeppi u Marija x’eżempju tajjeb jagħtu rigward l-użu tar-riżorsi?
8 F’kuntrast, il-qagħda relattivament fqira tal-qaddejja t’Alla fi żminijiet iktar tard ma żammithomx lura milli juru żelu għall-qima vera. Ikkunsidra lil Marija u lil Ġużeppi. B’ubbidjenza lejn id-digriet taʼ Ċesri Awgustu, huma vjaġġaw lejn belt il-familja tagħhom, Betlehem. (Luqa 2:4, 5) Hemm twieled Ġesù. Erbgħin jum wara, Ġużeppi u Marija żaru t-tempju f’Ġerusalemm li kienet qrib biex jippreżentaw l-offerta preskritta tal-purifikazzjoni. B’indikazzjoni taʼ l-istat materjalment fqir tagħhom, Marija offriet żewġ għasafar żgħar. La hi u lanqas Ġużeppi ma talbu li jiġu skużati minħabba li kienu fqar. Minflok, b’ubbidjenza wżaw ir-riżorsi limitati tagħhom.—Levitiku 12:8; Luqa 2:22-24.
9-11. (a) Il-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 22:21 jipprovdi liema gwida dwar kif nużaw il-flus? (b) Il-kontribuzzjoni żgħira taʼ l-armla għala ma kenitx offruta għal xejn?
9 Iktar tard, il-Fariżej u segwaċi tal-partit taʼ Erodi pprovaw jaqbdu lil Ġesù fid-diskors, billi qalu: “Għidilna, għalhekk, X’taħseb int? Huwa legali li tħallas it-taxxa tar-ras lil Ċesri jew le?” It-tweġiba taʼ Ġesù rrivelat id-dehen tiegħu. Billi rrefera għall-munita li tawh, Ġesù staqsa: “L-immaġni u l-iskrizzjoni taʼ min hija din?” Huma wieġbu: “Taʼ Ċesri.” B’għaqal hu kkonkluda: “Ħallsu lura, għalhekk, l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, imma l-affarijiet t’Alla lil Alla.” (Mattew 22:17-21) Ġesù kien jaf li l-awtorità li ħarġet il-munita kienet tistenna li jitħallsu t-taxxi. Imma hu hemm għen lis-segwaċi tiegħu u lill-għedewwa bl-istess mod biex jirrealizzaw li Kristjan veru jagħmel ħiltu biex iħallas lura “l-affarijiet t’Alla lil Alla.” Dan jinkludi l-użu xieraq tar-riżorsi materjali taʼ dak li jkun.
10 Każ li Ġesù kien preżenti għalih fit-tempju jagħti tixbieha taʼ dan. Kien għadu kif ikkundanna lill-iskribi rgħibin li ‘belgħu d-djar tar-romol.’ “Hekk kif ħares ’il fuq ra lill-għonja jitfgħu l-għotjiet tagħhom ġos-sniedaq tat-teżor,” jirrapporta Luqa. “Imbagħad [Ġesù] ra ċerta armla fil-bżonn titfaʼ żewġ muniti żgħar taʼ valur żgħir ferm hemmhekk, u qal: ‘Ngħidilkom il-verità kollha, Din l-armla, għalkemm fqira, tefgħet iktar milli tefgħu huma lkoll. Għax dawn kollha tefgħu għotjiet miż-żejjed tagħhom, imma din il-mara min-nieqes tagħha tefgħet il-mezz taʼ għixien kollu li kellha.’” (Luqa 20:46, 47; 21:1-4) Xi ftit min-nies semmew li t-tempju kien imżejjen b’ħaġar prezzjuż. Ġesù wieġeb: “Inkwantu għal dawn l-affarijiet li qegħdin tilmħu, se jiġu l-jiem li fihom mhux se titħalla hawn ġebla fuq ġebla u ma tiġix mitfugħa ’l isfel.” (Luqa 21:5, 6) Kienet għal xejn il-kontribuzzjoni żgħira taʼ l-armla? Ċertament li le. Hi appoġġjat l-arranġament li Jehovah kellu stabbilit f’dak iż-żmien.
11 Ġesù qal lis-segwaċi veri tiegħu: “Ebda qaddej f’dar ma jistaʼ jkun irsir taʼ żewġ sidien; għax, jew se jobgħod lill-wieħed u jħobb lill-ieħor, jew se jibqaʼ mal-wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux tkunu rsiera t’Alla u tar-rikkezzi.” (Luqa 16:13) B’hekk, kif nistgħu aħna nuru l-bilanċ xieraq fl-użu tar-riżorsi finanzjarji tagħna?
Prokuraturi Leali
12-14. (a) Il-Kristjani huma prokuraturi taʼ liema riżorsi? (b) In-nies taʼ Jehovah b’liema modi li jispikkaw illum bil-fedeltà jwettqu l-prokura tagħhom? (ċ) Minfejn jiġu l-flus biex jiġi appoġġjat ix-xogħol t’Alla llum?
12 Meta niddedikaw il-ħajjiet tagħna lil Jehovah, aħna effettivament ngħidu li kulma għandna, ir-riżorsi tagħna kollha, jappartjeni lilu. Kif, allura, għandna nużaw dak li għandna? Meta ddiskuta s-servizz Kristjan fil-kongregazzjoni, Ħuna C. T. Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Society, kiteb: “Kull wieħed għandu jqis lilu nnifsu bħala maħtur mill-Mulej biex ikun il-prokuratur taż-żmien, l-influwenza, il-flus, eċċ., tiegħu stess, u kull wieħed irid ifittex li juża dawn it-talenti bl-aqwa abbiltà tiegħu, għall-glorja tas-Sid.”—The New Creation, paġna 345.
13 “Dak li huwa mfittex fi prokuraturi huwa li bniedem jinstab li hu leali,” jistqarr 1 Korintin 4:2. Bħala organizzazzjoni internazzjonali, ix-Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex jaġixxu fi qbil maʼ dik id-deskrizzjoni, billi jużaw kemm jistgħu mill-ħin tagħhom fil-ministeru Kristjan, billi bir-reqqa jikkultivaw l-abbiltajiet tagħhom taʼ tagħlim. Barra minn hekk, gruppi taʼ voluntieri taħt id-direzzjoni tal-Kumitati Reġjonali tal-Bini minn jeddhom jagħtu l-ħin, is-saħħa, u l-kapaċità tagħhom biex jagħmlu swali mill-aħjar għal-laqgħat lesti għall-qima. B’dan kollu, Jehovah hu kuntent ħafna.
14 Minn fejn jiġu l-flus għall-appoġġ taʼ din il-kampanja vasta taʼ tagħlim u xogħol taʼ bini? Mingħand uħud li għandhom qalbhom trid, saħansitra bħalma ġew fi żmien il-bini tat-tabernaklu. Individwalment, qegħdin aħna nieħdu sehem? Juri l-mod kif aħna nużaw il-mezzi finanzjarji tagħna li s-servizz taʼ Jehovah huwa taʼ importanza suprema għalina? Fi kwistjonijiet taʼ flus, ejjew inkunu prokuraturi leali.
Mudell Taʼ Ġenerożità
15, 16. (a) Il-Kristjani taʼ żmien Pawlu kif urew ġenerożità? (b) Kif għandna nqisu d-diskussjoni preżenti tagħna?
15 L-appostlu Pawlu kiteb dwar l-ispirtu ġeneruż taʼ Kristjani fil-Maċedonja u l-Akaja. (Rumani 15:26) Għalkemm kienu magħkusin huma stess, kienu lesti li bil-ferħ jikkontribwixxu biex jgħinu lil ħuthom. Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani Korintin biex bl-istess mod jagħtu b’mod ġeneruż, billi jagħtu miż-żejjed tagħhom biex jagħmlu tajjeb għan-nieqes taʼ oħrajn. Ħadd ma setaʼ b’mod xieraq jakkuża lil Pawlu bi ħtif taʼ flus. Hu kiteb: “Dak li jiżraʼ bl-għaks se jaħsad ukoll bl-għaks; u dak li jiżraʼ bil-kotra se jaħsad ukoll bil-kotra. Ħalli kull wieħed jagħmel sewwa sew bħalma għamel riżoluzzjoni f’qalbu, mhux kontra qalbu jew għax bil-fors, għax Alla jħobb lil donatur ferrieħi.”—2 Korintin 8:1-3, 14; 9:5-7, 13.
16 Kontribuzzjonijiet ġenerużi li jagħtu ħutna u persuni interessati għax-xogħol dinji tas-Saltna llum jagħtu evidenza taʼ kemm jistmaw fl-għoli dan il-privileġġ. Imma, kif Pawlu fakkar lill-Korintin, aħna nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw din id-diskussjoni bħala tfakkira.
17. Pawlu liema mudell taʼ għoti inkuraġġixxa, u jistaʼ dan jiġi applikat illum?
17 Pawlu ħeġġeġ lill-aħwa biex isegwu arranġament organizzat fl-għoti tagħhom. “Kull l-ewwel jum tal-ġimgħa,” hu qal, “ħalli kull wieħed minnkom fid-dar tiegħu stess iwarrab xi ħaġa fil-ġenb maħżuna skond m’għandu r-riżq.” (1 Korintin 16:1, 2) Dak jistaʼ jservi taʼ eżempju għalina u għal uliedna fl-għoti taʼ kontribuzzjonijiet tagħna, kemm jekk nagħmlu dan permezz tal-kongregazzjoni jew direttament lill-eqreb uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society. Koppja missjunarji assenjati biex jippridkaw f’belt taʼ l-Afrika tal-Lvant stiednu lil uħud interessati biex jingħaqdu magħhom għal studju tal-Bibbja. Fi tmiem din l-ewwel laqgħa, il-missjunarji b’mod diskret tefgħu xi ftit muniti f’kaxxa mmarkata “Kontribuzzjonijiet għax-xogħol tas-Saltna.” Nies oħrajn li attendew għamlu l-istess. Iktar tard, wara li dawn l-uħud ġodda ġew organizzati f’kongregazzjoni Kristjana, is-circuit overseer żarhom u rrimarka fuq ir-regolarità tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.—Salm 50:10, 14, 23.
18. Kif nistgħu ngħinu lil ħutna li jkunu f’xi hemm?
18 Aħna għandna wkoll il-privileġġ li nużaw ir-riżorsi tagħna biex ngħinu lil vittmi taʼ diżastri naturali u lil dawk li jgħixu f’postijiet imtertqin bil-gwerra. Kemm ħadna pjaċir naqraw dwar il-provisti taʼ għajnuna mibgħutin lejn l-Ewropa tal-Lvant hekk kif taqlib ekonomiku u politiku kines lil dik il-parti tad-dinja! Kontribuzzjonijiet kemm t’affarijiet u kemm taʼ flus urew il-ġenerożità u s-solidarjetà taʼ ħutna maʼ Kristjani żvantaġġjati.b—2 Korintin 8:13, 14.
19. X’affarijiet prattiċi nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawk fis-servizz full-time?
19 Aħna nistmaw ħafna x-xogħol taʼ ħutna li jieħdu sehem f’servizz full-time bħala pijunieri, indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, u voluntieri f’Betel, hux tassew? Skond iċ-ċirkostanzi tagħna, aħna forsi nkunu nistgħu noffrulhom xi għajnuna materjali direttament. Per eżempju, meta s-circuit overseer iżur il-kongregazzjoni tiegħek, forsi tkun tistaʼ tipprovdilu akkomodazzjoni, ikel, jew għajnuna għal spejjeż taʼ vjaġġar. Ġenerożità bħal din ma tiġix injorata minn Missierna tas-sema, li jrid lill-qaddejja tiegħu jingħataw attenzjoni. (Salm 37:25) Ftit snin ilu wieħed ħu li kien jistaʼ joffri biss xi ikel ħafif stieden f’daru lil indokratur li jivvjaġġa u lil martu. Meta l-koppja telqu għas-servizz taʼ l-għalqa taʼ fil-għaxija, il-ħu newwel lill-mistednin tiegħu invilopp. Ġo fih kien hemm karta tal-flus (ekwivalenti għal dollaru Amerikan) flimkien maʼ din in-nota miktuba bl-idejn: “Għal kikkra tè jew gallun petrol.” X’apprezzament mill-aħjar espress b’din il-manjiera umli!
20. Liema privileġġ u responsabbiltà ma rridux nittraskuraw?
20 Spiritwalment, in-nies taʼ Jehovah huma mberkin! Aħna ngawdu pranzijiet spiritwali fl-assembleat u l-konvenzjonijiet tagħna, fejn nirċievu pubblikazzjonijiet ġodda, tagħlim mill-aħjar, u pariri prattiċi. Bi qlub mimlijin apprezzament għall-barkiet spiritwali tagħna, ma ninsewx il-privileġġ u r-responsabbiltà tagħna li nikkontribwixxu fondi biex jintużaw għall-avvanz taʼ l-interessi tas-Saltna t’Alla mad-dinja kollha.
‘Agħmel Ħbieb Permezz Taʼ Rikkezzi Bla Tjieba’
21, 22. X’se jiġrilhom dalwaqt ir-“rikkezzi bla tjieba,” li jirrikjedi li nagħmlu liema ħaġa issa stess?
21 Verament, hemm abbundanza taʼ modi li bihom nistgħu nuru li l-qima taʼ Jehovah tiġi l-ewwel fil-ħajjiet tagħna, u partikolarment mod importanti kif nuru dan jinvolvi li nagħtu kas tal-parir taʼ Ġesù: “Agħmlu ħbieb għalikom infuskom permezz tar-rikkezzi bla tjieba, ħalli, meta dawn ifallu, huma jistgħu jilqgħukom ġewwa l-għamajjar taʼ dejjem.”—Luqa 16:9.
22 Innota li Ġesù tkellem dwar il-falliment tar-rikkezzi bla tjieba. Iva, jasal il-jum meta l-flus taʼ din is-sistema se jsiru bla valur. “Fit-toroq se jarmu lill-istess fidda tagħhom, u ħaġa mistkerrha d-deheb tagħhom stess se jsir,” ipprofetizza Eżekjel. “La l-fidda tagħhom u lanqas id-deheb tagħhom ma se jkunu jistgħu jeħilsuhom f’jum il-furja taʼ Jehovah.” (Eżekjel 7:19) Sakemm iseħħ dan, irridu neżerċitaw għerf u dehen bil-mod kif nużaw il-ġid materjali tagħna. B’hekk ma nħarsux lura b’sogħba talli ma nkunux tajna kas it-twissija taʼ Ġesù: “Jekk ma tajtux prova li intom leali f’konnessjoni mar-rikkezzi bla tjieba, min se jafdakom b’dak li huwa veru? . . . Ma tistgħux tkunu rsiera t’Alla u tar-rikkezzi.”—Luqa 16:11-13.
23. X’għandna nużaw b’mod għaqli, u x’se jkun il-premju tagħna?
23 Ħalli lkoll kemm aħna, allura, bil-fedeltà nagħtu kas dawn it-tfakkiriet biex inpoġġu l-qima taʼ Jehovah l-ewwel fil-ħajjiet tagħna u biex nagħmlu użu għaqli mill-ġid kollu tagħna. B’hekk nistgħu nżommu l-ħbiberija tagħna maʼ Jehovah u Ġesù, li jwiegħdu li meta l-flus ifallu huma se jilqgħuna fl-“għamajjar taʼ dejjem,” bil-prospett taʼ ħajja eterna jew fis-Saltna tas-sema jew f’art magħmula ġenna.—Luqa 16:9. (w94 12/1)
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Ebrajka tradotta “kontribuzzjoni” tiġi minn verb li litteralment ifisser “tkun għoli; tkun eżaltat; tgħolli.”
b Ara Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġni 307-15, ippubblikat fl-1993 mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Tiftakar Int?
◻ Iżrael kif wieġbu għall-istedina taʼ Jehovah biex jikkontribwixxu għall-bini tat-tabernaklu?
◻ Il-kontribuzzjoni taʼ l-armla għala ma kenitx għal xejn?
◻ Il-Kristjani liema responsabbiltà jġorru għall-mod kif jużaw ir-riżorsi tagħhom?
◻ Kif nistgħu nevitaw sogħba għall-użu tagħna tal-flus?
[Stampa f’paġna 30]
Il-kontribuzzjoni taʼ l-armla, għalkemm żgħira, ma kenitx għal xejn