Il-Biżaʼ—Komuni Issa Imma Mhux Għal Dejjem!
STUDENTI tal-Kelma t’Alla m’humiex sorpriżi li l-biżaʼ huwa tant komuni. Bħalma x-Xhieda taʼ Jehovah xandru b’mod estensiv fil-ministeru tagħhom, hemm evidenza abbundanti li aħna qegħdin ngħixu fi żmien immarkat fl-istorja taʼ l-umanità. Int taf li huwa mmarkat minn biżaʼ mifrux maʼ kullimkien. Imma żmien twil ilu Ġesù mmarka, jew ipponta lejn, żmienna. Hu kien qiegħed jirrispondi l-mistoqsijiet taʼ l-appostli dwar il-preżenza tiegħu u l-konklużjoni tas-sistema t’affarijiet, jew ‘tmiem id-dinja.’—Mattew 24:3.
Hawnhekk hawn parti minn dak li bassar Ġesù:
“Iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżheż bil-kbir f’ħafna bnadi ikun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biżaʼ u sinjali taʼ l-għaġeb.”—Luqa 21:10, 11.
Innotajt int il-kumment tiegħu dwar “ħwejjeġ tal-biżaʼ”? Iktar tard fl-istess risposta, Ġesù għamel osservazzjoni sinjifikanti oħra dwar il-biżaʼ li tistaʼ b’mod dirett u deċisiv tolqot lilek u lill-maħbubin tiegħek. Imma qabel nitfgħu l-attenzjoni fuq dak, ħalli nirrevedu fil-qosor xi evidenza addizzjonali li aħna qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem.—2 Timotju 3:1.
Biżaʼ Ġġustifikat Mill-Gwerra
Konflitti militari ħallew ħafna partijiet taʼ l-art imħarbtin. Per eżempju, ir-rivista Geo sejħet il-bjar taż-żejt li kienu tħallew jaqbdu fi tmiem konflitt riċenti fil-Lvant Nofsani “l-akbar katastrofu ambjentali qatt ikkaġunat mill-id umana.” Il-gwerer qatlu jew immankaw għaxriet taʼ miljuni taʼ nies. Iktar mill-miljuni taʼ mwiet taʼ nies militari u ċivili fl-Ewwel Gwerra Dinjija, 55 miljun ruħ kienu nqatlu fit-Tieni Gwerra Dinjija. Ftakar li bħala parti mis-sinjal li tmiem id-dinja kien qrib, Ġesù qal li kien se “[j]qum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna.”
Ma nistgħux ma nagħtux kas ukoll taʼ l-attentati taʼ ġenoċidju mill-bniedem—qerda taʼ razez jew popli sħaħ. L-imwiet taʼ miljuni t’Armeni, Kambodjani, Lhud, Irwandiżi, Ukrajnjani, u oħrajn żiedu mal-ħtija tad-demm inkredibbli taʼ l-umanità matul is-seklu 20. It-tbiċċir ikompli f’pajjiżi fejn mibgħeda etnika hija inkuraġġita minn estremisti reliġjużi. Iva, il-gwerer għadhom qegħdin jgħarrqu l-art fid-demm uman.
Gwerer moderni jaħsdu l-vittmi saħansitra wara li l-ġlied jispiċċa. Ngħidu aħna, ikkunsidra t-tqegħid bla skruplu taʼ mini splussivi taʼ l-art. Skond rapport mill-organizzazzjoni tar-riċerka Human Rights Watch, “madwar 100 miljun mina splussiva madwar id-dinja jheddu lin-nies ċivili.” Mini bħal dawn ikomplu jkunu perikolużi għal irġiel, nisa, u tfal innoċenti ħafna wara li l-gwerra li kienu ntużaw fiha tkun intemmet. Jintqal li kull xahar eluf jiġu mmankati jew maqtulin bil-mini taʼ l-art f’iktar minn 60 pajjiż. Din it-theddida għall-ħajja għala ma titneħħiex b’mod sistematiku? The New York Times innotat: “Qegħdin jitpoġġew mini kull ġurnata ħafna iktar milli jiġu nnewtralizzati f’operazzjonijiet taʼ tneħħija taʼ mini, u għalhekk in-numru taʼ korruti qiegħed dejjem jiżdied b’mod regulari.”
Dak l-artiklu fil-gazzetta taʼ l-1993 irrapporta li l-bejgħ taʼ dawn il-mini sar negozju li “jħallas sa $200 miljun kull sena.” Dan jinvolvi “xi 100 kumpanija u aġenzija governattiva fi 48 pajjiż” li “kienu qegħdin jesportaw 340 tip differenti” taʼ mini. B’mod djaboliku, xi mini huma ddisinnjati biex jidhru qishom ġugarelli sabiex jagħmluhom attraenti għat-tfal! Immaġina ftit, timmira apposta biex timmanka u teqred tfal innoċenti! Editorjal intitolat “100 Miljun Apparat Infernali” sostna li mini “qatlu jew immankaw iktar nies mill-armi kemikali, bijoloġiċi u nukleari.”
Imma l-mini taʼ l-art m’humiex l-uniku prodott qattiel mibjugħ fis-swieq tad-dinja. Bejjiegħa taʼ l-armi għatxanin għall-flus qegħdin jagħmlu negozju taʼ bosta biljuni taʼ dollari madwar id-dinja kollha. The Defense Monitor, ippubblikat miċ-Ċentru taʼ Informazzjoni Għad-Difiża, jirrapporta: “Matul dawn l-aħħar għaxar snin [pajjiż ewlieni] esporta armi stmati li jiswew xi $135 Biljun.” Dan in-nazzjon potenti wkoll “awtorizza l-bejgħ inkredibbli taʼ b’kemm jiswew $63 Biljun t’armi, kostruzzjoni militari, u taħriġ lil 142 nazzjon.” Iż-żrieragħ b’hekk qegħdin jinżergħu għal gwerer u sofferenzi umani futuri. Skond The Defence Monitor, fl-“1990 biss, il-gwerer żammew lil 5 miljun ruħ imħarrġin għat-taqbid, swew iktar minn $50 Biljun, u qatlu kwart taʼ miljun ruħ, il-biċċa l-kbira minnhom nies ċivili.” Int ċertament li tistaʼ taħseb f’għadd taʼ gwerer li qamu minn dik is-sena ’l hawn, billi ġabu biżaʼ u mewt għal iktar miljuni!
Iktar Irvinar Taʼ L-Art u L-Ħajja Taʼ Fuqha
Il-professur Barry Commoner iwissi: “Jien nemmen li t-tniġġis kontinwu taʼ l-art, jekk ma jitwaqqafx, fl-aħħar mill-aħħar se jeqred l-adattament taʼ din il-pjaneta bħala post għall-ħajja umana.” Hu jkompli jgħid li l-problema m’hijiex l-injoranza imma regħba apposta. Taħseb int li dak Alla ġust u taʼ mħabba tagħna se jittollera din is-sitwazzjoni għal dejjem, billi jħallina esposti għal iżjed biżaʼ mit-tniġġis? L-irvinar taʼ l-art jitlob kont minn dawk li qegħdin jirvinawha u mbagħad għal rijabilitazzjoni divina tal-pjaneta. Dik hija parti minn dak li Ġesù ttratta dwaru fit-tweġiba tiegħu lill-appostli rigward ‘tmiem id-dinja.’
Qabel ma nikkunsidraw kif Alla se jġib fis-seħħ dak ir-rendikont, ħalli neżaminaw iktar fil-fond l-istorja tal-bniedem. Saħansitra lista parzjali tal-vjolazzjonijiet mill-bniedem hija taʼ swied il-qalb: xita aċiduża u prattiċi rgħiba taʼ qtugħ taʼ siġar li jeqirdu foresti sħaħ; rimi bl-addoċċ taʼ skart nukleari, kimiċi velenużi, u drenaġġ mhux maħdum; dgħajfien tas-saff protettiv taʼ l-ożonu; u użu bl-addoċċ t’erbiċidi u pestiċidi.
Interessi kummerċjali jħammġu l-art b’modi oħrajn għal profitt. Tunellati taʼ prodotti difettużi jintremew taʼ kuljum fix-xmajjar, fl-oċeani, fl-ajru, u fil-ħamrija. Ix-xjenzati jħammġu s-smewwiet b’imbarazz spazjali, billi ma jnaddfux warajhom, biex ngħidu hekk. L-art malajr qiegħda ssir imdawra b’miżbla spazjali fl-orbita. Li kieku ma kienx għall-proċessi naturali li Alla għamel sabiex l-art tistaʼ ġġedded lilha nfisha, id-dar terrestrjali tagħna ma kenitx tibqaʼ ssostni l-ħajja, u l-bniedem x’aktarx li jkun ilu żmien twil li faga fl-iskart tiegħu stess.
Il-bniedem saħansitra jniġġes lilu nnifsu. Ħu, per eżempju, l-abbuż mit-tabakk u minn drogi oħrajn. Fl-Istati Uniti, abbuż minn sustanzi bħal dawn ġie msejjaħ “il-problema tas-saħħa numru wieħed tan-nazzjon.” Din tiswa lil dak il-pajjiż $238 biljun fis-sena, li $34 biljun minnhom jintefqu f’“kura għas-saħħa bla bżonn [jiġifieri, li tistaʼ tiġi evitata].” It-tabakk xi kemm taħseb li jiswa flus u ħajjiet fejn tgħix int?
Modi t’għixien permessivi u xellerati, li ħafna jsostnu li huma bi dritt, ipproduċew ħsad terribbli taʼ mard trasmess sesswalment li jġib il-mewt, billi jwassal lil ħafna għal għomor qasir. Ġie osservat li f’gazzetti ewlenin il-kolonni taʼ l-aħbarijiet dwar min ikun miet issa juru numru dejjem jiżdied taʼ wħud li jmutu bejn it-30 u l-50 sena. Għala? Spiss minħabba li vizzji qerrieda malajr poġġewhom għall-frisk. Żjieda traġika bħal din taʼ mard sesswali u mard ieħor taqbel ukoll mal-profezija taʼ Ġesù, għax hu qal li kien se jkun hemm “f’ħafna bnadi . . . mard li jittieħed.”
L-agħar tniġġis, madankollu, huwa dak tal-moħħ u taʼ l-ispirtu, jew l-attitudni umana. Jekk tħares mill-ġdid lejn il-forom kollha taʼ kontaminazzjoni li semmejna s’issa, m’huwiex dan veru li ħafna minnhom huma riżultat taʼ mħuħ imniġġsin? Ħares lejn it-tħarbit li mħuħ morda joħolqu fil-forma taʼ qtil, stupri, serq, u tipi oħrajn taʼ vjolenza li persuna tagħmel fuq oħra. Bosta jirrikonoxxu, ukoll, li l-miljuni t’aborti mwettqin kull sena huma sinjal taʼ kontaminazzjoni mentali u spiritwali.
Naraw ħafna affarijiet fl-attitudni taż-żgħażagħ. Nuqqas taʼ rispett lejn l-awtorità tal-ġenituri u t’oħrajn qiegħed iwassal għal tifrik fil-familji u disprezz lejn il-liġi u l-bonordni. Dan in-nuqqas taʼ biżaʼ bnin mill-awtorità huwa marbut direttament man-nuqqas taʼ spiritwalità taż-żgħażagħ. Għalhekk, dawk li jgħallmu l-evoluzzjoni, l-ateiżmu, u teoriji oħrajn li jeqirdu l-fidi jġorru ħtija konsiderevoli. Ħatjin ukoll huma l-bosta edukaturi reliġjużi li, fl-isforzi tagħhom biex ikunu aċċettati bħala moderni u “konformi,” taw daharhom lill-Kelma t’Alla. Huma u oħrajn influwenzati mill-għerf tad-dinja jgħallmu filosofiji umani kontradittorji.
Ir-riżultati llum huma ovvji. In-nies huma motivati, mhux mill-imħabba lejn Alla u lejn għajrhom, imma mir-regħba u mill-mibgħeda. Il-frott ħażin huwa immoralità, vjolenza, u disperazzjoni maʼ kullimkien. B’dispjaċir, dan iħalli lil nies onesti fil-biżaʼ, inkluż biżaʼ li l-bniedem se jeqred lilu nnifsu u lill-pjaneta.
Sejjer Dan Imur Għall-Agħar Jew Għall-Aħjar?
X’hemm lest għall-futur qarib rigward il-biżaʼ? Sejjer il-biżaʼ jkompli jiżdied, jew se jkun megħlub? Ħalli għal darba oħra ninnotaw x’qal Ġesù lill-appostli tiegħu.
Hu pponta lejn xi ħaġa li se tiġri fil-futur qarib—tribulazzjoni kbira. Hawn huwa kliemu: “Minnufih, wara d-diqa taʼ dawk il-jiem, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-sema jitheżhżu. Imbagħad jidher fis-sema s-sinjal taʼ Bin il-Bniedem, il-popli kollha taʼ l-art jibdew jagħtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-Bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira.”—Mattew 24:29, 30.
Mela nistgħu nistennew li t-tribulazzjoni l-kbira se tibda dalwaqt. Profeziji oħrajn tal-Bibbja jindikaw li l-ewwel parti tagħha se tkun ritaljazzjoni fuq ir-reliġjon falza madwar il-globu. Imbagħad se jseħħu dawk l-iżviluppi li jixxokkjaw u li għadna kemm ikkwotajna, inkluż xi xorta taʼ fenomeni ċelestjali. X’se jkun l-effett fuq miljuni taʼ nies?
Sewwa, ikkunsidra rakkont parallel tar-risposta taʼ Ġesù, fejn insibu kummenti profetiċi amplifikati:
“U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u taʼ l-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biżaʼ għax jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-sema jitqallbu.”—Luqa 21:25, 26.
Dak jinsab quddiemna. Imma mhux il-bnedmin kollha se jkunu mbagħad f’biżaʼ bħal dan li jġegħilhom iħossuhom ħażin. Għall-kuntrarju, Ġesù qal: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hija fil-qrib.”—Luqa 21:28.
Hu indirizza dak il-kliem inkuraġġanti lis-segwaċi veri tiegħu. Minflok ma jħossuhom ħażin jew jipparalizzaw ruħhom bil-biżaʼ, huma se jkollhom raġuni għala jerfgħu rjushom bla biżaʼ, avolja jafu li l-quċċata tat-tribulazzjoni l-kbira hija mminenti. Għala ebda biżaʼ?
Għax il-Bibbja tgħid b’mod ċar li se jkun hemm min isalva minn din “it-tribulazzjoni l-kbira” kollha kemm hi. (Rivelazzjoni 7:14, New World Translation) Ir-rakkont li jwiegħed dan jgħid li jekk aħna nkunu fost dawk li jsalvaw, nistgħu ngawdu barkiet minn id Alla li huma bla parallel. Dan ir-rakkont itemm bl-assiguranza li Ġesù “[j]kun ir-ragħaj tagħhom; u hu jwassalhom ħdejn ilmijiet taʼ l-għejun tal-ħajja. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.”—Apokalissi 7:17.
Dawk—u aħna nistgħu niġu inklużi—li jgawdu barkiet bħal dawn m’humiex se jkollhom il-biżaʼ li jnikket lin-nies illum. Madankollu, dak ma jfissirx li ma se jkollhom assolutament ebda biżaʼ, għax il-Bibbja turi tassew li hemm biżaʼ tajjeb u f’loku. L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dan x’inhu u kif għandu jeffettwana. (w95 10/15)
[Stampa f’paġna 6]
L-adoraturi taʼ Jehovah b’hena jistennew id-dinja ġdida li riesqa
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 5]
Tniġġis: Ritratt: Godo-Foto; rocket: ritratt tal-U.S. Army; siġar jaqbdu: Richard Bierregaard, Smithsonian Institution