Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Jien tal-fehma li l-kelma Griega “toʹte” (imbagħad) hija wżata biex tintroduċi dak li jsegwi. Mela Mattew 24:9 għala jgħid: “Imbagħad [“toʹte”] jagħtukom f’idejn min iħabbatkom,” fejn ir-rakkont parallel taʼ Luqa 21:12 jgħid: “Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom”?
Huwa korrett li toʹte tistaʼ tiġi wżata biex tintroduċi xi ħaġa li ssegwi, xi ħaġa f’sekwenza, biex ngħidu hekk. Imma m’għandniex għalfejn nifhmu li dan huwa l-uniku użu Bibliku tal-kelma.
A Greek-English Lexicon of the New Testament and Other Early Christian Literature, taʼ Bauer, Arndt, u Gingrich, juri li l-kelma toʹte hija wżata f’żewġ sensi bażiċi fl-Iskrittura.
Wieħed huwa “f’dak iż-żmien.” Dan jistaʼ jkun “imbagħad tal-passat.” Eżempju wieħed huwa Mattew 2:17: “Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija.” Dan m’huwiex jirreferi għal xi ħaġa f’serje t’affarijiet imma jindika punt partikulari fil-passat, f’dak iż-żmien. B’mod simili, toʹte tistaʼ tiġi wżata “imbagħad għall-fut[ur].” Każ wieħed huwa misjub fl-1 Korintin 13:12: “Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb’wiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa.” Pawlu hawnhekk uża toʹte fis-sens taʼ ‘f’dak il-punt fil-futur.’
Skond dan il-lessiku, l-użu l-ieħor taʼ toʹte huwa “biex jintroduċi dak li jsegwi maż-żmien.” Dan il-lessiku jagħti ħafna eżempji misjubin fit-tliet rakkonti tat-tweġiba taʼ Ġesù għall-mistoqsija taʼ l-appostli dwar is-sinjal tal-preżenza tiegħu.a Bħala eżempji taʼ l-użu taʼ toʹte “biex jintroduċi dak li jsegwi maż-żmien,” il-lessiku ċċita Mattew 24:10, 14, 16, 30; Mark 13:14, 21; u Luqa 21:20, 27. Li nikkunsidraw il-kuntest juri għala xi ħaġa sussegwenti fiż-żmien hija mifhuma b’mod xieraq. U dan huwa t’għajnuna f’li nieħdu s-sens tal-profezija taʼ Ġesù li kien fiha l-iżvilupp taʼ ġrajjiet futuri.
Madankollu, m’għandniex għalfejn nikkonkludu li kull darba li tidher toʹte f’dawn ir-rakkonti trid bil-fors tintroduċi dak li jsegwi maż-żmien. Per eżempju, f’Mattew 24:7, 8, naqraw li Ġesù bassar li ġens kellu jqum kontra ġens u li kien se jkun hemm ġuħ u terremoti. Vers 9 jkompli: “Imbagħad jagħtukom f’idejn min iħabbatkom u joqtolkom; u l-ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f’ismi.” Ikun raġonevoli li nifhmu li l-gwerer, il-ġuħ, u t-terremoti mbassrin iridu jseħħu kollha, u forsi jieqfu, qabel ma setgħet tibda l-persekuzzjoni?
Dak m’huwiex loġiku, lanqas m’hu kkonfermat minn dak li nafu dwar it-twettiq taʼ l-ewwel seklu. Ir-rakkont fil-ktieb t’Atti jirrivela li kważi immedjatament wara li l-membri tal-kongregazzjoni Kristjana ġdida bdew jippridkaw, huma ġarrbu oppożizzjoni serja. (Atti 4:5-21; 5:17-40) Ċertament li aħna ma nistgħux ngħidu li l-gwerer, il-ġuħ u t-terremoti li Ġesù tkellem dwarhom ġraw qabel dik il-persekuzzjoni bikrija. Għall-kuntrarju, dik l-oppożizzjoni ġiet “qabel” ħafna mill-affarijiet l-oħrajn imbassrin, li huwa fi qbil mal-mod kif Luqa kiteb l-affarijiet: “Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom.” (Luqa 21:12) Dak kellu jissuġġerixxi li f’Mattew 24:9, toʹte hija wżata iktar fis-sens taʼ “f’dak iż-żmien.” Matul il-perijodu tal-gwerer, ġuħ, u terremoti, jew f’dak iż-żmien, is-segwaċi taʼ Ġesù kellhom jiġu ppersegwitati. (w96 7/15)
[Nota taʼ taħt]
a Dawn ir-rakkonti paralleli f’Mattew, Mark, u Luqa ġew imniżżlin f’kolonni f’paġni 12 u 13 taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa taʼ l-1 taʼ Marzu, 1994. Id-drabi fejn toʹte, tiġi mogħtija “mbagħad,” kienu mniżżlin b’tipa grassa.