Irreżisti “l-Ispirtu tad-Dinja”
“Aħna ma rċivejniex l-ispirtu tad-dinja, imma l-ispirtu li ġej mingħand Alla.” —1 KOR. 2:12.
1, 2. (a) Fil-passat, għala tpoġġew il-kanarini fil-minjieri Britanniċi? (b) Il-Kristjani liema periklu jiffaċċjaw?
FIS-SENA 1911, l-awtoritajiet Britanniċi għaddew liġi bl-għan li jiġu salvati l-ħajjiet taʼ dawk li jaħdmu fil-minjieri tal-faħam. F’kull minjiera kellhom jinżammu żewġ kanarini. Għal liema skop? Ħalli jekk kien ikun hemm xi nar fil-minjiera, il-ħaddiema tas-salvataġġ iġorru l-kanarini magħhom taħt l-art. Dawn l-għasafar ċkejknin huma sensittivi għall-gassijiet velenużi, bħalma hu l-monossidu karboniku. Jekk l-arja kienet issir kontaminata, l-għasafar kienu se juru sinjali taʼ skumdità, u saħansitra jaqgħu minn fuq il-passiġġiera. Dan is-sinjal bikri kien vitali. Il-monossidu karboniku huwa gass bla kulur u bla riħa li joqtol billi jwaqqaf iċ-ċelluli ħomor milli jġorru l-ossiġnu ġol-ġisem. Jekk il-ħaddiema tas-salvataġġ ma kinux jindunaw bil-periklu, huma setaʼ jħosshom ħażin u jmutu mingħajr ma lanqas biss jirrealizzaw li kienu qed jiġu vvelenati.
2 F’sens spiritwali, il-Kristjani jiffaċċjaw sitwazzjoni simili għal dik tal-ħaddiema tal-minjieri. Kif? Meta Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu l-inkarigu biex jippridkaw l-aħbar tajba madwar id-dinja, hu kien jaf li kien qed jibgħathom f’ambjent perikoluż, wieħed dominat minn Satana u l-ispirtu tad-dinja. (Mt. 10:16; 1 Ġw. 5:19) Ġesù tant kien konċernat dwar id-dixxipli tiegħu li fil-lejl qabel ma miet, hu talab lil Missieru: “Ma nitolbokx biex toħroġhom mid-dinja, imma biex tħarishom minħabba l-Ħażin.”—Ġw. 17:15.
3, 4. Ġesù liema twissija tahom lid-dixxipli tiegħu, u dan għala għandu jinteressana?
3 Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu dwar il-periklu li jistaʼ jwassal għal nagħsa spiritwali li ġġib il-mewt. Kliemu għandu tifsira speċjali għalina li qed ngħixu matul il-konklużjoni tas-sistema dinjija. Hu ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu: “Ibqgħu mqajmin . . . biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Lq. 21:34-36) B’ferħ, iżda, Ġesù wiegħed ukoll li Missieru kien se jipprovdi spirtu qaddis sabiex iġedded il-memorja tagħhom u jgħinhom jibqgħu mqajmin u kuraġġużi.—Ġw. 14:26.
4 Xi ngħidu għalina llum? Huwa dan l-istess spirtu qaddis disponibbli biex jgħin lilna? Jekk iva, xi rridu nagħmlu biex nirċivuh? X’inhu l-ispirtu tad-dinja, u kif jaħdem? U kif jistaʼ jirnexxilna nirreżistu l-ispirtu taʼ din id-dinja?—Aqra l-1 Korintin 2:12.
L-Ispirtu Qaddis jew l-Ispirtu tad-Dinja?
5, 6. L-ispirtu qaddis x’jistaʼ jagħmel għalina, imma aħna x’għandna nagħmlu biex nirċivuh?
5 Il-provvediment taʼ l-ispirtu qaddis ma kienx disponibbli biss fl-ewwel seklu. Illum huwa disponibbli wkoll, u l-ispirtu t’Alla jistaʼ jagħtina s-saħħa biex nagħmlu dak li hu tajjeb kif ukoll jagħtina l-enerġija waqt li nkunu fis-servizz tiegħu. (Rum. 12:11; Flp. 4:13) Jistaʼ wkoll jipproduċi fina kwalitajiet teneri, bħalma huma l-imħabba, il-qalb tajba, u t-tjubija, li huma aspetti tal-“frott taʼ l-ispirtu.” (Gal. 5:22, 23) Madankollu, Alla Ġeħova ma jagħtix bilfors l-ispirtu qaddis tiegħu lil dawk li ma jriduhx.
6 Mela, ikun raġunevoli li nistaqsu, ‘X’nistaʼ nagħmel biex nirċievi l-ispirtu qaddis?’ Il-Bibbja turi li hemm diversi affarijiet x’nistgħu nagħmlu. Pass importanti wieħed huwa pjuttost ċar—itlob lil Alla għalih. (Aqra Luqa 11:13.) Pass utli ieħor huwa l-istudju u li napplikaw il-pariri tal-Kelma t’Alla mnebbħa mill-ispirtu. (2 Tim. 3:16) M’għandniex xi ngħidu, mhux kulmin sempliċement jaqra l-Bibbja jirċievi l-ispirtu t’Alla. Imma meta Kristjan sinċier jistudja l-Kelma t’Alla, hu jkun jistaʼ jkollu l-istess sentimenti u ħarsa preżentati fil-Kelma ispirata. Huwa wkoll vitali li naċċettaw li Ġeħova ħatar lil Ġesù bħala r-rappreżentant Tiegħu u bħala l-wieħed li permezz tiegħu Alla jipprovdi l-ispirtu tiegħu. (Kol. 2:6) Għalhekk, għandna nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù u ngħixu fi qbil mat-tagħlim tiegħu. (1 Pt. 2:21) Iktar ma nistinkaw biex inkunu bħal Kristu, iktar se nirċievu spirtu qaddis.
7. L-ispirtu tad-dinja kif jinfluwenzahom lin-nies?
7 B’kuntrast, l-ispirtu tad-dinja jinfluwenza lin-nies sabiex jirriflettu l-personalità taʼ Satana. (Aqra Efesin 2:1-3.) L-ispirtu tad-dinja jaħdem b’diversi modi. Bħalma naraw illum mill-evidenza taʼ madwarna, dan l-ispirtu jinkuraġġixxi ribelljoni kontra l-livelli t’Alla. Jippromwovi “x-xewqa tal-laħam u x-xewqa taʼ l-għajnejn u l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja.” (1 Ġw. 2:16) Jipproduċi għemejjel tal-laħam, bħalma huma ż-żína, l-idolatrija, l-ispiritiżmu, l-għira, l-għadab, u s-sokor. (Gal. 5:19-21) U jqanqal diskors apostata li jmur kontra dak li hu qaddis. (2 Tim. 2:14-18) Bla dubju, iktar ma persuna tħalli lilha nfisha tiġi influwenzata mill-ispirtu tad-dinja, iktar se ssir bħal Satana.
8. Liema għażla niffaċċjaw ilkoll kemm aħna?
8 Huwa impossibbli li ngħixu iżolati minn kull influwenza li nsibu madwarna. Kull individwu għandu jagħżel dak li se jħallih jaħkimlu ħajtu—l-ispirtu qaddis jew l-ispirtu tad-dinja. Dawk li issa huma dominati mill-ispirtu tad-dinja jistgħu jeħilsu mill-influwenza tiegħu u jħallu l-ispirtu qaddis jiggwidalhom ħajjithom. Madankollu, jistaʼ jiġri wkoll l-oppost. Dawk li għal xi żmien kienu gwidati mill-ispirtu qaddis jistgħu jidħlu fin-nassa taʼ l-ispirtu tad-dinja. (Flp. 3:18, 19) Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nirreżistu l-ispirtu tad-dinja.
Agħraf is-Sinjali Bikrin taʼ Twissija
9-11. X’inhuma xi sinjali taʼ twissija li juru li forsi qed inċedu għall-ispirtu tad-dinja?
9 Il-ħaddiema Britanniċi tal-minjieri tal-faħam li ssemmew qabel kienu jużaw il-kanarini sabiex ikollhom twissijiet bikrin f’każ li kien ikun hemm xi gass velenuż. Jekk ħaddiem kien jara għasfur jaqaʼ minn fuq il-passiġġiera, hu kien se jkun jaf li kellu bżonn jaġixxi malajr sabiex isalva. F’sens spiritwali, x’inhuma xi twissijiet bikrin li juruna li qed niġu influwenzati mill-ispirtu tad-dinja?
10 Meta tgħallimna għall-ewwel darba l-veritajiet misjubin fil-Kelma t’Alla u mbagħad iddedikajna ħajjitna lil Ġeħova, probabbilment konna naqraw il-Bibbja bil-ħeġġa. X’aktarx li konna nitolbu bil-ħrara u spiss. U konna nieħdu pjaċir nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni, u konna nqisu kull laqgħa bħala sors taʼ serħan spiritwali, bħal oasi għal raġel bil-għatx. Dan kollu għenna biex neħilsu u nibqgħu ’l bogħod mill-ispirtu tad-dinja.
11 Għadna nipprovaw naqraw il-Bibbja kuljum? (Salm 1:2) Huwa t-talb tagħna spiss u mill-qalb? Inħobbuhom aħna l-laqgħat tal-kongregazzjoni, u nattenduhom kollha kull ġimgħa? (Salm 84:10) Jew tlifna xi ftit minn dawn id-drawwiet tajbin? M’għandniex xi ngħidu, forsi għandna xi responsabbiltajiet li jieħdu mill-ħin u l-enerġija tagħna, u għandu mnejn ikun taʼ sfida biex inżommu rutina spiritwali tajba. Imma jekk maż-żmien xi ftit mid-drawwiet tajbin tagħna bdew jonqsu, jistaʼ jkun li qed inċedu għall-ispirtu tad-dinja? Se nagħmlu issa aħna sforz kbir biex jerġaʼ jkollna d-drawwiet tajbin li kellna darba?
‘Qatt Titqal’
12. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex ‘joqogħdu attenti’ għal min, u għala?
12 X’nistgħu nagħmlu iktar sabiex nirreżistu l-ispirtu tad-dinja? Meta Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu mqajmin,’ hu kien għadu kif wissiehom dwar xi perikli speċifiċi. Hu qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa.”—Lq. 21:34, 35.
13, 14. Liema mistoqsijiet huwa tajjeb li nistaqsu lilna nfusna dwar l-ikel u x-xorb?
13 Aħseb ftit dwar din it-twissija. Kien Ġesù qed jikkundanna t-tgawdija taʼ l-ikel u x-xorb? Le! Hu kien konxju tal-kliem taʼ Salamun: “Sirt naf li m’hemm xejn aħjar [għal ulied il-bnedmin] milli jifirħu u jagħmlu t-tajjeb matul ħajjithom; u wkoll li kull bniedem għandu jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin għax-xogħol iebes kollu tiegħu. Din hi l-għotja t’Alla.” (Ekk. 3:12, 13) Madankollu, Ġesù kien jaf li l-ispirtu tad-dinja jippromwovi nuqqas taʼ rażna f’dawn l-aspetti.
14 Kif nistgħu nkunu ċerti li l-ispirtu tad-dinja ma vvelenax is-sensi tagħna rigward il-perikli li jiġu mill-ikel u x-xorb żejjed? Forsi nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Kif nirreaġixxi jien meta naqra l-parir fil-Bibbja jew fil-pubblikazzjonijiet tagħna dwar il-gula? Għandi jien it-tendenza li ninjora din it-twissija billi nirraġuna li hija irrilevanti jew estrema, forsi anki nibda nġib l-iskużi għall-azzjonijiet tiegħi jew niġġustifikahom?a Kif inqisu l-parir dwar l-alkoħol? Jekk nixrob, nixrob jien b’moderazzjoni u nkun ċert li nevita s-“sokor”? Inċekken jien pariri bħal dawn, forsi nħoss li għal xi raġuni dawn ma japplikawx għalija? Jekk oħrajn jgħiduli li huma inkwetati minħabba kemm nixrob, nibda jien niddefendi lili nnifsi jew nirrabja? Ninkuraġġixxi jien lil oħrajn biex ma jiħdux bis-serjetà dan il-parir Bibliku?’ Iva, l-attitudni taʼ dak li jkun tindika jekk hux qed iċedi għall-ispirtu tad-dinja.—Qabbel Rumani 13:11-14.
Tħallix l-Ansjetà Toħonqok
15. Ġesù wissa kontra liema tendenza umana?
15 Pass vitali ieħor biex nirreżistu l-ispirtu tad-dinja jinvolvi l-mod kif nikkontrollaw l-ansjetà. Ġesù kien jaf li bħala ħlejjaq imperfetti għandna t-tendenza li nkunu ansjużi dwar affarijiet taʼ kuljum. Bi mħabba hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Tibqgħux tkunu ansjużi.” (Mt. 6:25) Nistgħu nifhmu għala aħna konċernati dwar kwistjonijiet importanti, bħal li nogħġbu lil Alla, li nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet Kristjani, u li nipprovdu n-neċessitajiet tal-ħajja għall-familja tagħna. (1 Kor. 7:32-34) Mela, x’nistgħu nitgħallmu mit-twissija taʼ Ġesù?
16. L-ispirtu tad-dinja liema effett għandu fuq ħafna nies?
16 L-ispirtu tad-dinja, li jenfasizza l-iffanfrar bil-mezzi tal-ħajja, jinfetta lil ħafna individwi b’ansjetà li m’hijiex tajba għal saħħithom. Id-dinja trid iġġegħelna nemmnu li l-flus iġibu s-sigurtà u li l-valur taʼ individwu jitkejjel minn kemm għandu affarijiet u kemm huma taʼ kwalità u mhux mill-kwalitajiet spiritwali tiegħu. Dawk li jiġu mqarrqin minn din il-propaganda jitjassru biex jiksbu l-għana u huma l-ħin kollu ansjużi dwar li jiksbu l-iktar affarijiet reċenti, l-akbar affarijiet, u l-affarijiet li huma l-iktar avanzati. (Prov. 18:11) Ħarsa żbaljata bħal din dwar l-affarijiet materjali ġġib l-ansjetà li toħnoq l-iżvilupp spiritwali taʼ individwu.—Aqra Mattew 13:18, 22.
17. Kif nistgħu nevitaw li ninħonqu mill-ansjetà?
17 Nistgħu nevitaw li ninħonqu mill-ansjetà billi nobdu l-kmand taʼ Ġesù: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa” t’Alla. Ġesù jassigurana li jekk nagħmlu dan, l-affarijiet li għandna verament bżonnhom se jiżdidulna. (Mt. 6:33) Kif nistgħu nuru li nemmnuha din il-wegħda? Mod wieħed hu billi nfittxu l-ewwel is-sewwa t’Alla—insegwu l-livelli t’Alla taʼ dak li huwa tajjeb fejn jidħlu kwistjonijiet finanzjarji. Per eżempju, nistgħu nevitaw li niffalsifikaw il-formoli tagħna tat-taxxi jew saħansitra nigdbu “ftit” fi kwistjonijiet taʼ negozju. Irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex inwettqu l-obbligi finanzjarji tagħna, billi nħallu l-‘Iva tfisser Iva’ meta niġu biex inħallsu d-djun. (Mt. 5:37; Salm 37:21) Forsi onestà bħal din m’hijiex se tagħmlu sinjur lil dak li jkun, imma se ġġib l-approvazzjoni t’Alla, tipproduċi kuxjenza nadifa, u tnaqqas ħafna l-ansjetà.
18. Ġesù liema eżempju mill-aqwa ħallielna, u meta nimitawh kif nibbenefikaw?
18 Biex infittxu l-ewwel is-Saltna jeħtieġ li l-prijoritajiet tagħna jkunu f’posthom. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù. Kultant, hu kien jilbes libsa taʼ kwalità tajba. (Ġw. 19:23) Kien igawdi ikel u nbid fil-kumpanija taʼ ħbieb tajbin. (Mt. 11:18, 19) Imma l-affarijiet materjali u d-divertiment kienu biss bħall-ħwawar f’ħajtu u mhux bħal-laħam. L-ikel taʼ Ġesù kien li jagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova. (Ġw. 4:34-36) Kemm tkun premjanti ħajjitna meta nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù! Ikollna l-ferħ li jiġi meta ngħinu lil dawk li huma magħkusin jiksbu l-faraġ mill-Iskrittura. Niksbu l-imħabba u l-appoġġ tal-kongregazzjoni. U nferrħu qalb Ġeħova. Meta l-prijoritajiet tagħna jkunu f’posthom, l-affarijiet materjali u d-divertiment ma jkunux is-sidien tagħna. Minflok, ikunu qaddejja, jew għodod, li jgħinuna nqimu lil Ġeħova. U iktar ma nkunu attivi fix-xogħol li jappoġġa s-Saltna t’Alla, inqas ikun hemm ċans li ninħakmu mill-ispirtu tad-dinja.
Ibqaʼ “Moħħok fl-Ispirtu”
19-21. Kif nistgħu nibqgħu ‘moħħna fl-ispirtu,’ u għala għandna nagħmluh dan?
19 Il-ħsibijiet jiġu qabel l-azzjonijiet. Dawk li ħafna jirreferu għalihom bħala azzjonijiet bla ħsieb, ħafna drabi jkunu azzjonijiet li jiġu mqanqlin minn ħsibijiet tal-laħam. B’hekk, l-appostlu Pawlu jfakkarna fil-bżonn li ngħassu l-ħsibijiet tagħna. Hu kiteb: “Dawk li huma f’armonija mal-laħam jixħtu moħħhom fuq l-affarijiet tal-laħam, imma dawk li huma f’armonija maʼ l-ispirtu fuq l-affarijiet taʼ l-ispirtu.”—Rum. 8:5.
20 Kif nistgħu nevitaw li jkollna l-ħsibijiet—u b’hekk l-azzjonijiet tagħna—dominati mill-ispirtu tad-dinja? Irridu nsaffu moħħna, billi nistinkaw biex inħallu barra għalkollox il-propaganda tad-dinja. Per eżempju, meta nagħżlu d-divertiment, aħna ma nħallux lil moħħna jitħammeġ bi programmi li jigglorifikaw l-immoralità jew il-vjolenza. Nirrealizzaw li l-ispirtu qaddis, jew nadif, t’Alla ma jgħixx f’moħħ maħmuġ. (Salm 11:5; 2 Kor. 6:15-18) Barra minn hekk, aħna nistiednu l-ispirtu t’Alla biex jidħol f’moħħna permezz tal-qari regulari tal-Bibbja, it-talb, il-meditazzjoni, u l-attendenza għal-laqgħat. U aħna naħdmu flimkien maʼ dan l-ispirtu hekk kif nieħdu sehem regulari fix-xogħol Kristjan taʼ l-ippridkar.
21 Ċertament, għandna nirreżistu l-ispirtu tad-dinja u x-xewqat tal-laħam li dan l-ispirtu jqanqal. Imma kull sforz li nagħmlu biex nirreżistuh jiswa għax, bħalma jgħid Pawlu, “li tkun moħħok fil-laħam ifisser mewt, imma li tkun moħħok fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi.”—Rum. 8:6.
[Nota taʼ taħt]
a Il-gula hija attitudni mentali, karatterizzata minn iffangar żejjed jew b’mod rgħib. Għalhekk, il-gula m’hijiex determinata mid-daqs taʼ individwu imma mill-attitudni tiegħu lejn l-ikel. Individwu jistaʼ jkun taʼ daqs normali, jew saħansitra rqiq, u xorta jkun wieħed li jiffanga fl-ikel. Mill-banda l-oħra, f’ċerti każi jistaʼ jkun li individwu jkollu piż żejjed minħabba xi marda, jew minħabba affarijiet ereditarji li jwasslu għall-obeżità. Il-kwistjoni importanti hija jekk individwu, hu x’inhu d-daqs tiegħu, għandux kilba eċċessiva għall-ikel.—Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Novembru, 2004.
Tiftakar Int?
• X’għandna nagħmlu biex nirċievu l-ispirtu qaddis?
• X’inhuma xi modi kif l-ispirtu tad-dinja jistaʼ jeffettwana?
• Kif nistgħu nirreżistu l-ispirtu tad-dinja?
[Stampa f’paġna 21]
Qabel ma tmur ix-xogħol jew l-iskola itlob għall-ispirtu qaddis
[Stampi f’paġna 23]
Għandna nżommu moħħna nadif, ikollna prattiċi onesti taʼ negozju, u nkunu moderati fid-drawwiet tagħna