LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 4/1 pp. 14-19
  • Il-Kristjanità Vera Tittrijonfa!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kristjanità Vera Tittrijonfa!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif il-​Kelma Kibret fi Żmienna
  • Il-​Ħidma taʼ l-​Ispirtu Qaddis Illum
  • Il-​Kelma t’Alla Tittrijonfa f’Ħaddiema Żelużi
  • L-​Imħabba t’Alla Trid Tittrijonfa
  • “Il-Kelma taʼ Alla Baqgħet Tikber”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Xiehda lill-Ġnus Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Din l-Aħbar Tajba Trid Tiġi Ppridkata l-Ewwel
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 4/1 pp. 14-19

Il-​Kristjanità Vera Tittrijonfa!

“Il-​kelma tal-​Mulej baqgħet tikber u tissaħħaħ [jew, tittrijonfa] bil-​qawwa kollha.”—ATTI 19:20.

1. Iddeskrivi kif il-​Kristjanità kibret matul l-​ewwel seklu.

MIMLIJIN bil-​qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis, il-​Kristjani tal-​bidu xandru l-​kelma t’Alla b’żelu li ma jonqosx. Kittieb wieħed taʼ l-​istorja kiteb: “Il-​Kristjanità kienet infirxet b’ħeffa taʼ l-​għaġeb fid-​dinja Rumana. Sas-​sena 100 x’aktarx li kull provinċja li kienet tmiss mal-​Mediterran kien fiha komunità Kristjana.”

2. Satana kif ipprova jxejjen l-​aħbar tajba, u dan kif kien tbassar?

2 Satana x-​Xitan ma setax isikket lill-​Kristjani tal-​bidu. Minflok, hu pprova jxejjen dak li kien qed jitwettaq permezz taʼ l-​aħbar tajba billi uża mezz ieħor—l-​apostasija. Ġesù kien bassar li kellu jiġri dan fil-​parabbola tal-​qamħ u s-​sikrana. (Mattew 13:​24-30; 36-43) L-​appostlu Pietru wkoll kien wissa li kienu se jqumu għalliema foloz fil-​kongregazzjoni u jdaħħlu setet li jagħmlu ħafna ħsara. (2 Pietru 2:​1-3) B’mod simili, l-​appostlu Pawlu kien semma l-​apostasija b’isimha u wissa li din kellha sseħħ qabel il-​jum taʼ Jehovah.—2 Tessalonikin 2:​1-3, NW.

3. X’ġara wara l-​mewt taʼ l-​appostli?

3 Wara l-​mewt taʼ l-​appostli, it-​tagħlim u l-​filosofiji pagani bdew jitfu d-​dawl taʼ l-​aħbar tajba. Bħalma kien tbassar, għalliema foloz għawġu u niġġsu l-​messaġġ safi tal-​verità. Bil-​mod il-​mod, il-​Kristjanità vera twarrbet u ħaditilha postha għamla falza tagħha msejħa l-​Kristjaneżmu. Tfaċċat klassi tal-​kleru li pprovat ma tħallix il-​Bibbja tiġi f’idejn in-​nies. Għalkemm l-​għadd taʼ dawk li kienu jsejħu lilhom infushom Kristjani żdied, il-​qima tagħhom ma kinitx safja. Il-​Kristjaneżmu nfirex f’ħafna pajjiżi u sar organizzazzjoni b’saħħitha u influwenza dominanti fil-​kultura tal-​Punent, imma la kellu l-​barka t’Alla u lanqas l-​ispirtu tiegħu.

4. Il-​komplott taʼ Satana biex ifixkel l-​iskop t’Alla għala ma rnexxiex?

4 Madankollu, il-​komplott taʼ Satana biex ifixkel l-​iskop taʼ Jehovah ma setax jirnexxi. Saħansitra matul l-​iktar żmien mudlam taʼ l-​apostasija, il-​Kristjanità vera kienet għadha ħajja fost xi wħud. Nies li kkopjaw il-​Bibbja għamlu ħilithom biex jagħmlu dan b’eżattezza. B’hekk, il-​Bibbja nfisha ma nbidlitx, għalkemm il-​messaġġ tagħha ġie interpretat ħażin minn ħafna li kienu jsostnu li kellhom l-​awtorità li jgħallmuha. Matul is-​sekli, studjużi bħal Ġirolmu u Tyndale bil-​kuraġġ kollu ttraduċew u qassmu l-​Kelma t’Alla. Miljuni taʼ nies setaʼ jkollhom il-​Bibbja u jkunu influwenzati minn xi forma taʼ Kristjanità, anki jekk din kienet falza.

5. Il-​profeta Danjel x’bassar rigward l-​“għarfien veru”?

5 Maż-​żmien, bħalma kien tbassar fil-​ktieb taʼ Danjel, ‘l-​għarfien veru sar abbundanti.’ Dan ġara fiż-​“żmien tat-​tmiem”—iż-​żmien li qed ngħixu fih. (Danjel 12:​4, NW) L-​ispirtu qaddis għen lil nies li jħobbu l-​verità jiksbu għarfien eżatt dwar dak Alla veru u l-​iskop tiegħu. Saħansitra wara sekli sħaħ taʼ tagħlim apostat, il-​kelma t’Alla tibqaʼ tittrijonfa! Illum l-​aħbar tajba qed tixxandar maʼ kullimkien, u lin-​nies qed toffrilhom it-​tama li jgħixu f’dinja ġdida meraviljuża. (Salm 37:11) Issa ejja neżaminaw kif il-​kelma t’Alla kompliet tikber illum.

Kif il-​Kelma Kibret fi Żmienna

6. Liema veritajiet kienu fehmu l-​Istudenti tal-​Bibbja sa l-​1914?

6 Fl-​aħħar parti tas-​seklu 19, il-​verità tal-​Bibbja qanqlet lil grupp żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja, li llum huma magħrufin bħala Xhieda taʼ Jehovah, biex jieħdu azzjoni. Sa l-​1914 il-​Bibbja kienet bħallikieku ħadet il-​ħajja għalihom. Huma fehmu veritajiet meraviljużi dwar l-​iskop t’Alla. Ħassewhom imqanqlin profondament meta tgħallmu dwar l-​imħabba li wera Jehovah billi bagħat lil Ibnu fuq l-​art u b’hekk fetaħ it-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem. Huma kienu tgħallmu wkoll dwar l-​isem t’Alla u l-​personalità tiegħu, u żviluppaw apprezzament għalihom. Barra minn hekk, għarfu li “żmien il-​Ġentili” kien diġà spiċċa, u dan kien jindika li kien wasal iż-​żmien biex il-​gvern tas-​Saltna t’Alla jġib barkiet għall-​umanità. (Luqa 21:​24, KŻ) Din tassew kienet aħbar tajba! Dawn il-​veritajiet tant qawwija kellhom jingħadu lil kulħadd, kullimkien. Kien hemm il-​ħajjiet fin-​nofs!

7. Il-​verità tal-​Bibbja kif ittrijonfat fi żmienna?

7 Jehovah bierek lil dawk il-​ftit Kristjani midlukin bl-​ispirtu. Illum, l-​għadd taʼ dawk li jħaddnu l-​Kristjanità vera qabeż is-​sitt miljuni. Il-​kelma t’Alla nfirxet f’ħafna pajjiżi, għaliex ix-​Xhieda taʼ Jehovah jinsabu f’235 pajjiż. Barra minn hekk, il-​verità tal-​Bibbja wriet kemm hi qawwija billi ttrijonfat fuq l-​ostakli kollha, kemm jekk reliġjużi u kemm oħrajn. Din l-​attività taʼ ppridkar mad-​dinja kollha żżid mal-​provi li ħadd ma jistaʼ jiċħadhom li Ġesù huwa preżenti u għandu f’idejh il-​poter tas-​Saltna.—Mattew 24:​3, 14.

8. X’qalu xi wħud dwar iż-​żjieda fl-​għadd taʼ Xhieda taʼ Jehovah?

8 L-​istess bħalma l-​kittieba taʼ l-​istorja kitbu dwar kemm il-​Kristjanità kibret b’mod taʼ l-​għaġeb fl-​ewwel seklu, ħafna studjużi kkummentaw dwar iż-​żjieda tal-​poplu taʼ Jehovah fiż-​żmien modern. Żewġ studjużi mill-​Istati Uniti qalu f’artiklu li kitbu flimkien: “Matul dawn l-​aħħar 75 sena, ix-​Xhieda taʼ Jehovah baqaʼ jkollhom rata taʼ żjieda straordinarja . . . u dan kien fuq skala globali.” Ġurnal taʼ l-​Afrika tal-​Lvant jirreferi għax-​Xhieda bħala “waħda mill-​iktar reliġjonijiet li qed jiżdiedu bil-​ħeffa u li huma rispettati ferm fid-​dinja, magħrufa fuq livell internazzjonali għax iżżomm għalkollox mat-​tagħlim bibliku.” U ġurnal Kattoliku konservattiv li jiġi pubblikat fl-​Ewropa jirreferi għaż-​“żjieda impressjonanti fl-​għadd taʼ Xhieda taʼ Jehovah.” X’wassal għal din iż-​żjieda?

Il-​Ħidma taʼ l-​Ispirtu Qaddis Illum

9. (a) Liema hi raġuni ewlenija għala l-​kelma t’Alla tittrijonfa llum? (b) Jehovah kif jiġbed lin-​nies lejh?

9 Waħda mir-​raġunijiet ewlenin għala l-​kelma t’Alla tittrijonfa llum hi li l-​ispirtu taʼ Jehovah qed jaħdem b’qawwa kbira, l-​istess bħalma ġara fl-​ewwel seklu. Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-​Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-​imwiet fl-​aħħar jum.” (Ġwann 6:44) Dan il-​kliem jissuġġerixxi li Alla jiġbed bil-​ħlewwa lil dawk li jkunu disposti li jaċċettaw il-​kelma, billi jagħmel xi ħaġa biex jilħaq lil qlubhom. Permezz taʼ l-​attività taʼ l-​ippridkar tax-​Xhieda tiegħu, Jehovah qed jiġbed oħrajn biex jaqduh fis-​servizz tiegħu, il-​“ġid kollu tal-​popli”—nies ġwejdin li huma bħal nagħaġ.—Ħaggaj 2:​6, 7.

10. Liema xorta taʼ nies wieġbu għall-​kelma t’Alla?

10 L-​ispirtu qaddis mhux biss saħħaħ lin-​nies taʼ Jehovah biex iwasslu l-​kelma t’Alla sa l-​iktar parti mbegħda taʼ l-​art, imma qanqal lil kull xorta taʼ nies biex iwieġbu għall-​aħbar tajba. Verament, dawk li aċċettaw il-​kelma t’Alla ġew “minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens.” (Apokalissi 5:9; 7:​9, 10) Dawn ġew minn fost nies sinjuri u nies fqar, nies li jafu ħafna skola u nies li lanqas biss jafu jaqraw. Xi wħud aċċettaw il-​kelma fi żmien taʼ gwerra u persekuzzjoni ħarxa, waqt li oħrajn għamlu dan fi żmien taʼ paċi u prosperità. Taħt kull tip taʼ gvern, f’kull xorta taʼ kultura, sew jekk fil-​kampijiet tal-​konċentrament u sew jekk fil-​palazzi, kemm irġiel u kemm nisa wieġbu b’mod pożittiv għall-​aħbar tajba.

11. L-​ispirtu qaddis kif jaħdem fil-​ħajjiet tan-​nies t’Alla, u liema differenza nistgħu naraw biċ-​ċar?

11 Minkejja li dawk li jifformaw il-​poplu t’Alla huma daqshekk differenti minn xulxin, xorta waħda huma magħqudin. (Salm 133:​1-3, KŻ) Dan ikompli jżid maʼ l-​evidenza li l-​ħidma taʼ l-​ispirtu hija involuta fil-​ħajja taʼ dawk li jaqdu lil Alla. L-​ispirtu tiegħu huwa forza qawwija li taġixxi għall-​ġid, u din tgħin lill-​qaddejja tiegħu biex juru l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, il-​qalb tajba, u kwalitajiet sbieħ oħrajn. (Galatin 5:​22, 23) Illum nistgħu naraw biċ-​ċar dak li bassar il-​profeta Malakija żmien twil ilu: “Mbagħad . . . tagħrfu [“d-​differenza,” KŻ] bejn il-​ġust u l-​ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.”—Malakija 3:18.

Il-​Kelma t’Alla Tittrijonfa f’Ħaddiema Żelużi

12. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif iħossuhom dwar ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u kif jistennew li tkun ir-​reazzjoni tan-​nies għall-​attività taʼ l-​ippridkar tagħhom?

12 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum m’humiex xi nies tajbin biss biex isaħħnu s-​siġġu. Huma jieħdu sehem attiv fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar. Bħall-​Kristjani tal-​bidu, huma joffru rwieħhom minn rajhom biex jagħmlu r-​rieda t’Alla, u jfittxu li jgħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar dak li Jehovah jwiegħed li jagħmel permezz tas-​Saltna. Huma jaħdmu flimkien m’Alla, u fi qbil mal-​ħidma taʼ l-​ispirtu qaddis, jgħinu lil oħrajn biex jingħaqdu magħhom u jibdew jaqdu lil Jehovah. Billi jagħmlu hekk, huma jkunu qed jirriflettu l-​ħniena u l-​imħabba li għandu Jehovah għall-​umanità li ma temminx fih. U huma jagħmlu dan minkejja l-​apatija, it-​twaqqigħ għaċ-​ċajt, u l-​persekuzzjoni li jiffaċċjaw. Ġesù pprepara lis-​segwaċi tiegħu minn qabel għar-​reazzjonijiet differenti li kien se jkollhom in-​nies għall-​aħbar tajba. Hu qal: “Il-​qaddej m’huwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll; jekk ħarsu l-​kelma tiegħi, għad iħarsu tagħkom ukoll.”—Ġwann 15:20.

13. Liema karatteristiċi li huma neqsin fil-​Kristjaneżmu jidhru bl-​abbundanza fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah?

13 Ma nistgħux ma nibqgħux impressjonati bix-​xebh li hemm bejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum u dawk li kienu jħaddnu l-​Kristjanità vera fl-​ewwel seklu. Daqstant ieħor jidher ċar il-​kuntrast li hemm illum bejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah u l-​Kristjaneżmu. Wara li kiteb dwar iż-​żelu li kellhom il-​Kristjani tal-​bidu biex ixandru l-​aħbar tajba, wieħed studjuż ilmenta: “Sakemm ma sseħħx bidla fil-​ħajja moderna li jgħixu l-​membri tal-​knisja sabiex b’hekk l-​inkarigu taʼ l-​evanġelizzazzjoni jkun għal darb’oħra meqjus bħala d-​dmir taʼ kull Kristjan mgħammed u jkun appoġġat minn kwalità taʼ ħajja li hi superjuri ferm għal dik li jgħixu nies li ma jħaddnux il-​fidi, ftit li xejn se nimxu ’l quddiem.” L-​istess karatteristiċi li huma neqsin fil-​Kristjaneżmu jidhru bl-​abbundanza fix-​Xhieda taʼ Jehovah! Il-​fidi tagħhom hija ħajja u ġenwina, fidi bbażata fuq il-​verità tal-​Bibbja li huma jħossu li jridu jitkellmu dwarha maʼ kulmin ikun lest li jagħti widen.—1 Timotju 2:​3, 4.

14. Ġesù kif kien iqis il-​ministeru tiegħu, u liema attitudni għandhom id-​dixxipli tiegħu llum?

14 Ġesù kien jieħu l-​ministeru tiegħu b’serjetà kbira, u għamlu l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Hu qal lil Pilatu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwann 18:37) Dawk li huma parti mill-​poplu t’Alla jħossuhom l-​istess bħal Ġesù. Il-​verità tal-​Bibbja qegħda f’qalbhom, u huma jagħmlu ħilithom biex isibu metodi kif jitkellmu dwarha maʼ kemm nies jistgħu. Xi ftit minn dawn il-​metodi juru kemm huma tassew iħaddmu rashom biex jagħmlu dan.

15. Xi wħud kif ħaddmu moħħhom biex ikunu jistgħu jippridkaw l-​aħbar tajba?

15 F’pajjiż ġewwa l-​Amerika t’Isfel, ix-​Xhieda kienu jivvjaġġaw ’l isfel minn ġo xmara żgħira li hi fergħa tax-​Xmara Amazon biex jilħqu lin-​nies u jxandrulhom il-​verità. Madankollu, meta beda l-​ġlied ċivili fl-​1995, in-​nies ma tħallewx jivvjaġġaw iktar minn ġox-​xmara. Billi kienu determinati li jibqgħu jipprovdu l-​letteratura dwar il-​Bibbja lin-​nies li kienu interessati, ix-​Xhieda ddeċidew li jwasslu l-​messaġġ billi jħalluh jgħum f’wiċċ l-​ilma tul ix-​xmara. Dan kienu jagħmluh billi jiktbu l-​ittri u jpoġġuhom flimkien maʼ xi kopji tar-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! ġo fliexken tal-​plastik vojta. Imbagħad kienu jitfgħu l-​fliexken fix-​xmara. Dan kompla għal erbaʼ snin u nofs sakemm reġaʼ kien possibbli li n-​nies jivvjaġġaw minn ġox-​xmara. In-​nies li kienu joqogħdu matul ix-​xtut tax-​xmara tgħidx kemm irringrazzjaw lix-​Xhieda għal-​letteratura. Mara li diġà kienet studenta tal-​Bibbja għannqithom bid-​dmugħ f’għajnejha u qaltilhom: “Ħsibt li qatt ma kont se narakom iktar. Imma meta bdejt nirċievi l-​letteratura fil-​fliexken, indunajt li ma kontux insejtuni!” Oħrajn li joqogħdu matul ix-​xtut tax-​xmara qalu li kienu qraw ir-​rivisti għal darba wara l-​oħra. Ħafna komunitajiet kellhom “uffiċċju postali”—post fejn fix-​xmara kien hemm kurrenti jduru li fih kienu jinġabru l-​oġġetti li jkunu jgħumu f’wiċċ l-​ilma. Kien hemmhekk li dawk li kienu interessati kienu jmorru jiċċekkjaw jekk ġietx xi “posta” min-​naħa taʼ fuq tax-​xmara.

16. Meta nuru li aħna lesti biex ngħinu kif tistaʼ tinfetaħ it-​triq biex nagħmlu dixxipli?

16 L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba jsir bid-​direzzjoni u l-​appoġġ t’Alla Jehovah u taʼ l-​anġli tant b’saħħithom. (Apokalissi 14:6) Jekk sempliċement nuru li aħna lesti biex ngħinu, xi kultant jistgħu jiġuna opportunitajiet biex nagħmlu dixxipli mingħajr lanqas biss inkunu qed nistennewhom. F’Najrobi, ġewwa l-​Kenja, żewġ nisa Kristjani li kienu qegħdin fis-​servizz taʼ l-​għalqa kienu lestew id-​djar li kienu ġew assenjati biex jaħdmu. F’daqqa waħda marret fuqhom mara żagħżugħa u qaltilhom kollha eċċitata: “Kieku tafu kemm ili nitlob biex niltaqaʼ maʼ xi ħadd bħalkom!” Hi talbet lix-​Xhieda bil-​ħniena biex ifittxu jmorru għandha għal diskussjoni, u dak in-​nhar stess bdew studju tal-​Bibbja magħha. Dik il-​mara għala kienet daqshekk iddisprata meta marret fuq iż-​żewġ Kristjani? Xi ħmistax qabel, kienet mititilha t-​tarbija tagħha. Għalhekk, meta rat tifel b’fuljett f’idu li kien iġib it-​titlu “X’Tama Hemm għall-​Maħbubin Mejtin?,” hi riditu akkost taʼ kollox u talbet lit-​tifel jagħtihulha. Hu ma riedx, imma pponta lejn ix-​Xhieda biex juriha min kien tahulu. Il-​mara malajr bdiet tagħmel ħafna progress spiritwali u setgħet tiflaħ iktar għall-​uġigħ tat-​telfa tat-​tarbija tagħha.

L-​Imħabba t’Alla Trid Tittrijonfa

17-19. Jehovah kif wera mħabba għall-​umanità billi pprovda l-​fidwa?

17 It-​tkattir tal-​kelma t’Alla fid-​dinja kollha huwa marbut mill-​qrib mas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu li tħallas bħala prezz għall-​fidwa. Ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar hu espressjoni taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah għan-​nies kullimkien, l-​istess bħall-​prezz li ġie mħallas għall-​fidwa. L-​appostlu Ġwanni ġie mnebbaħ biex jikteb: “Għax Alla hekk ħabb lid-​dinja [taʼ bnedmin] li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 3:16.

18 Aħseb dwar l-​imħabba li wera Jehovah meta pprovda l-​fidwa. Għal eluf u eluf taʼ snin, Alla kien gawda relazzjoni mill-​qrib maʼ l-​Iben uniġenitu li hu tant għażiż għalih, il-​‘bidu tal-​ħolqien taʼ Alla.’ (Apokalissi 3:14) Ġesù jħobbu profondament lil Missieru, u Jehovah ħabb lil Ibnu “sa minn qabel il-​ħolqien tad-​dinja.” (Ġwann 14:31; 17:24) Jehovah ppermetta li dan l-​Iben maħbub jinqatel sabiex il-​bnedmin ikunu jistgħu jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem. Kemm tqanqal fina sens taʼ riverenza profonda din l-​espressjoni taʼ mħabba għall-​umanità!

19 Ġwann 3:​17 jgħid: “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-​dinja biex jagħmel ħaqq mid-​dinja, imma biex id-​dinja ssalva permezz tiegħu.” Għalhekk, Jehovah bagħat lil Ibnu biex b’imħabba jwettaq missjoni taʼ salvazzjoni, u mhux missjoni taʼ ġudizzju jew kundanna. Dan jaqbel mal-​kliem taʼ Pietru: “[Jehovah] ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.”—2 Pietru 3:9.

20. Is-​salvazzjoni b’liema mod hi relatata maʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba?

20 Wara li pprovda l-​bażi legali għas-​salvazzjoni li swietlu prezz tant għoli, Jehovah jrid li kemm jistaʼ jkun nies jibbenefikaw. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kull min isejjaħ isem il-​Mulej isalva. Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?”—Rumani 10:​13, 14.

21. Kif għandna nħossuna dwar l-​opportunità li għandna biex nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar?

21 Kemm hu privileġġ sabiħ li nistgħu nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol taʼ ppridkar u tagħlim li qed isir madwar id-​dinja kollha! M’huwiex xogħol faċli, iżda kemm jithenna Jehovah meta josserva lin-​nies tiegħu jgħixu l-​verità fedelment u jaqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn! Għalhekk, huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tiegħek, ħalli l-​ispirtu t’Alla u l-​imħabba li hemm f’qalbek iqanqluk biex tieħu sehem f’dan ix-​xogħol. U ftakar li dak li qed naraw jitwettaq mad-​dinja kollha hu evidenza konvinċenti li Alla Jehovah dalwaqt se jżomm il-​wegħda tiegħu u jġib dawk is-​“smewwiet ġodda u art ġdida” glorjużi li fihom se “tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.

Tiftakar Int?

• L-apostasija għala ma setgħetx issikket lill-​predikaturi taʼ l-​aħbar tajba?

• Il-kelma t’Alla kif ittrijonfat fi żmienna?

• B’liema modi naraw il-​ħidma taʼ l-​ispirtu t’Alla llum?

• Il-fidwa kif inhi marbuta maʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba?

[Graff/Stampa f’paġna 16]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Żjieda fl-​għadd taʼ proklamaturi tas-​Saltna fis-​seklu 20

Medja taʼ Pubblikaturi (miljuni)

6.0

5.5

5.0

4.5

4.0

3.5

3.0

2.5

2.0

1.5

1.0

0.5

1900 1910 1920 1930 1940 1950 1960 1970 1980 1990 2000

[Stampi f’paġna 15]

ĠIROLMU

TYNDALE

GUTENBERG

HUS

[Sors]

Gutenberg u Hus: Mill-​ktieb The Story of Liberty, 1878

[Stampa f’paġna 15]

L-​Istudenti tal-​Bibbja jxandru l-​aħbar tajba fis-​snin 20

[Stampi f’paġna 17]

Madwar id-​dinja, in-​nies qed iwieġbu għall-​aħbar tajba

[Stampa f’paġna 18]

Bħas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu li tħallas bħala prezz għall-​fidwa, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar juri l-​kobor taʼ l-​imħabba t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja