Uħud li Jġorru d-Dawl—Għal Liema Għan?
“Jien ħtartek bħala dawl tal-ġnus.”—ATTI 13:47.
1. L-appostlu Pawlu kif kien influwenzat mill-kmandament li hemm referenza għalih f’Atti 13:47?
“JEHOVAH qiegħed kmandament fuqna f’dawn il-kelmiet, ‘Jien ħtartek bħala dawl tal-ġnus, għalik biex tkun salvazzjoni sal-estremità tal-art,’” qal l-appostlu Pawlu. (Atti 13:47) Mhux biss qal hekk imma wkoll għaraf is-serjetà tiegħu. Wara li sar Kristjan, Pawlu ddedika ħajtu biex iwettaq dan il-kmandament. (Atti 26:14-20) Tqiegħed ukoll fuqna dak il-kmandament? Jekk inhu hekk, għala hu importanti għal żmienna?
Meta ‘d-Dwal Intfew’ għall-Umanità
2. (a) Hekk kif id-dinja daħlet fiż-żmien tat-tmiem tagħha, x’seħħ li effettwa b’mod profond il-klima spiritwali u morali? (b) Statista Ingliż kif irreaġixxa għal dak li ra qiegħed iseħħ f’Awissu tal-1914?
2 Qabel ma l-biċċa l-kbira tan-nies ħajjin illum kienu twieldu, din id-dinja daħlet fiż-żmien tat-tmiem tagħha. Ġraw ħafna affarijiet kbar malajr, waħda wara l-oħra. Satana x-Xitan, il-promotur ewlieni tad-dlam spiritwali u morali, ġie mixħut lejn l-art. (Efesin 6:12; Rivelazzjoni 12:7-12) L-umanità kienet diġà mitfugħa fl-ewwel gwerra dinjija tagħha. Kmieni f’Awissu tal-1914, meta l-gwerra kienet saret ċertezza, Sir Edward Grey, is-segretarju tal-istat għal affarijiet barranin Ingliż, ħares ’il barra mit-tieqa tal-uffiċċju tiegħu f’Londra u qal: “Il-lampi qed jintfew mal-Ewropa kollha; m’aħniex se nerġgħu narawhom jinxtegħlu tul ħajjitna.”
3. Liema suċċess kellhom il-mexxejja dinjin f’li jipprovaw idawlu ħarset il-bniedem lejn il-ġejjieni?
3 Fi sforz biex iġġiegħel lil dawk id-dwal jiġu lura, inħolqot il-Lega tan-Nazzjonijiet fl-1920. Imma d-dawl bil-kemm beda jnemnem. Mat-tmiem tat-tieni gwerra dinjija, il-mexxejja dinjin reġgħu pprovaw, din id-darba bl-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda. Għal darb’oħra, id-dwal ma ħeġġewx. Minħabba ċerti ġrajjiet iktar riċenti, madankollu, il-mexxejja dinjin bdew jitkellmu dwar “ordni dinjija ġdida.” Imma ma tantx tistaʼ tgħid li xi “dinja ġdida” magħmula minnhom ipprovdiet paċi u sigurtà vera. Għall-kuntrarju, il-konflitti bl-armamenti, l-inkwiet etniku, il-kriminalità, il-qagħad, il-faqar, it-tniġġis tal-ambjent, u l-mard għadhom kollha kemm huma jtellfu lin-nies milli jgawdu l-ħajja.
4, 5. (a) Meta u kif waqgħet dalma fuq il-familja umana? (b) X’inhu neċessarju sabiex jiġi pprovdut serħan?
4 Fir-realtà, kien ferm qabel l-1914 li d-dawl intefa għall-bniedem. Dak seħħ madwar 6,000 sena ilu f’Għeden, meta l-ewwel ġenituri umani tagħna għażlu li jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom stess bla ma jqisu xejn ir-rieda espressa t’Alla. L-esperjenzi koroh tar-razza umana li seħħew minn dak iż-żmien ’il hawn huma sempliċement episodji f’ħajja taħt dik li l-Bibbja tirreferi għaliha bħala “l-awtorità tad-dlam.” (Kolossin 1:13) Kien taħt l-influwenza taʼ Satana x-Xitan li l-ewwel bniedem, Adam, xeħet lid-dinja fid-dnub; u minn Adam id-dnub u l-mewt infirxu fuq il-bnedmin kollha. (Ġenesi 3:1-6; Rumani 5:12) Il-bnedmin b’hekk tilfu l-approvazzjoni taʼ Jehovah, is-Sors tad-dawl u l-ħajja.—Salm 36:9.
5 L-uniku mod kif id-dawl setaʼ jerġaʼ verament jiddi fuq xi ħadd mill-bnedmin kellu jkun jekk huma jiksbu l-approvazzjoni taʼ Alla Jehovah, il-Ħallieq tal-umanità. Imbagħad, “il-kisja li qiegħda tiksi fuq il-popli kollha,” il-kundanna minħabba d-dnub, tkun tistaʼ titneħħa. Dan kif jistaʼ jkun possibbli?—Isaija 25:7.
Il-Wieħed Mogħti “bħala Dawl għall-Ġnus”
6. Jehovah liema prospetti grandjużi għamel possibbli għalina permezz taʼ Ġesù Kristu?
6 Saħansitra qabel ma Adam u Eva tkeċċew mill-Ġenna tal-Art, Jehovah bassar “żerriegħa” li kellu jkun il-ħellies taʼ dawk li jħobbu t-tjieba. (Ġenesi 3:15) Wara t-twelid uman taʼ dak iż-Żerriegħa mwiegħed, Jehovah qanqal lix-xwejjaħ Xmun, fit-tempju f’Ġerusalemm, biex jidentifika lil dak bħala “dawl biex jitneħħa l-velu mill-ġnus.” (Luqa 2:29-32) Permezz tal-fidi fis-sagrifiċċju tal-ħajja umana perfetta taʼ Ġesù, il-bnedmin setgħu jinħelsu mill-kundanna li tirriżulta mid-dnub li twelidna bih. (Ġwann 3:36) Fi qbil mar-rieda taʼ Jehovah, huma setgħu jħarsu ’l quddiem lejn ħajja taʼ dejjem fil-perfezzjoni bħala parti mis-Saltna tas-sema jew bħala sudditi tagħha fil-ġenna tal-art. Xi provvediment meraviljuż hu dak!
7. Il-wegħdiet f’Isaija 42:1-4 u t-twettieq tagħhom fl-ewwel seklu għala jimlewna bit-tama?
7 Ġesù Kristu huwa hu stess il-garanzija li dawn il-prospetti grandjużi se jkunu realtà. F’konnessjoni mal-fejqan li Ġesù ġab għal nies milqutin, l-appostlu Mattew applika għalih dak li hemm miktub f’Isaija 42:1-4. Dik l-iskrittura tgħid, f’parti: “Ħares! Il-qaddej tiegħi, li fuqu jien inżomm qabda soda! Il-magħżul tiegħi, li lilu ruħi approvat! Jien qigħedt l-ispirtu tiegħi fih. Ġustizzja għall-ġnus hi dik li se jġib.” U mhux dan hu li għandhom bżonn in-nies tal-ġnus kollha? Il-profezija tkompli: “Hu mhux se jgħajjat jew igħolli leħnu, u fit-triq mhux se jħalli lil leħnu jinstemaʼ. Ebda qasba mfarrka ma se jikser; u inkwantu għal ftila baxxa tal-kittien, hu mhux se jitfiha.” Fi qbil maʼ dan, Ġesù ma trattahomx bl-aħrax lin-nies li kienu diġà milqutin. Hu tħassarhom, għallimhom dwar il-għanijiet taʼ Jehovah, u fejjaqhom.—Mattew 12:15-21.
8. Ġesù f’liema sens ingħata minn Jehovah “bħala patt tan-nies” u “bħala dawl tal-ġnus”?
8 Id-Donatur taʼ din il-profezija jindirizza ruħu lill-Qaddej tiegħu, lil Ġesù, u jgħid: “Jien innifsi, Jehovah, sejjaħtlek fit-tjieba, u ssoktajt naqbadlek idek. U se nissalvagwardjak u nagħtik bħala patt tan-nies, bħala dawl tal-ġnus, għalik biex tiftaħ il-għajnejn għomja, biex toħroġ ’il barra mill-ħabs mudlam taħt l-art lill-priġunier, ’il barra mid-dar taʼ detensjoni lil dawk li qegħdin bil-qiegħda fid-dlam.” (Isaija 42:6, 7) Iva, Jehovah tana lil Ġesù Kristu bħala patt, bħala garanzija solenni mwiegħda. Kemm hu inkuraġġanti dan! Ġesù wera tħassib ġenwin għall-umanità meta kien fuq l-art; hu saħansitra ta ħajtu għall-bnedmin. Dan hu dak li lilu Jehovah fdalu l-ħakma fuq il-ġnus kollha. Mhux taʼ b’xejn li Jehovah jirreferi għalih bħala dawl għall-ġnus. Ġesù nnifsu qal: “Jien id-dawl tad-dinja.”—Ġwann 8:12.
9. Ġesù għala ma daħalx b’ruħu u ġismu biex itejjeb is-sistema taʼ affarijiet eżistenti fi żmienu?
9 Għal liema għan qeda Ġesù bħala d-dawl tad-dinja? Ċertament li ma kienx għal xi skop sekulari jew materjalista. Hu rrifjuta li jipprova jirranġa s-sistema politika taʼ żmienu u ma ried jaċċetta ħatra taʼ sultan la mingħand Satana, il-ħakkiem tad-dinja, u lanqas mingħand il-poplu. (Luqa 4:5-8; Ġwann 6:15; 14:30) Ġesù wera mogħdrija kbira lejn dawk li kienu milqutin u ġabilhom serħan b’modi li oħrajn ma setgħux. Imma kien jaf li ebda serħan permanenti ma kien possibbli fil-qafas taʼ soċjetà umana li kienet taħt kundanna divina minħabba d-dnub li kulħadd twieled bih u li kienet immanipulata minn forzi spirti mill-agħar li ma jidhrux. B’dehen mingħand Alla, Ġesù ċċentra l-ħajja kollha kemm hi tiegħu biex jagħmel ir-rieda t’Alla.—Ebrej 10:7.
10. Ġesù b’liema modi u għal liema għan qeda bħala d-dawl tad-dinja?
10 B’liema modi u għal liema għan, allura, qeda Ġesù bħala d-dawl tad-dinja? Hu ntefaʼ b’ruħu u ġismu f’li jippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Luqa 4:43; Ġwann 18:37) Billi ta xiehda għall-verità dwar il-għan taʼ Jehovah, Ġesù wkoll igglorifika lill-isem taʼ Missieru tas-sema. (Ġwann 17:4, 6) Iktar minn hekk, bħala d-dawl tad-dinja, Ġesù kixef beraħ il-qerq reliġjuż u b’hekk ipprovda ħelsien spiritwali għal dawk miżmumin fi rbit reliġjuż. Hu kixef lil Satana bħala dak li jimmanipula bil-moħbi lil dawk li jħallu lilhom infushom ikunu wżati minnu. Ġesù wkoll identifika b’mod ċar ix-xogħlijiet li jappartjenu lid-dlam. (Mattew 15:3-9; Ġwann 3:19-21; 8:44) B’mod li jispikka, hu wera li kien id-dawl tad-dinja billi ċeda l-ħajja umana perfetta tiegħu bħala rahan, u b’hekk fetaħ it-triq għal dawk li jeżerċitaw fidi f’dan il-provvediment biex ikollhom il-maħfra tad-dnubiet, relazzjoni approvata m’Alla, u l-prospett taʼ ħajja eterna bħala parti mill-familja universali taʼ Jehovah. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) U fl-aħħarnett, billi żamm devozzjoni perfetta lejn Alla matul ħajtu kollha, Ġesù żamm fil-għoli s-sovranità taʼ Jehovah u ta prova li x-Xitan hu giddieb, u b’hekk għamilha possibbli li dawk li jħobbu t-tjieba jistgħu jiksbu benefiċċji eterni. Imma kellu Ġesù jkun l-uniku wieħed li jġorr id-dawl?
“Intom id-Dawl tad-Dinja”
11. Biex ikunu wħud li jġorru d-dawl, id-dixxipli taʼ Ġesù x’kellhom jagħmlu?
11 F’Mattew 5:14, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom id-dawl tad-dinja.” Huma kellhom isegwu fil-passi tiegħu. Kemm bil-mod kif igħixu ħajjithom u kemm bl-ippridkar tagħhom, huma kellhom jidderieġu lil oħrajn lejn Jehovah bħala s-Sors tal-veru tidwil. B’imitazzjoni taʼ Ġesù, huma kellhom jagħmlu magħruf l-isem taʼ Jehovah u jżommu s-sovranità Tiegħu fil-għoli. Bħalma għamel Ġesù, hekk huma kellhom jipproklamaw is-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-bniedem. Kellhom ukoll jikxfu l-qerq reliġjuż, ix-xogħlijiet li jappartjenu lid-dlam, u jikxfu lill-wieħed mill-agħar li qiegħed wara dawn l-affarijiet. Is-segwaċi taʼ Kristu kellhom igħidu lin-nies maʼ kullimkien dwar il-provvediment taʼ mħabba taʼ Jehovah għal salvazzjoni permezz taʼ Ġesù Kristu. B’liema żelu l-Kristjani bikrin wettqu dak l-inkarigu, billi l-ewwel bdew minn Ġerusalemm u l-Ġudea u mbagħad marru fis-Samarija, bħalma kien ikkmandahom Ġesù!—Atti 1:8
12. (a) Safejn kellu jestendi d-dawl spiritwali? (b) L-ispirtu taʼ Jehovah x’għen lil Pawlu biex jagħraf dwar Isaija 42:6, u dik il-profezija kif għandha teffettwa lill-ħajjiet tagħna?
12 Madankollu, l-ippridkar tal-aħbar tajba ma kellux ikun limitat għal dik il-għalqa. Ġesù struwixxa lis-segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli minn nies tal-ġnus kollha.’ (Mattew 28:19) Fi żmien il-konversjoni taʼ Sawlu taʼ Tarsu, il-Mulej indika speċifikament li Sawlu (li sar l-appostlu Pawlu) kellu jippriedka mhux biss lil-Lhud imma wkoll lill-Ġentili. (Atti 9:15) Bil-għajnuna tal-ispirtu qaddis, Pawlu sar japprezza dak x’kien jinvolvi. B’hekk, hu għaraf li l-profezija taʼ Isaija 42:6, li ssib it-twettieq tagħha direttament fi Kristu, hija wkoll implikazzjoni taʼ kmand għal dawk kollha li jeżerċitaw fidi fi Kristu. Mela, f’Atti 13:47, meta kkwota minn Isaija, Pawlu qal: “Jehovah qiegħed kmandament fuqna f’dawn il-kelmiet, ‘Jien ħtartek bħala dawl tal-ġnus, għalik biex tkun salvazzjoni sal-estremità tal-art.’” Xi ngħidu dwarek? Daħħalt int f’qalbek dak l-obbligu li tkun wieħed li jġorr id-dawl? Bħal Ġesù u Pawlu, tiċċentra int lil ħajtek f’li tagħmel ir-rieda t’Alla?
Dawl u Verità mingħand Alla biex Imexxuna
13. Fi qbil maʼ Salm 43:3, x’inhi t-talba ħerqana tagħna, u dan jissalvagwardjana kontra liema ħaġa?
13 Kieku kellna aħna, bl-invenzjonijiet tagħna stess, nipprovaw ‘inġiegħlu lid-dawl jinxtelu mill-ġdid,’ biex indawlu l-futur tal-umanità, konna nkunu qed nitilfu serjament il-punt tal-Kelma mnebbħa t’Alla. Tagħmel x’tagħmel id-dinja in ġenerali, madankollu, il-Kristjani ġenwini jħarsu lejn Jehovah bħala s-sors veru taʼ dawl. It-talba tagħna hi bħal dik li nsibu f’Salm 43:3, li jgħid: “Ibgħat id-dawl tiegħek u l-verità tiegħek. Jalla jmexxuni dawn infushom. Jalla jġibuni lejn il-muntanja qaddisa tiegħek u lejn it-tabernaklu grandjuż tiegħek.”
14, 15. (a) Jehovah b’liema modi qiegħed issa jibgħat id-dawl u l-verità tiegħu? (b) Kif nistgħu aħna nuru li d-dawl u l-verità t’Alla tassew imexxuna?
14 Jehovah ikompli jwieġeb dik it-talba tal-qaddejja leali tiegħu. Hu jibgħat id-dawl billi jiddikjara l-għan tiegħu, billi jgħin lill-qaddejja tiegħu biex jifhmuh, u mbagħad billi jġiegħel li jseħħ dak li jkun iddikjara. Meta nitolbu ’l Alla, ma hix xi sempliċi formalità, magħmula biss biex tagħti dehra taʼ qdusija. Ix-xewqa ħerqana tagħna hi li d-dawl li jiġi mingħand Jehovah se jmexxina, bħalma jgħid is-salm. Aħna naċċettaw ir-responsabbiltà li tiġi maʼ li wieħed jirċievi d-dawl li Alla jipprovdi. Bħall-appostlu Pawlu, aħna nagħrfu li t-twettieq tal-Kelma taʼ Jehovah iġorr miegħu implikazzjoni taʼ kmand għal dawk li jeżerċitaw fidi fih. Inħossuna bħal uħud li għandna d-dejn maʼ nies oħra sakemm inkunu tajniehom l-aħbar tajba li Alla fdalna għal dak il-għan.—Rumani 1:14, 15.
15 Id-dawl u l-verità li Jehovah bagħat fi żmienna jagħmluha ħaġa ċara li Ġesù Kristu qiegħed jaħkem attivament mit-tron tiegħu fis-sema. (Salm 2:6-8; Rivelazzjoni 11:15) Ġesù bassar li matul il-preżenza rjali tiegħu, din l-aħbar tajba tas-Saltna kellha tkun ippridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda. (Mattew 24:3, 14) Dak ix-xogħol qiegħed isir issa, u b’mod intens, mal-globu kollu. Jekk qegħdin nagħmlu dak ix-xogħol bħala l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja tagħna, allura d-dawl t’Alla u l-verità tiegħu qegħdin imexxuna, bħalma qal is-salmista.
Il-Glorja Nfisha taʼ Jehovah Iddiet
16, 17. Jehovah kif għamel il-glorja tiegħu tiddi fuq l-organizzazzjoni bħal mara tiegħu fl-1914, u liema kmand taha?
16 B’lingwaġġ li jqanqal il-qalb, l-Iskrittura tiddeskrivi l-manjiera kif id-dawl divin qiegħed jiġi mqassam lin-nies kullimkien. Isaija 60:1-3, li hu indirizzat lill-“mara” taʼ Jehovah, jew l-organizzazzjoni tiegħu fis-sema taʼ qaddejja leali, jgħid: “Qum, O mara, ixħet id-dawl, għax dawlek ġie u fuqek l-istess glorja taʼ Jehovah iddiet. Għax, ħares! dalma nfisha se tiksi l-art, u swidija kbira l-gruppi nazzjonali; imma fuqek Jehovah se jiddi, u fuqek il-glorja tiegħu stess se tidher. U ġnus ċertament li se jmorru lejn dawlek, u slaten lejn it-tlellix tad-dija tiegħek.”
17 Il-glorja taʼ Jehovah iddiet fuq l-organizzazzjoni tiegħu bħal mara fis-sema fis-sena 1914 meta, wara perijodu twil taʼ stennija, hi welldet lis-Saltna Messjanika, b’Ġesù Kristu bħala Sultan. (Rivelazzjoni 12:1-5) Id-dawl glorjuż taʼ Jehovah jiddi b’approvazzjoni divina fuq dak il-gvern bħala l-wieħed li hu sewwa u bi dritt għall-art kollha.
18. (a) Id-dlam għala jiksi lill-art, bħalma hu mbassar f’Isaija 60:2? (b) Individwi kif jistgħu jinħelsu mid-dlam tal-art?
18 B’kuntrast, dlam jiksi l-art u swidija kbira l-gruppi nazzjonali. Għala? Għaliex il-ġnus ma jaċċettawx il-gvern tal-Iben għażiż t’Alla u huma favur il-ħakma mill-bniedem. Huma jaħsbu li billi jeħilsu minn forma waħda taʼ gvern u jadottaw oħra, se jsolvu l-problemi tagħhom. Imma dan ma jġibx is-serħan li jittamaw għalih. Jonqsu li jaraw min hemm wara x-xena jimmanuvra lill-ġnus mill-qasam tal-ispirti. (2 Korintin 4:4) Huma ma jaċċettawx lis-Sors tad-dawl veru u għalhekk qegħdin fid-dlam. (Efesin 6:12) Hu x’inhu dak li jagħmlu l-ġnus, madankollu, xi individwi jistgħu jiġu meħlusin minn dak id-dlam. B’liema mod? Billi jpoġġu fidi sħiħa fis-Saltna t’Alla u billi jissottomettu ruħhom lejha.
19, 20. (a) Il-glorja taʼ Jehovah kif u għala iddiet fuq is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù? (b) Jehovah għal liema raġuni għamel lill-uħud midlukin tiegħu uħud li jġorru d-dawl? (ċ) Bħalma hu mbassar, “slaten” u “ġnus” kif inġibdu lejn id-dawl mogħti minn Alla?
19 Il-Kristjaneżmu ma poġġiex fidi fis-Saltna t’Alla u ma ssottomettiex ruħu lejha. Imma s-segwaċi taʼ Ġesù Kristu midlukin bl-ispirtu hekk għamlu. Bħala riżultat, id-dawl taʼ approvazzjoni divina taʼ Jehovah idda fuq dawn ir-rappreżentanti viżibbli tal-mara tiegħu fis-sema, u l-glorja tiegħu tidher fuqhom. (Isaija 60:19-21) Huma jgawdu dawl spiritwali li ebda bidla fix-xena politika jew ekonomika tad-dinja ma tistaʼ teħodulhom. Huma ġarrbu l-ħelsien taʼ Jehovah minn Babilonja l-Kbira. (Rivelazzjoni 18:4) Igawdu t-tbissima taʼ approvazzjoni tiegħu għaliex aċċettaw id-dixxiplina tiegħu u żammew lealment mas-sovranità tiegħu. Għandhom prospetti mill-isbaħ għall-futur, u jifirħu bit-tama li hu poġġa quddiemhom.
20 Imma Jehovah għal liema għan ittrattahom b’dan il-mod? Bħalma qal hu nnifsu f’Isaija 60:21, huwa sabiex ikun jistaʼ jiġi ‘msebbaħ,’ sabiex ismu jistaʼ jiġi onorat u oħrajn jistgħu jinġibdu lejh bħala l-uniku Alla veru—u dan jirriżulta f’benefiċċju dejjiemi għalihom. Fi qbil maʼ dan, fis-sena 1931 dawn l-adoraturi taʼ dak Alla veru adottaw l-isem Xhieda taʼ Jehovah. Bħala riżultat tal-għoti taʼ xiehda tagħhom, kienu “slaten” miġbudin lejn id-dawl li rriflettew huma, bħalma bassar Isaija? Iva! Mhux il-ħakkiema politiċi tal-art, imma n-numru li fadal taʼ dawk li qegħdin f’linja biex jaħkmu bħala slaten maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema tiegħu. (Rivelazzjoni 1:5, 6; 21:24) U xi ngħidu dwar “ġnus”? Ġew huma miġbudin lejn dan id-dawl? Definittivament li iva! Ebda ġens politiku individwali ma nġibed, imma folla kbira taʼ nies minn dawn il-ġnus kollha ħadu l-waqfa tagħhom fuq in-naħa tas-Saltna t’Alla, u jistennew bil-ħerqa ħelsien għal ġod-dinja ġdida t’Alla. Se tkun dinja verament ġdida li fiha t-tjieba se tkun prevalenti.—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 7:9, 10.
21. Kif nistgħu aħna nuru li ma tlifniex il-għan tal-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah f’li tana għarfien tar-rieda tiegħu?
21 Inti personalment wieħed jew waħda minn dik il-qatgħa li dejjem tikber taʼ wħud li jġorru d-dawl? Jehovah tana li nifhmu r-rieda tiegħu sabiex, bħal Ġesù, nistgħu nkunu wħud li jġorru d-dawl. Billi nuru żelu fix-xogħol li Jehovah fada lill-qaddejja tiegħu fi żmienna, jalla lkoll kemm aħna nuru li ma tlifniex il-għan tal-qalb tajba mhix mistħoqqa li Alla estenda lilna. (2 Korintin 6:1, 2) M’hemm ebda xogħol li hu iktar importanti fi żmienna. U m’hemm ebda privileġġ akbar li jistaʼ jkun tagħna milli nigglorifikaw lil Jehovah billi nirriflettu lil oħrajn id-dawl glorjuż li jiġi mingħandu.
Kif Twieġeb Int?
◻ X’inhuma l-għeruq tal-kawża għall-problemi serji tal-bniedem?
◻ B’liema modi huma “d-dawl tad-dinja” kemm Ġesù u kemm id-dixxipli tiegħu?
◻ Id-dawl u l-verità taʼ Jehovah kif qegħdin imexxuna?
◻ Jehovah kif ġiegħel li l-glorja tiegħu tiddi fuq l-organizzazzjoni tiegħu?
◻ Jehovah għal liema għan għamel lin-nies tiegħu wħud li jġorru d-dawl?