Il-Ħajja u l-Ministeru taʼ ĠESÙ
Iktar Tagħlim fis-Sebaʼ Jum
L-AĦĦAR jum tal-Festa tat-Tabernakli, is-sebaʼ jum, għadu sejjer. Ġesù qiegħed igħallem fit-taqsima tat-tempju msemmija “t-teżor.” Din qiegħda mid-dehra fl-inħawi msejjaħ il-Qorti tan-Nisa fejn hemm senduqijiet li fihom in-nies jiddepożitaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom.
Kull lejl matul il-festa, hemm mixegħla speċjali f’din in-naħa tat-tempju. Erbaʼ gandlieri kbar ħafna huma mpoġġijin hawnhekk, kull wieħed minnhom b’erbaʼ friskaturi kbar mimlijin żejt. Id-dawl minn dawn is-sittax-il friskatur taʼ żejt jaqbad huwa qawwi biżżejjed biex idawwal l-inħawi għal distanza kbira bil-lejl. Dak li Ġesù jgħid issa jistaʼ jfakkar lis-semmiegħa tiegħu dwar din il-mixegħla .“Jien id-dawl tad-dinja,” jgħid Ġesù. “Dak li jsegwi lili bl-ebda mod ma se jimxi fid-dlam, imma se jippossjedi d-dawl tal-ħajja.”
Il-Fariżej joġġezzjonaw: “Inti tagħti xiehda dwarek innifsek; ix-xiehda tiegħek mhix vera.”
Bi tweġiba Ġesù jirrispondi: “Saħansitra jekk nagħti xiehda dwari nnifsi, ix-xiehda tiegħi hija vera, għaliex jien naf minfejn ġejt u fejn jien sejjer. Imma intom ma tafux minfejn ġejt u fejn jien sejjer.” Hu jżid: “Jiena wieħed li nagħti xiehda dwari nnifsi, u l-Missier li bagħatni jagħti xiehda dwari.”
“Fejn qiegħed Missierek?” iridu jkunu jafu l-Fariżej.
“Intom la tafu lili u lanqas lil Missieri,” Ġesù jwieġeb. “Kieku kontu tafuni, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll.” Għalkemm il-Fariżej għadhom iridu li Ġesù jiġi arrestat, ħadd ma jmissu.
“Jien sejjer ’il hemm,” jerġaʼ jgħid Ġesù. “Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.”
B’dan il-Lhud jibdew jistagħġbu: “Mhux se joqtol lilu nnifsu, hux? Għaliex hu jgħid, ‘Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu.’”
“Intom mill-oqsma taʼ taħt,” jispjega Ġesù. “Jien mill-oqsma taʼ fuq. Intom minn din id-dinja; jien m’inix minn din id-dinja.” Imbagħad hu jżid: “Jekk intom ma temmnux li jien hu, intom se tmutu fi dnubietkom.”
Ġesù, naturalment, qed jirreferi għall-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem u għall-fatt li hu l-Messija mwiegħed, jew Kristu. Madankollu, huma jistaqsu, bla dubju bi tmaqdir kbir: “Min int?”
Biex jirribatti r-rifjut tagħhom, Ġesù jwieġeb: “Għalfejn qed nitkellem magħkom fuq kollox?” Madankollu hu jissokta jgħid: “Dak li bagħatni huwa veru, u l-istess affarijiet li smajt mingħandu qiegħed nitkellem jien fid-dinja.” Ġesù jkompli: “Meta darba tkunu għollejtu lil Bin il-bniedem, imbagħad se tkunu tafu li jien hu, u li ma nagħmel xejn minn rajja; imma sewwa sew bħalma għallimni Missieri jien nitkellem dawn l-affarijiet. U dak li bagħatni qiegħed miegħi; hu m’abbandunanix għalija waħdi, għaliex jien dejjem nagħmel l-affarijiet li jogħġbu lilu.”
Meta Ġesù jgħid dawn l-affarijiet, ħafna jpoġġu fidi fih. Lil dawn igħidilhom: “Jekk tibqgħu fil-kelma tiegħi, u intom tassew dixxipli tiegħi, u intom se tkunu tafu l-verità, u l-verità se teħliskom.”
“Aħna nisel Abraham,” igħidu dawk li jopponuh, “u qatt ma konna rsiera taʼ xi ħadd. Kif inhu li tgħid, ‘lntom se tiġu meħlusin’?”
Għalkemm il-Lhud spiss kienu taħt ħakma barranija, huma ma jirrikonoxxux xi tirann bħala sid. Huma jirrifjutaw li jissejħu rsiera. Imma Ġesù juri li huma tabilħaqq irsiera. B’liema mod? “Verissimu ngħidilkom,” igħid Ġesù, “kulmin jagħmel id-dnub huwa rsir tad-dnub.”
Li jirrifjutaw li jammettu li huma rsiera tad-dnub ipoġġi lil-Lhud f’pożizzjoni perikoluża. “L-irsir ma jibqax fid-dar għal dejjem,” jispjega Ġesù. “L-iben jibqaʼ għal dejjem.” Ladarba rsir m’għandux drittijiet taʼ wirt, hu jistaʼ jkun fil-periklu li jiġi mkeċċi kull ħin. L-iben biss attwalment imwieled jew adottat ġod-dar jibqaʼ “għal dejjem,” jiġifieri, kemm idum ħaj.
“Għalhekk jekk l-lben jeħliskom,” ikompli Ġesù, “intom se tkunu fil-fatt ħielsa.” B’hekk, il-verità li teħles lin-nies hija l-verità rigward l-lben, Ġesù Kristu. Huwa biss permezz tas-sagrifiċċju tal-ħajja umana u perfetta tiegħu li xi ħadd jistaʼ jiġi meħlus mid-dnub li jġib il-mewt. Ġwann 8:12-36.
◆ Ġesù fejn igħallem fis-sebaʼ jum? X’jiġri bil-lejl hemmhekk, u dan kif għandu x’jaqsam mat-tagħlim taʼ Ġesù?
◆ Ġesù xi jgħid dwar l-oriġini tiegħu, u dan x’għandu jirrivela dwar l-identità tiegħu?
◆ Il-Lhud b’liema mod huma rsiera, imma liema verità se teħlishom?