LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kr kap. 17 pp. 182-191
  • Jitħarrġu l-predikaturi tas-Saltna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jitħarrġu l-predikaturi tas-Saltna
  • Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier”
  • Jitħarrġu biex jippritkaw
  • Jitħarrġu l-​aħwa rġiel biex jieħdu ħsieb responsabbiltajiet speċjali
  • L-Iskejjel Teokratiċi—Evidenza tal-Imħabba taʼ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Qed Titgħallem Dak Kollu li Tistaʼ Mingħand Ġeħova?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2011
  • Liema Skejjel Hemm għall-Pijunieri?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • L-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali—Bieb Kbir Miftuħ għax-Xogħol
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
Ara Iżjed
Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
kr kap. 17 pp. 182-191

KAPITLU 17

Jitħarrġu l-​predikaturi tas-​Saltna

KAPITLU DWAR

Kif l-​iskejjel teokratiċi ħejjew lill-​predikaturi tas-​Saltna biex iwettqu l-​inkarigi tagħhom

1-3. (a) Ġesù kif kabbar ix-​xogħol tal-​ippritkar? (b) Liema mistoqsijiet iqumu?

GĦAL sentejn sħaħ, Ġesù pprietka fil-​Galilija. (Aqra Mattew 9:35-​38.) Żar ħafna bliet u rħula, u għallem fis-​sinagogi u pprietka dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Kull fejn ipprietka, inġabret folla kbira biex tisimgħu. Ġesù ra li “l-​ħsad hu kbir” u li kien hemm bżonn taʼ iktar ħaddiema.

2 Ġesù rranġa biex ikabbar ix-​xogħol tal-​ippritkar. Kif? Billi bagħat lit-​12-​il appostlu tiegħu “jippridkaw is-​saltna t’Alla.” (Lq. 9:1, 2) L-​appostli setaʼ kellhom mistoqsijiet dwar kif iwettqu dan ix-​xogħol. Qabel ma bagħathom jippritkaw, Ġesù bi mħabba tahom xi ħaġa li kien tah Missieru tas-​sema—tahom it-​taħriġ.

3 Issa jqumu għadd taʼ mistoqsijiet: Ġesù x’taħriġ irċieva minn Missieru? Ġesù x’taħriġ ta lill-​appostli tiegħu? U xi ngħidu għal-​lum—is-​Sultan Messjaniku ħarreġ lis-​segwaċi tiegħu biex iwettqu l-​ministeru tagħhom? Jekk iva, kif?

“Dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier”

4. Ġesù meta ġie mgħallem minn Missieru, u fejn?

4 Ġesù qal ċar u tond li kien ġie mgħallem minn Missieru. Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier.” (Ġw. 8:28) Ġesù meta ġie mgħallem, u fejn? Milli jidher, it-​taħriġ tiegħu beda wara li ġie maħluq bħala l-​ewwel Iben imwieled t’Alla. (Kol. 1:15) Maġenb Missieru fis-​smewwiet, l-​Iben qattaʼ snin bla għadd jismaʼ u josserva lill-​“Istruttur Grandjuż.” (Is. 30:20) Minħabba f’hekk, l-​Iben irċieva edukazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha fil-​kwalitajiet, l-​għemejjel, u l-​iskopijiet taʼ Missieru.

5. Il-​Missier liema istruzzjonijiet ta lill-​Iben dwar il-​ministeru li kellu jwettaq fuq l-​art?

5 Fiż-​żmien xieraq, Ġeħova għallem lil Ibnu dwar il-​ministeru li kien se jwettaq fuq l-​art. Ikkunsidra profezija li tiddeskrivi r-​relazzjoni bejn l-​Istruttur Grandjuż u l-​ewwel Iben imwieled tiegħu. (Aqra Isaija 50:4, 5.) Ġeħova kien iqajjem lil Ibnu “kull fil-​għodu,” tgħid il-​profezija. Dan il-​kliem jagħtina stampa t’għalliem li jqajjem lill-​istudent tiegħu kmieni filgħodu sabiex jgħallmu. Xogħol taʼ referenza fuq il-​Bibbja jgħid: “Ġeħova . . . bħallikieku jieħdu fi skola bħala student, u jgħallmu x’għandu jipprietka u kif.” F’din “l-​iskola” tas-​sema, Ġeħova għallem lil Ibnu ‘x’għandu jgħid u x’għandu jitkellem.’ (Ġw. 12:49) Ukoll, il-​Missier ta lil Ibnu istruzzjonijiet dwar kif għandu jgħallem.a Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù uża t-​taħriġ li kien irċieva b’mod tajjeb. Dan m’għamlux biss billi wettaq il-​ministeru tiegħu imma wkoll billi ħarreġ lis-​segwaċi tiegħu biex iwettqu l-​ministeru tagħhom.

6, 7. (a) Ġesù liema taħriġ ta lill-​appostli, u x’armahom biex jagħmlu? (b) Ġesù liema taħriġ ta lis-​segwaċi tiegħu fi żmienna?

6 Fil-​bidu għedna li Ġesù ħarreġ lill-​appostli tiegħu. Liema taħriġ tahom? Skont Mattew kapitlu 10, tahom istruzzjonijiet speċifiċi għall-​ministeru tal-​għalqa, inkluż dan li ġej: fejn kellhom jippritkaw (versi 5, 6), x’messaġġ kellhom ixandru (vers 7), il-​bżonn li jafdaw f’Ġeħova (versi 9, 10), kif kellhom javviċinaw lill-​inkwilin (versi 11-​13), x’għandhom jagħmlu meta xi ħadd ma jagħtihomx widen (versi 14, 15), u kif għandhom jirreaġixxu meta jiġu ppersegwitati (versi 16-​23).b It-​taħriġ ċar li Ġesù ta lill-​appostli tiegħu armahom biex ikunu minn taʼ quddiem fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba fl-​ewwel seklu EK.

7 Xi ngħidu dwar żmienna? Ġesù, is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla, ta lis-​segwaċi tiegħu l-​iktar inkarigu importanti, jiġifieri, li jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna . . . fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mt. 24:14) Ħarriġna s-​Sultan biex inwettqu dan ix-​xogħol tant importanti? U kif! Mis-​sema, is-​Sultan għamel ċert li s-​segwaċi tiegħu rċivew taħriġ dwar kif jippritkaw barra mill-​kongregazzjoni u kif iwettqu responsabbiltajiet speċjali fil-​kongregazzjoni.

Jitħarrġu biex jippritkaw

8, 9. (a) X’kien l-​iskop ewlieni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku? (b) Il-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa kif għenitek tkun iktar effettiv fil-​ministeru tiegħek?

8 L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova ilha tuża l-​assembleat, il-​konvenzjonijiet, u l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni—bħal pereżempju, il-​Laqgħa tas-​Servizz—biex tħarreġ lin-​nies t’Alla għall-​ministeru. Iżda, mis-​snin 40, l-​aħwa li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fil-​kwartieri ġenerali bdew jirranġaw biex jingħata taħriġ permezz taʼ diversi skejjel.

9 L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Kif rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, din l-​iskola bdiet issir fl-​1943. Kienet il-​mira taʼ din l-​iskola sempliċement li tħarreġ lill-​istudenti biex jagħtu taħditiet effettivi fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Le. L-​iskop ewlieni taʼ din l-​iskola kien li jħarreġ lin-nies t’Alla biex jużaw l-għotja tagħhom tad-diskors biex ifaħħru lil Ġeħova fil-ministeru. (Salm 150:6) Din l-​iskola armat lill-aħwa kollha li kienu miktubin fiha biex ikunu predikaturi effettivi tas-Saltna. Issa taħriġ bħal dan qed jingħata permezz tal-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa.

10, 11. Issa min jistaʼ jattendi l-​Iskola taʼ Gilegħad, u x’inhi l-​mira taʼ dan il-​kors?

10 L-​Iskola taʼ Gilegħad. Nhar it-​Tnejn, 1 taʼ Frar 1943 bdiet dik li issa nafuha bħala l-​Iskola taʼ Gilegħad. L-​iskola oriġinalment ġiet imħejjija biex tħarreġ lill-​pijunieri u qaddejja oħra fis-​servizz fultajm ħalli jintbagħtu f’pajjiżi differenti bħala missjunarji li jaqdu fil-​ministeru. Imma minn Ottubru 2011 ’il hawn, jistgħu jattendu biss dawk li diġà qed jaqdu f’xi tip taʼ servizz speċjali fultajm—pijunieri speċjali, indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom, Beteliti, u missjunarji inkarigati biex jippritkaw li għadhom m’attendewx l-​iskola.

11 X’inhi l-​mira tal-​kors fl-​Iskola taʼ Gilegħad? Istruttur li ilu jgħallem f’Gilegħad jagħtina t-​tweġiba: “Il-​kors isir biex tissaħħaħ il-​fidi tal-​istudenti permezz taʼ studju bir-​reqqa tal-​Kelma t’Alla. Isir ukoll biex l-​istudenti jiġu megħjunin irawmu l-​kwalitajiet spiritwali meħtieġa biex b’suċċess jittrattaw mal-​isfidi tal-​inkarigi tagħhom. Minbarra dan, mira fundamentali tal-​kors hi li tnissel fl-​istudenti xewqa iktar b’saħħitha biex jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​evanġelizzar.”—Efes. 4:11.

12, 13. X’effett kellha l-​Iskola taʼ Gilegħad fuq l-​ippritkar madwar id-​dinja? Agħti eżempju.

12 X’effett kellha l-​Iskola taʼ Gilegħad fuq l-​ippritkar madwar id-​dinja? Mill-​1943, iktar minn 8,500 individwu tħarrġu fl-​iskola,c u missjunarji li tħarrġu f’Gilegħad qdew f’iktar minn 170 pajjiż madwar id-​dinja. Il-​missjunarji jużaw sew it-​taħriġ li ngħataw billi jkunu t’eżempju żeluż fil-​ministeru u billi jħarrġu lil oħrajn biex jagħmlu l-​istess. Ħafna drabi, il-​missjunarji taw spinta lix-​xogħol fi nħawi fejn ftit li xejn kien hemm pubblikaturi tas-​Saltna, jew saħansitra xejn affattu.

13 Ikkunsidra dak li ġara fil-​Ġappun, fejn l-​għoti taʼ xhieda lill-​pubbliku kien kważi spiċċa għalkollox matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Sa Awwissu tal-​1949, kien hemm inqas minn 10 pubblikaturi lokali fil-​Ġappun. Madanakollu, sal-​aħħar taʼ dik is-​sena, 13-​il missjunarju mħarrġin f’Gilegħad kienu beżlin jippritkaw fil-​Ġappun. Warajhom ġew ħafna iktar missjunarji. Għall-​ewwel, il-​missjunarji ffokaw fuq li jippritkaw fi bliet kbar; iktar tard, marru jippritkaw fi bliet oħra. Il-​missjunarji b’qalbhom kollha inkuraġġew lill-​istudenti tagħhom u oħrajn biex jibdew jaqdu bħala pijunieri. L-​isforz żeluż tal-​missjunarji ħalla l-​frott. Issa hemm iktar minn 216,000 proklamatur tas-​Saltna fil-​Ġappun, u kważi 40 fil-​mija minnhom jaqdu bħala pijunieri!d

14. L-​iskejjel teokratiċi x’juru biċ-​ċar? (Ara wkoll il-​kaxxa “Skejjel li jħarrġu lill-​predikaturi tas-​Saltna,” paġna 188.)

14 Skejjel teokratiċi oħra. L-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier, l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Koppji Kristjani, u l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin għenu lil dawk li attendewhom biex ikabbru l-​ispiritwalità tagħhom u biex b’mod żeluż ikunu minn taʼ quddiem fl-​ippritkar.e Dawn l-​iskejjel teokratiċi kollha juruna biċ-​ċar li s-​Sultan tagħna rama bl-​aħjar mod lis-​segwaċi tiegħu biex iwettqu l-​ministeru tagħhom.—2 Tim. 4:5.

Jitħarrġu l-​aħwa rġiel biex jieħdu ħsieb responsabbiltajiet speċjali

15. Irġiel li għandhom responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, b’liema mod iridu jimitaw lil Ġesù?

15 Ftakar fil-​profezija t’Isaija li tgħid li Ġesù ġie mgħallem minn Alla. F’dik “l-​iskola” fis-​sema, l-​Iben tgħallem ‘kif iwieġeb lill-​għajjien b’kelma.’ (Is. 50:4) Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù applika dak li tgħallem billi kien taʼ serħan għal dawk li kienu “mħabbtin u mgħobbijin.” (Mt. 11:28-​30) Irġiel li għandhom responsabbiltà fil-​kongregazzjoni jridu jimitaw lil Ġesù u jkunu sors taʼ serħan għal ħuthom irġiel u nisa. Għal dan il-​għan, twaqqfu diversi skejjel biex jgħinu lill-​aħwa kwalifikati jkunu iktar effettivi f’li jassistu lil sħabhom fit-​twemmin.

16, 17. X’inhu l-​iskop tal-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna? (Ara wkoll in-​nota addizzjonali.)

16 L-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna. L-​ewwel klassi taʼ din l-​iskola bdiet fid-​9 taʼ Marzu 1959 f’South Lansing, New York. Indokraturi li jivvjaġġaw u qaddejja tal-​kongregazzjoni (issa magħrufin bħala koordinaturi tal-​ġemgħa tal-​anzjani) kienu mistidnin jattendu kors li jdum xahar. Iktar tard, il-​kors ġie tradott mill-​Ingliż għal lingwi oħra, u l-​iskola bil-​mod il-​mod bdiet tħarreġ lil aħwa rġiel madwar id-​dinja.f

Ħuna Lloyd Barry jgħallem fl-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna fil-Ġappun, 1970

17 Rigward l-​iskop tal-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, in-​1962 Yearbook of Jehovah’s Witnesses qal: “F’din id-​dinja fejn il-​ħajja hi tant mgħaġġla, indokratur fil-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jrid ikun raġel li kapaċi jorganizza ħajtu ħalli jkun jistaʼ jagħti l-​attenzjoni xierqa lil kull membru tal-​kongregazzjoni u ħalli jkun taʼ barka għalihom. Fl-​istess waqt, ma jistax ikun raġel li jinjora lil familtu stess biex jiffoka fuq il-​kongregazzjoni, imma jrid ikun moħħu f’loku. X’opportunità mill-​aħjar ingħatat lill-​qaddejja tal-​kongregazzjoni fid-​dinja kollha biex jattendu l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna għat-​taħriġ li jgħinhom jagħmlu eżatt dak li l-​Bibbja tgħid li indokratur għandu jagħmel!”—1 Tim. 3:1-​7; Titu 1:5-​9.

18. Kif jibbenefikaw in-​nies t’Alla kollha mill-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna?

18 In-​nies t’Alla kollha jibbenefikaw mill-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna. B’liema mod? Meta l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali japplikaw dak li jkunu tgħallmu fl-​iskola, huma, bħal Ġesù, ikunu sors taʼ serħan għal sħabhom fit-​twemmin. Ma tiħux pjaċir int meta anzjan jew qaddej ministerjali bi mħabba jagħtik kelma taʼ inkuraġġiment, joqgħod jisimgħek, jew jiġi jżurek biex jibnik? (1 Tess. 5:11) Dawn l-​aħwa kwalifikati tassew huma barka għall-​kongregazzjonijiet tagħhom!

19. Il-​Kumitat tat-​Tagħlim liema skejjel oħra jieħu ħsieb, u dawn l-​iskejjel għal xiex huma mħejjijin?

19 Skejjel teokratiċi oħra. Il-​Kumitat tat-​Tagħlim tal-​Ġemgħa li Tiggverna jieħu ħsieb skejjel oħra li jipprovdu taħriġ għall-​aħwa rġiel li għandhom ċerta responsabbiltà fl-​organizzazzjoni. Dawn l-​iskejjel huma mħejjijin biex jgħinu lil aħwa rġiel responsabbli—anzjani fil-​kongregazzjoni, indokraturi li jivvjaġġaw, u membri tal-​kumitati tal-​fergħa—ħalli jkunu iktar effettivi f’li jieħdu ħsieb il-​ħafna responsabbiltajiet li għandhom. Dan it-​taħriġ ibbażat fuq il-​Bibbja jħeġġeġ lill-​aħwa biex iżommu l-​ispiritwalità tagħhom b’saħħitha u biex japplikaw il-​prinċipji Skritturali fil-​mod kif jieħdu ħsieb in-​nagħaġ prezzjużi li Ġeħova fada f’idejhom.—1 Pt. 5:1-​3.

L-ewwel klassi tal-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali li saret fil-Malawi, 2007

20. Ġesù għala setaʼ jgħid li lkoll “mgħallmin minn Ġeħova,” u x’int determinat li tagħmel?

20 Jidher ċar daqs il-​kristall li s-​Sultan Messjaniku għamel ċert li s-​segwaċi tiegħu jkunu mħarrġin sew. U naraw li dan it-​taħriġ kollu ġej minn Ġeħova għax Hu għallem lil Ibnu, u Ibnu għallem lis-​segwaċi tiegħu. Għaldaqstant, Ġesù setaʼ jgħid li lkoll “mgħallmin minn Ġeħova.” (Ġw. 6:45; Is. 54:13) Ejja nkunu determinati li nieħdu vantaġġ sħiħ mit-​taħriġ li s-​Sultan għamel disponibbli għalina. U jalla niftakru li l-​iskop primarju taʼ dan it-​taħriġ kollu hu li jgħinna nibqgħu b’saħħitna spiritwalment ħalli nkunu nistgħu nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna.

a Kif nafu li l-​Missier għallem lil Ibnu kif għandu jgħallem? Ikkunsidra dan: Ġesù uża ħafna tixbihat meta kien jgħallem, u b’hekk wettaq profezija li ġiet imniżżla sekli sħaħ qabel ma twieled. (Salm 78:2; Mt. 13:34, 35) Jidher ċar li l-​Awtur taʼ din il-​profezija, Ġeħova, iddeċieda minn ħafna qabel li Ibnu kien se jgħallem permezz tat-​tixbihat, jew il-​parabboli.—2 Tim. 3:16, 17.

b Xhur wara, Ġesù ħarreġ u “għażel sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn” biex jippritkaw.—Lq. 10:1-​16.

c Xi aħwa attendew l-​Iskola taʼ Gilegħad iktar minn darba.

d Għal iktar dettalji dwar l-​impatt li kellhom il-​missjunarji mħarrġin f’Gilegħad fl-​ippritkar madwar id-​dinja, ara kapitlu 23 tal-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom.

e Minflok iż-​żewġ skejjel li ssemmew fl-​aħħar, issa hemm l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna.

f Issa l-​anzjani kollha jibbenefikaw mis-​sessjonijiet tal-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna li jinżammu kull tant snin u li mhux kollha jdumu l-​istess ammont taʼ ġranet. Mill-​1984, il-​qaddejja ministerjali wkoll irċivew taħriġ f’din l-​iskola.

Is-​Saltna kemm hi reali għalik?

  • Ġesù x’taħriġ irċieva minn Missieru?

  • Is-​Sultan kif ħarreġ is-​segwaċi tiegħu biex ikunu evanġelizzaturi?

  • L-​aħwa kwalifikati kif tħarrġu biex jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet tagħhom?

  • Kif tistaʼ turi li tapprezza t-​taħriġ li pprovdielna s-​Sultan?

SKEJJEL LI JĦARRĠU LILL-​PREDIKATURI TAS-​SALTNA

IL-ĦAJJA U L-MINISTERU KRISTJAN TAGĦNA

Skop: Tħarreġ lill-​pubblikaturi jkunu predikaturi u għalliema effettivi tal-​aħbar tajba.

Kemm iddum: Kontinwa.

Post: F’Sala tas-​Saltna lokali.

Kif tikkwalifika: Dawk kollha li jassoċjaw regolarment mal-​kongregazzjoni, li jaqblu mat-​tagħlim tal-​Bibbja, u li ħajjithom tkun fi qbil mal-​prinċipji Kristjani jikkwalifikaw. Biex tinkiteb fiha, kellem lill-​indokratur tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna.

Kif tibbenefika: Il-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa tgħallimna nagħmlu riċerka u nippreżentaw l-informazzjoni b’mod loġiku. Nitgħallmu wkoll nagħtu widen lil ħaddieħor u niffokaw fuq il-bżonnijiet spiritwali tagħhom—mhux fuq tagħna biss.

Arnie, li ilu jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa għal żmien twil, jgħid: “Meta kont żgħir kont intemtem u kont insibha diffiċli nagħmel kuntatt bl-​għajnejn maʼ oħrajn. Din [il-​laqgħa] għenitni nikseb fiduċja fija nnifsi. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, permezz taʼ dan it-​taħriġ tgħallimt tekniki taʼ kif nieħu n-​nifs u taʼ kif nikkonċentra. Jien grat ħafna għall-​abbiltà li nfaħħar lil Alla fil-​kongregazzjoni u fil-​ministeru.”

L-​ISKOLA GĦALL-​ANZJANI TAL-​KONGREGAZZJONIg

Skop: Tgħin lill-​anzjani jkabbru l-​ispiritwalità tagħhom u jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet li għandhom fil-​kongregazzjoni.

Kemm iddum: Ħamest ijiem.

Post: Jiddeċiedi l-​uffiċċju tal-​fergħa; ġeneralment f’Sala tas-​Saltna jew f’Sala tal-​Assemblea fil-​viċin.

Kif tikkwalifika: L-​anzjani jiġu mistidnin mill-​uffiċċju tal-​fergħa.

Kif tibbenefika: Innota l-​kummenti taʼ xi wħud li attendew it-​92 klassi taʼ din l-​iskola f’Patterson, New York, l-​Istati Uniti tal-​Amerika:

“L-​iskola kienet taʼ benefiċċju kbir għalija għax għenitni neżamina lili nnifsi biex nara kif nistaʼ nieħu ħsieb in-​nagħaġ taʼ Ġeħova.”

“Dan it-​taħriġ se ngħożżu tul għomri kollu.”

L-​ISKOLA TAS-​SERVIZZ TAʼ PIJUNIER

Skop: Tgħin lill-​pijunieri ‘jwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħhom.’—2 Tim. 4:5.

Kemm iddum: Sitt ijiem.

Post: Jiddeċiedi l-​uffiċċju tal-​fergħa; ġeneralment f’Sala tas-​Saltna fil-​viċin.

Kif tikkwalifika: Dawk li ilhom jaqdu bħala pijunieri regulari għal sena jew iktar jinkitbu awtomatikament mill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u jinformahom hu. Xi pijunieri li ilhom ħafna jaqdu f’din il-​kariga u li ma attendewx din l-​iskola fl-​aħħar ħames snin jistgħu jiġu mistidnin biex jerġgħu jattendu.

Kif tibbenefika: “Din l-​iskola għenitni niffaċċja l-​isfidi fil-​ministeru u f’ħajti,” tgħid Lily. “Il-​mod kif nistudja, ngħallem, u nuża l-​Bibbja tjieb ġmielu. Ninsab iktar ippreparata biex ngħin lil oħrajn, nappoġġa lill-​anzjani, u nikkontribwixxi għat-​tkabbir tal-​kongregazzjoni.”

Brenda, li attendiet l-​iskola darbtejn, tgħid: “L-​iskola għenitni nkun iktar medhija f’affarijiet spiritwali, insaħħaħ il-​kuxjenza tiegħi, u niffoka fuq li ngħin lil oħrajn. Bla dubju, Ġeħova huwa ġeneruż!”

L-​ISKOLA GĦAD-​DĦUL F’BETEL

Skop: L-​iskola hi mħejjija biex tgħin lil Beteliti ġodda jkollhom suċċess fis-​servizz tagħhom.

Kemm iddum: Erbat ijiem b’erba’ sigħat kull darba.

Post: F’Betel.

Kif tikkwalifika: Membri permanenti tal-​familja Betel jew volontieri temporanji (li se jaqdu għal sena jew aktar) jinkitbu awtomatikament.

Kif tibbenefika: Demetrius, li attenda din l-​iskola fis-​snin 80, jgħid: “Dan il-​kors għenni ntejjeb id-​drawwiet taʼ studju tiegħi u għenni nipprepara għal karriera twila f’Betel. L-​għalliema, it-​tagħlim, u l-​pariri prattiċi kkonvinċewni li Ġeħova jħobbni u jixtieqni nirnexxi fis-​servizz tiegħi f’Betel.”

L-​ISKOLA GĦALL-​EVANĠELIZZATURI TAS-​SALTNAh

Skop: Tagħti taħriġ speċjalizzat lil dawk fis-​servizz fultajm (koppji miżżewġin u aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin) sabiex ikunu jistgħu jintużaw iktar bis-​sħiħ minn Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu. Ħafna minn dawk li jiggradwaw se jiġu inkarigati biex jaqdu fejn ikun hemm bżonn ikbar f’pajjiżhom. Gradwati taħt il-​50 sena forsi jintbagħtu biex jaqdu bħala pijunieri speċjali b’mod temporanju ħalli jagħtu bidu u jespandu x-​xogħol fi nħawi iżolati.

Kemm iddum: Xahrejn.

Post: Jiddeċiedi l-​uffiċċju tal-​fergħa; ġeneralment f’Sala tas-​Saltna jew f’Sala tal-​Assemblea.

Aħwa rġiel u nisa jibbenefikaw minn taħriġ teokratiku

Kif tikkwalifika: Jistgħu japplikaw dawk li huma fis-​servizz fultajm li jkollhom bejn it-​23 u l-​65 sena, ikollhom saħħa tajba, u li għandhom iċ-​ċirkustanzi li jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar, u li għandhom l-​attitudni: “Hawn jien! Ibgħat lili.” (Is. 6:8). Dawk kollha li jattendu l-​iskola, aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin kif ukoll koppji miżżewġin, iridu jkunu ilhom jaqdu fis-​servizz fultajm minn tal-​inqas sentejn kontinwi. Koppji jridu jkunu ilhom miżżewġin minn tal-​inqas sentejn. L-​aħwa rġiel iridu jkunu ilhom jaqdu bħala anzjani jew qaddejja ministerjali minn tal-​inqas sentejn kontinwi. Jekk din l-​iskola hi disponibbli fit-​territorju tal-​fergħa tiegħek, se tinżamm laqgħa fil-​konvenzjoni biex tipprovdi informazzjoni lil dawk li jkunu interessati li japplikaw.

Kif tibbenefika: Intbagħtu ħafna kummenti pożittivi mingħand dawk li attendew l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin u l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Koppji Kristjani. Fl-​2013, il-​Ġemgħa li Tiggverna approvat li dawn iż-​żewġ skejjel jingħaqdu fi skola waħda bl-​isem l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. Issa ħafna iktar pijunieri leali, inkluż l-​aħwa nisa mhux miżżewġin, se jibbenefikaw mill-​iskola.

L-​ISKOLA TAʼ GILEGĦAD

Skop: Il-​gradwati jistgħu jiġu inkarigati biex ikunu indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji li jaqdu fil-​ministeru, jew Beteliti. Billi jużaw it-​taħriġ tagħhom b’mod tajjeb, il-​gradwati jgħinu biex isaħħu u jistabbilizzaw l-​organizzar tat-​territorju u tal-​fergħa.

Kemm iddum: Ħames xhur.

Post: Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower, Patterson, New York.

Klassi taʼ Gilegħad—Patterson, New York

Kif tikkwalifika: Koppji miżżewġin u aħwa rġiel u nisa li mhumiex miżżewġin u li diġà jkunu qed jaqdu f’xi forma taʼ servizz speċjali fultajm jistgħu jikkwalifikaw biex jattendu. Missjunarji li jaqdu fil-​ministeru li ma jkunux attendew din l-​iskola qabel, kif ukoll pijunieri speċjali, Beteliti, jew indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom, jistgħu jiġu mistidnin mill-​Kumitat tal-​Fergħa biex japplikaw. Dawk li japplikaw iridu jkunu jafu jitkellmu u jiktbu bl-​Ingliż.

Kif tibbenefika: Lade u Monique, koppja miżżewġa mill-​Istati Uniti li ilhom fl-​inkarigu tagħhom għal diversi snin, joffru dawn l-​kummenti:

“L-​Iskola taʼ Gilegħad ħejjietna biex immorru fi kwalunkwe post fid-​dinja, inxammru l-​kmiem, u naħdmu mal-​għeżież ħutna,” jgħid Lade.

Monique iżżid tgħid: “Meta napplika dak li tgħallimt mill-​Kelma t’Alla, insib ferħ liema bħalu fl-​inkarigu tiegħi. Inqis dan il-​ferħ bħala evidenza tal-​imħabba taʼ Ġeħova.”

L-​ISKOLA TAL-​MINISTERU TAS-​SALTNA

Skop: Tħarreġ lill-​indokraturi li jivvjaġġaw, l-​anzjani, u l-​qaddejja ministerjali biex jieħdu ħsieb l-​indokrar u r-​responsabbiltajiet tagħhom fl-​organizzazzjoni. (Atti 20:28) Jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet kurrenti, tendenzi, u bżonnijiet immedjati tal-​kongregazzjonijiet. L-​iskola tinżamm kull ftit snin skont kif tkun iddeċidiet il-​Ġemgħa li Tiggverna.

Kemm iddum: F’dawn l-​aħħar snin, din l-​iskola varjat fl-​ammont taʼ ġranet.

Post: Ġeneralment f’Sala tas-​Saltna jew f’Sala tal-​Assemblea fil-​viċin.

Kif tikkwalifika: L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jirċievu stedina mingħand l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. L-​uffiċċju tal-​fergħa jistieden lill-​indokraturi li jivvjaġġaw.

Kif tibbenefika: “Għalkemm il-​kors hu konċiż u jkopri ħafna informazzjoni fi żmien qasir, isaħħaħ lill-​anzjani biex iżommu l-​ferħ tagħhom u ‘jkunu rġiel’ fis-​servizz taʼ Ġeħova. Kemm l-​anzjani ġodda kif ukoll dawk li jkunu ilhom, jitgħallmu jirgħu b’mod effettiv u jkunu magħqudin ‘bi ħsieb wieħed.’”—Quinn.

“Dan it-​taħriġ jilħaq bilanċ perfett għax iżidilna l-​apprezzament spiritwali, iwissina dwar il-​perikli, u jipprovdilna suġġerimenti prattiċi dwar kif għandna nieħdu ħsieb il-​merħla.”—Michael.

L-​ISKOLA GĦALL-​INDOKRATURI LI JIVVJAĠĠAW U N-​NISA TAGĦHOMi

Skop: Biex tgħin l-​indokraturi li jivvjaġġaw ikunu iktar effettivi f’li jaqdu lill-​kongregazzjonijiet hekk kif “jaħdmu iebes biex jitkellmu u jgħallmu,” u jirgħu lil dawk taħt il-​ħarsien tagħhom.—1 Tim. 5:17; 1 Pt. 5:2, 3.

Kemm iddum: Xahrejn.

Post: Jiddeċiedi l-​uffiċċju tal-​fergħa.

Kif tikkwalifika: L-​uffiċċju tal-​fergħa jistieden lill-​indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom.

Kif tibbenefika: “L-​apprezzament tagħna għal Ġesù bħala l-​kap tal-​organizzazzjoni kiber. Rajna l-​ħtieġa li ninkuraġġixxu lill-​aħwa li naqdu u li nsaħħu l-​unità f’kull kongregazzjoni. Il-​kors naqqax iktar f’moħħna l-​fatt li għalkemm l-​indokratur li jivvjaġġa jagħti pariri u kultant anke twiddib, il-​mira prinċipali tiegħu hi li jgħin lill-​aħwa jaraw li Ġeħova jħobbhom.”—Joel u Connie, l-​ewwel klassi, 1999.

L-​ISKOLA GĦALL-​MEMBRI TAL-​KUMITATI TAL-​FERGĦA U N-​NISA TAGĦHOM

Skop: Tgħin lil dawk li jaqdu fil-​Kumitati tal-​Fergħa biex jieħdu ħsieb aħjar id-​djar taʼ Betel, biex jagħtu attenzjoni għall-​kwistjonijiet tas-​servizz li jeffettwaw lill-​kongregazzjonijiet, u biex jieħdu ħsieb is-​circuits fit-​territorji rispettivi tagħhom.—Luqa 12:48b.

Kemm iddum: Xahrejn.

Post: Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower, Patterson, New York.

Kif tikkwalifika: Il-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Ġemgħa li Tiggverna jistieden lill-​membri tal-​Kumitat tal-​Fergħa jew il-​Kumitat tal-​Pajjiż u n-​nisa tagħhom.

Kif tibbenefika: Lowell u Cara attendew il-​25 klassi. Issa qed jaqdu fin-​Niġerja.

“Jien ġejt imfakkar li jkolli kemm ikolli x’nagħmel jew ikun xi jkun ix-​xogħol li ningħata, is-​sigriet biex nogħġob lil Ġeħova huwa l-​ispiritwalità,” jgħid Lowell.

Cara tiftakar lezzjoni li tgħallmet mill-​iskola: “Jekk ma nkunx nistaʼ nispjega xi ħaġa b’mod sempliċi, għandi nistudja iktar bir-​reqqa s-​suġġett qabel ma nipprova ngħallmu ’l ħaddieħor.”

g Bħalissa din l-​iskola ma ssirx f’kull pajjiż.

h Bħalissa din l-​iskola ma ssirx f’kull pajjiż.

i Bħalissa din l-​iskola ma ssirx f’kull pajjiż.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja