Il-Verità Tittrasforma l-Ħajjiet
HUWA taʼ swied il-qalb imma veru li l-ħajjiet taʼ tant nies illum huma diffiċli, saħansitra kritiċi. Huwa possibbli għal nies bħal dawn li jsibu l-hena? Xi wħud huma kriminali li jivvittimizzaw lill-proxxmu tagħhom. Jistgħu dawn qatt isiru membri onesti tas-soċjetà? It-tweġiba għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet hija iva. In-nies jistgħu jinbidlu. Il-ħajjiet jistgħu jiġu ttrasformati. L-appostlu Pawlu wera kif meta kiteb: “[I]nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.”—Rumani 12:2.
Meta nisimgħu l-frażi r-‘rieda perfetta taʼ Alla’ jistaʼ jiġi f’moħħna dak li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu iktar minn 20 sena qabel ma Pawlu kiteb il-kliem t’hawn fuq. Ġesù qal: “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” (Ġwann 8:32) Bil-kelma “verità,” Ġesù ried ifisser it-tagħrif imnebbaħ b’mod divin—speċjalment tagħrif rigward ir-rieda t’Alla—li huwa ppreservat għalina fil-Bibbja. (Ġwann 17:17) Tassew li l-verità tal-Bibbja tagħmel lin-nies ħelsin? Li wieħed jgħix f’armonija mar-rieda t’Alla tassew li jbiddel il-ħajjiet? Dażgur li hekk jagħmel. Ikkunsidra xi ftit eżempji.
Skop fil-Ħajja
M’ilux ħafna, Moisés, minn Ġibiltà, kien raġel verament imdejjaq. Hu jgħid: “Kont sakranazz u kont norqod barra t-triq. Ħassejtni ddisprat. Kull fil-għaxija kont nitlob lil Alla biex ikollu ħniena minni u ma jħallinix nissaporti ġurnata oħra. Kont nibki kull meta kont nitlob lil Alla dwar għala kont f’din id-dinja jekk jien ma kont tajjeb għal xejn, mingħajr xogħol, mingħajr familja, u mingħajr ma kelli lil ħadd li jgħinni. Għala għandi nibqaʼ ngħix?” Imbagħad, ġara xi ħaġa.
Moisés ikompli: “Kont naf li Alla kien semaʼ t-talba tiegħi meta ltqajt maʼ Roberto, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Roberto tani Bibbja u kopja tal-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna?a bħala għajnuna għall-istudju tal-Bibbja. Kuljum konna nistudjaw il-Bibbja flimkien fuq il-bank li kont norqod fuqu bil-lejl. Wara xahar Roberto ħadni għal-laqgħa fis-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. F’qasir żmien, il-verità tal-Bibbja bidlet kompletament l-opinjoni tiegħi. M’għadnix norqod barra; lanqas m’għadni nixrob jew inpejjep. Ħajti nbidlet, u nħossni ferħan. Nittama li dalwaqt nitgħammed u naqdi lil Jehovah bħala wieħed mix-Xhieda tiegħu.”
Xi trasformazzjoni din! Meta n-nies ikunu mingħajr tama, ir-raġuni taʼ spiss tkun nuqqas t’għarfien. Huma ma jafux dwar Alla jew l-iskopijiet meraviljużi tiegħu. Fil-każ taʼ Moisés, meta kiseb dak l-għarfien, dan tah il-qawwa u l-kuraġġ li jbiddel ħajtu. It-talba tas-salmista lil Alla ġiet imwieġba fil-każ taʼ Moisés: “Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek: huma jmexxuni; iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek u sa l-għerejjex tiegħek.”—Salm 43:3.
Fil-Beliże, Daniel kellu esperjenza simili. Daniel ma kienx jorqod barra t-triq—kellu impjieg prestiġjuż. Imma għal 20 sena hu ġġieled biex jaqtaʼ l-vizzju tad-drogi u l-alkoħol u kien jgħix ħajja immorali. Għalkemm ġie mrobbi bħala Kattoliku, Daniel ma setax jifhem għala kien qed jgħix, u kien jiddubita l-eżistenza t’Alla. Mar fil-knejjes taʼ reliġjonijiet differenti biex ifittex l-għajnuna imma sab li ħafna minn ħbiebu li jmorru l-knisja u saħansitra xi wħud mill-membri tal-kleru li kienu ħbieb tiegħu kienu jabbużaw mid-drogi jew mill-alkoħol. Sadattant, martu kienet waslet biex tiddivorzjah.
B’disperazzjoni Daniel daħal f’ċentru taʼ rijabilitazzjoni. Xorta waħda, hu kien jaf li wara li joħroġ, malajr kien se jerġaʼ lura għad-drogi jekk ma kienx se jirċievi l-għajnuna. Imma liema tip t’għajnuna? F’Mejju taʼ l-1996, jumejn wara li ħareġ miċ-ċentru tar-rijabilitazzjoni, Daniel avviċina lil wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah u ħasdu bl-appell, “Studja l-Bibbja miegħi jekk jogħġbok.” Ix-Xhud irranġa li jistudja l-Bibbja maʼ Daniel darbtejn fil-ġimgħa, u Daniel malajr beda jirranġa ħajtu biex tiġi taqbel mar-rieda t’Alla u ssostitwixxa l-ħbieb taʼ qabel tiegħu maʼ ħbieb Kristjani li ma kinux jabbużaw mid-drogi jew mill-alkoħol u li kienu jaħarbu mill-immoralità. B’hekk, Daniel sab li dak li tgħid il-Bibbja huwa minnu: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) F’qasir żmien qal: “Din hi l-ewwel darba f’ħajti li sirt naf x’ifisser li jkollok kuxjenza nadifa.” Il-ħajja taʼ Daniel ukoll ġiet ittrasformata.
Fil-Puerto Rico, raġel ieħor esperjenza bidla notevoli. Hu kien fil-ħabs u kien ikkunsidrat perikoluż ħafna, minħabba li kien qatel bosta nies. Setgħet il-verità tal-Bibbja tbiddlu? Iva. Wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah rnexxielu jagħtih xi ftit kopji tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!, u malajr talbu iżjed. Inbeda studju tal-Bibbja miegħu, u hekk kif il-verità tal-Bibbja bdiet teffettwalu qalbu, il-bidliet li għamel setaʼ jarahom kulħadd. Waħda mill-ewwel evidenzi tal-bidla tiegħu kienet li qataʼ x-xagħar twil u qaxxar il-leħja mgerfxa li kellu.
Il-Bibbja tgħid li Alla jaħfer lill-midinbin li verament jindmu u jbiddlu l-mod taʼ ħajja tagħhom. Pawlu kiteb: “Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-Saltna taʼ Alla? . . . U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu.” (1 Korintin 6:9, 11) Mingħajr ebda dubju, dan il-kliem farraġ lil dan ir-raġel, bħalma farrġu l-kliem taʼ Atti 24:15: “Kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.” Hu qal: “Irrid inkun hemm meta jseħħ l-irxoxt biex b’hekk inkun nistaʼ nitlob maħfra lil dawk li qtilt.”
Iva, il-ħajjiet jiġu ttrasformati meta n-nies jagħtu kas il-verità tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Tabilħaqq, se jasal żmien meta l-bnedmin kollha li jibqgħu ħajjin se jkunu ġabu ħajjithom f’armonija mar-rieda t’Alla. Xi trasformazzjoni se tkun din! Imbagħad, se titwettaq il-profezija: “Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.”—Isaija 11:9. (w98 1/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.