LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 9/1 pp. 8-12
  • Poplu Liberu Imma Responsabbli

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Poplu Liberu Imma Responsabbli
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Libertà mingħand Alla​—b’Responsabbiltà Lejh
  • Il-​Libertà tal-​Poplu Magħżul t’Alla
  • In-​Natura tal-​Libertà Kristjana
  • Liberi imma Responsabbli
  • Aqdi lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • It-triq għal-libertà vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Titlifx il-Għan tal-Libertà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Ħalli lil Ġeħova Jiggwidak Lejn il-Libertà Vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 9/1 pp. 8-12

Poplu Liberu Imma Responsabbli

“Se tkunu tafu l-​verità, u l-​verità se tagħmilkom liberi.”—ĠWANN 8:32.

1, 2. (a) Il-​libertà x’sehem kellha fl-​istorja tal-​bniedem? (b) Min waħdu hu verament liberu? Spjega.

LIBERTÀ. X’kelma qawwija hi dik! L-​umanità ssaportiet gwerer u rivoluzzjonijiet bla għadd kif ukoll taqlib soċjali li ma jistax jiġi kkalkulat minħabba x-​xewqa tal-​bnedmin biex ikunu liberi. Tabilħaqq, The Encyclopedia Americana tgħid: ‘Fl-​evoluzzjoni taċ-​ċivilizzazzjoni, l-​ebda kunċett ma kellu rwol iktar importanti mil-​libertà.’

2 Madankollu, kemm hemm nies li huma tassew liberi? Kemm hemm li saħansitra jafu x’inhi l-​libertà? The World Book Encyclopedia tgħid: “Biex in-​nies ikollhom libertà sħiħa, ma jrid ikun hemm ebda restrizzjonijiet fuq kif jaħsbu, kif jitkellmu, jew kif jaġixxu. Huma jridu jkunu konxji dwar x’inhuma l-​għażliet tagħhom, u jrid ikollhom il-​qawwa li jiddeċiedu fost dawk il-​għażliet.” Minħabba f’dan, taf lil xi ħadd li hu verament liberu? Min huma dawk li jistgħu jgħidu li m’għandhom “ebda restrizzjonijiet fuq kif jaħsbu, kif jitkellmu, jew kif jaġixxu”? Fil-​verità, persuna waħda biss fl-​univers kollu taqbel maʼ dik id-​deskrizzjoni​—Alla Jehovah. Hu waħdu għandu libertà assoluta. Hu biss jistaʼ jagħmel kwalunkwe għażla li jixtieq u mbagħad iwettaqha minkejja l-​oppożizzjoni kollha. Hu “Dak li Jistaʼ Kollox.”​—Rivelazzjoni 1:8; Isaija 55:11.

3. Il-​bnedmin b’liema kundizzjoni ġeneralment igawdu l-​libertà?

3 Għall-​bnedmin fl-​istat umli tagħhom, il-​libertà tistaʼ tkun biss relattiva. Hija normalment mogħtija jew iggarantita minn xi awtorità u hija relatata mas-​sottomissjoni tagħna lejn dik l-​awtorità. Tabilħaqq, kważi f’kull każ, bniedem jistaʼ jkun liberu biss jekk jirrikonoxxi dik l-​awtorità taʼ dak li ggarantielu l-​libertà tiegħu. Per eżempju, individwi li jgħixu fid-​“dinja ħielsa” jgawdu ħafna benefiċċji, bħalma huma libertà taʼ moviment, libertà tal-​kelma, u libertà tar-​reliġjon. Liema ħaġa tiggarantixxi dawn il-​libertajiet? Il-​liġi tal-​pajjiż. Wieħed jistaʼ jgawdihom biss dment li hu jobdi l-​liġi. Jekk hu jabbuża mil-​libertà tiegħu u jikser il-​liġi, hu jrid jagħti kont lill-​awtoritajiet, u l-​libertà tiegħu tistaʼ tiġi mnaqqsa drastikament b’xi sentenza tal-​ħabs.​—Rumani 13:​1-4.

Libertà mingħand Alla​—b’Responsabbiltà Lejh

4, 5. L-​adoraturi taʼ Jehovah liema libertà jgawdu, u għal liema ħaġa se jżommhom responsabbli?

4 Fl-​ewwel seklu, Ġesù tkellem dwar il-​libertà. Hu qal lil-​Lhud: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, intom tassew dixxipli tiegħi, u se tkunu tafu l-​verità, u l-​verità se tagħmilkom liberi.” (Ġwann 8:​31, 32) Hu ma kienx qed jitkellem dwar liberazzjoni mill-​madmad taʼ Ruma, li għaliha kienu jixxennqu ħafna Lhud. Le, din kienet xi ħaġa bil-​wisq iżjed prezzjuża, libertà mogħtija, mhux b’liġijiet umani jew bil-​burdata taʼ xi ħakkiem uman, imma mingħand is-​Sovran suprem tal-​univers, Jehovah. Kienet libertà minn superstizzjoni, libertà minn injoranza reliġjuża, u ħafna, ħafna iżjed. Libertà mogħtija minn Jehovah hi libertà vera, u se tibqaʼ għall-​eternità kollha.

5 L-​appostlu Pawlu qal: “Jehovah huwa l-​Ispirtu; u fejn qiegħed l-​ispirtu taʼ Jehovah, hemm il-​libertà.” (2 Korintin 3:17) Matul is-​sekli Jehovah tratta mal-​bnedmin sabiex uħud leali eventwalment igawdu l-​aqwa u l-​akbar xorta taʼ libertà umana, “[i]l-libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.” (Rumani 8:21) Sadattant, Jehovah jagħtina miżura taʼ libertà permezz taʼ verità tal-​Bibbja, u jżommna responsabbli jekk nabbużaw minn dik il-​libertà. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ma hemm l-​ebda ħolqien li ma jidhirx għall-​ħarsa tiegħu, imma l-​affarijiet kollha huma għarwenin u mikxufin beraħ f’għajnejn dak li lilu rridu nagħtu kont.”​—Ebrej 4:13.

6-8. (a) Adam u Eva liema libertajiet gawdew, u b’liema kundizzjoni setgħu jżommu dawk il-​libertajiet? (b) Adam u Eva x’tilfu għalihom infushom u għal nisilhom?

6 Responsabbiltà lejn Jehovah spikkat meta l-​ewwel ġenituri umani tagħna, Adam u Eva, kienu ħajjin. Jehovah ħalaqhom bil-​għotja prezzjuża tar-​rieda ħielsa. Dment li wżaw dik ir-​rieda ħielsa b’mod responsabbli, huma gawdew barkiet oħrajn, bħalma huma libertà mill-​biżaʼ, libertà mill-​mewt, u l-​libertà li javviċinaw lil Missierhom tas-​sema b’kuxjenza nadifa. Imma meta abbużaw mir-​rieda ħielsa tagħhom, dak kollu nbidel.

7 Jehovah poġġa lil Adam u Eva fil-​ġnien taʼ Għeden, u għat-​tgawdija tagħhom tahom il-​frott tas-​siġar kollha tal-​ġnien​—minbarra waħda. Dik il-​waħda żammha għalih; kienet “[i]s-siġra tal-​għarfien tat-​tajjeb u tal-​ħażin.” (Ġenesi 2:​16, 17) Billi ma jiklux mill-​frott taʼ dik is-​siġra, Adam u Eva kienu se jirrikonoxxu li Jehovah biss kien liberu li jwaqqaf il-​livell taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. Li kieku aġixxew b’mod responsabbli u żammew lura milli jieklu mill-​frott ipprojbit, Jehovah kien se jkompli jiżżgura l-​libertajiet l-​oħrajn tagħhom.

8 B’sogħba, Eva semgħet mis-​suġġeriment sottili tas-​Serpent li hi għandha tkun ‘taf it-​tajjeb u l-​ħażin’ għaliha nfisha. (Ġenesi 3:​1-5) L-​ewwel hi, u mbagħad Adam, kielu mill-​frotta pprojbita. Bħala riżultat, meta Alla Jehovah ġie biex jitkellem magħhom fil-​ġnien taʼ Għeden, huma stħaw u nħbew. (Ġenesi 3:​8, 9) Issa huma kienu midinbin li kienu tilfu s-​sens taʼ libertà biex javviċinaw lil Alla li kienet tiġi minn kuxjenza nadifa. Minħabba f’dan, tilfu wkoll il-​libertà mill-​mard u mill-​mewt, kemm għalihom infushom u kemm għal nisilhom. Pawlu qal: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja u l-​mewt permezz tad-​dnub, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.”​—Rumani 5:12; Ġenesi 3:​16, 19.

9. Min huma dawk li baqgħu msemmijin għaliex użaw tajjeb il-​miżura taʼ libertà li kienu jgawdu?

9 Madankollu, l-​umanità kien għad għandha r-​rieda ħielsa, u maż-​żmien, xi bnedmin imperfetti wżaw din b’mod responsabbli biex jaqdu lil Jehovah. L-​ismijiet taʼ xi wħud minnhom ġew ippreservati għalina mill-​qedem. Irġiel bħal Abel, Enok, Noè, Abraham, Iżakk, u Ġakobb (imsejjaħ ukoll Iżrael) huma eżempji taʼ individwi li wżaw il-​miżura taʼ libertà li kienu għadhom igawdu biex jagħmlu r-​rieda t’Alla. U ħabtilhom tajjeb bħala riżultat.​—Ebrej 11:​4-21.

Il-​Libertà tal-​Poplu Magħżul t’Alla

10. X’kienu t-​termini tal-​patt li Jehovah għamel mal-​poplu speċjali tiegħu?

10 Fi żmien Mosè, Jehovah ħeles lil ulied Iżrael​—li dak iż-​żmien kienu miljuni​—mill-​jasar fl-​Eġittu u għamel patt magħhom li bih saru poplu speċjali tiegħu. Taħt dan il-​patt, l-​Iżraeliti kellhom saċerdozju u sistema taʼ sagrifiċċji tal-​annimali li għattew id-​dnubiet tagħhom b’mod rappreżentattiv. B’hekk, huma kellhom libertà biex javviċinaw lil Alla fil-​qima. Kellhom ukoll sistema taʼ liġijiet u regolamenti biex iżommuhom liberi minn prattiċi superstizzjużi u qima falza. Iktar tard, kellhom jirċievu l-​Art Imwiegħda bħala wirt, biċ-​ċertezza taʼ għajnuna divina kontra l-​għedewwa tagħhom. Il-​parti tagħhom tal-​patt kienet tirrikjedi li l-​Iżraeliti jħarsu l-​Liġi taʼ Jehovah. L-​Iżraeliti minn jeddhom aċċettaw din il-​kundizzjoni, billi qalu: “Dak kollu li Jehovah qal aħna lesti li nagħmluh.”​—Eżodu 19:​3-8; Dewteronomju 11:​22-25.

11. X’irriżulta meta Iżrael naqas li jżomm il-​parti tiegħu mill-​patt maʼ Jehovah?

11 Għal iktar minn 1,500 sena, l-​Iżraeliti kienu f’dik ir-​relazzjoni speċjali maʼ Jehovah. Imma għal darba wara l-​oħra huma naqsu li jżommu l-​patt. B’mod ripetut huma ġew isseduċuti mill-​qima falza u waqgħu fil-​jasar tal-​idolatrija u s-​superstizzjoni, u għalhekk Alla ppermetta li huma jkunu mjassrin fiżikament taħt il-​għedewwa tagħhom. (Imħallfin 2:​11-19) Minflok ma gawdew il-​barkiet li jġibu l-​libertà u li ġew mill-​ħarsien tal-​patt, huma ġew ikkastigati minħabba li kisruh. Dewteronomju 28:​1, 2, 15) Eventwalment, fis-​sena 607 Q.E.K., Jehovah ħalla lill-​ġens jiġi mjassar fil-​Babilonja.​—2 Kronaki 36:​15-21.

12. Eventwalment x’sar evidenti rigward il-​patt tal-​Liġi taʼ Mosè?

12 Din kienet lezzjoni iebsa. Huma suppost tgħallmu minnha l-​importanza taʼ li jħarsu l-​Liġi. Madankollu, meta, wara 70 sena, l-​Iżraeliti rritornaw lejn arthom, huma xorta waħda naqsu li josservaw il-​patt tal-​Liġi kif jixraq. Kważi mitt sena wara r-​ritorn tagħhom, Jehovah qal lill-​qassisin taʼ Iżrael: “Intom​—intom dortu lejn il-​ġenb mill-​mogħdija. Intom kontu l-​kaġun taʼ li ħafna ħadu gambetta fil-​Liġi. Intom irvinajtu l-​patt taʼ Levi.” (Malakija 2:8) Tabilħaqq, saħansitra l-​iktar uħud sinċieri fost l-​Iżraeliti ma setgħux jilħqu l-​livell tal-​Liġi perfetta. Minflok ma kienet barka, saret, fil-​kliem tal-​appostlu Pawlu, “saħta.” (Galatin 3:13) B’mod ċar, xi ħaġa iżjed mill-​patt tal-​Liġi taʼ Mosè kienet meħtieġa biex lill-​bnedmin leali u imperfetti ġġibilhom il-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.

In-​Natura tal-​Libertà Kristjana

13. Liema bażi aħjar għal-​libertà ġiet eventwalment ipprovduta?

13 Dik ix-​xi ħaġa iżjed kienet is-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù Kristu. Madwar is-​sena 50 E.K., Pawlu kiteb lill-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin fil-​Galatja. Hu ddeskriva kif Jehovah kien ħelishom mill-​jasar tal-​patt tal-​Liġi u mbagħad qal: “Għal libertà bħal din Kristu għamilna liberi. Għalhekk ieqfu sħiħ, u tħallux lilkom infuskom li tintrabtu mill-​ġdid taħt madmad taʼ jasar.” (Galatin 5:1) Ġesù b’liema modi għamel lill-​bnedmin liberi?

14, 15. Ġesù b’liema modi tal-​għaġeb ħeles lil-​Lhud u nies mhux Lhud li emmnu?

14 Wara l-​mewt taʼ Ġesù, il-​Lhud li aċċettaw bħala l-​Messija u saru d-​dixxipli tiegħu ġew taħt patt ġdid, li ħa l-​post tal-​patt il-​qadim tal-​Liġi. (Ġeremija 31:​31-34; Ebrej 8:​7-13) Taħt dan il-​patt ġdid, huma​—u kredenti mhux Lhud oħrajn li iktar tard ingħaqdu magħhom​—saru parti minn ġens spiritwali ġdid li ħa l-​post taʼ Iżrael tal-​laħam bħala l-​poplu speċjali t’Alla. (Rumani 9:​25, 26; Galatin 6:16) Bħala talin, huma gawdew il-​libertà li Ġesù wiegħed meta qal: “[I]l-verità se tagħmilkom liberi.” Minbarra li ħelsithom mis-​saħta tal-​Liġi taʼ Mosè, il-​verità lliberat lill-​Kristjani Lhud mit-​tradizzjonijiet oppressivi kollha li l-​mexxejja reliġjużi kienu imponew fuqhom. U ħelset lill-​Kristjani li ma kinux Lhud mill-​idolatrija u mis-​superstizzjonijiet tal-​qima tagħhom taʼ qabel. (Mattew 15:​3, 6; 23:4; Atti 14:​11-13; 17:16) U kien hemm iżjed.

15 Ġesù, meta tkellem dwar il-​verità li tagħmlek liberu, qal: “Verissmu ngħidilkom, Kulmin jagħmel id-​dnub huwa rsir tad-​dnub.” (Ġwann 8:34) Ladarba Adam u Eva dinbu, kull individwu li qatt għex kien midneb u b’hekk irsir tad-​dnub. L-​uniku eċċezzjoni kienet Ġesù nnifsu, u s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù jeħles lil dawk li jemmnu minn dak il-​jasar. Veru, huma kienu għadhom imperfetti u midinbin min-​natura. Issa, iżda, setgħu jindmu minn dnubiethom u jitolbu maħfra fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, fiduċjużi li l-​petizzjonijiet tagħhom kienu se jinstemgħu. (1 Ġwann 2:​1, 2) Fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù, Alla ddikjarahom twajbin, u setgħu javviċinawh b’kuxjenza mnaddfa. (Rumani 8:33) Barra minn dan, ladarba l-​fidwa fetħet il-​prospett taʼ rxoxt għal ħajja bla tmiem, il-​verità saħansitra għamlithom liberi mill-​biżaʼ tal-​mewt.​—Mattew 10:28; Ebrej 2:15.

16. Il-​libertà Kristjana kif kienet tinkludi iktar minn kwalunkwe libertà offruta mid-​dinja?

16 B’mod tal-​għaġeb, il-​libertà Kristjana ġiet miftuħa għal irġiel u nisa hi x’inhi s-​sitwazzjoni tagħhom, mill-​ħarsa umana. Nies foqra, priġunieri, saħansitra rsiera, setgħu jkunu liberi. Mill-​banda l-​oħra, in-​nies għoljin tal-​ġnus li rrifjutaw il-​messaġġ dwar il-​Kristu kienu għadhom fil-​jasar għas-​superstizzjoni, id-​dnub, u l-​biżaʼ tal-​mewt. Qatt m’għandna nieqfu nirringrazzjaw lil Jehovah għal din il-​libertà li ngawdu. Xejn milli toffri d-​dinja ma jersaq qrib lejn id-​daqs tal-​valur tagħha.

Liberi imma Responsabbli

17. (a) Xi wħud fl-​ewwel seklu kif tilfu l-​libertà Kristjana? (b) Għala m’għandniex niġu mqarrqin b’dik li tidher qisha libertà fid-​dinja taʼ Satana?

17 Fl-​ewwel seklu, wisq probabbli l-​maġġoranza tal-​Kristjani midlukin ferħu bil-​libertà tagħhom u żammew l-​integrità tagħhom akkost taʼ kollox. B’sogħba, iżda, xi wħud daqu l-​libertà Kristjana bil-​barkiet tagħha kollha u mbagħad tawha bis-​sieq, billi rritornaw lejn il-​jasar fid-​dinja. Dak għala ġara? Il-​fidi taʼ ħafna bla dubju ddgħajfet, u huma sempliċement ‘intelqu mal-​kurrent.’ (Ebrej 2:1) Oħrajn ‘warrbu mal-​ġenb il-​fidi u l-​kuxjenza tajba u ġarrbu nawfraġju rigward il-​fidi tagħhom.’ (1 Timotew 1:19) Forsi huma waqgħu fil-​materjaliżmu jew f’xi stil taʼ ħajja immorali. Kemm hu importanti li ngħassu l-​fidi tagħna u nibnu fuqha, billi nżommu attivi fl-​istudju persunali, fi sħubija, fit-​talb, u f’attività Kristjana! (2 Pietru 1:​5-8) Jalla qatt ma nieqfu li napprezzaw il-​libertà Kristjana! Veru, xi wħud jistgħu jiġu ttantati mill-​ħajja laxka li jaraw barra mill-​kongregazzjoni, billi jaħsbu li dawk li huma fid-​dinja huma iżjed liberi minna. Verament, iżda, dak li jidher qisu libertà fid-​dinja huwa spiss sempliċement nuqqas taʼ responsabbiltà. Jekk ma nkunux irsiera t’Alla, aħna rsiera tad-​dnub, u dak il-​jasar iħallas bil-​qares.​—Rumani 6:​23; Galatin 6:​7, 8.

18-20. (a) Xi wħud kif saru “għedewwa taz-​zokk tat-​tortura”?

18 Jerġaʼ, fl-​ittra tiegħu lill-​Filippin, Pawlu kiteb: “Hemm ħafna, kont insemmihom spiss imma issa nsemmihom ukoll bil-​biki, li qegħdin jimxu bħala l-​għedewwa taz-​zokk tat-​tortura tal-​Kristu.” (Filippin 3:18) Iva, kien hemm dawk li darba kienu Kristjani li saru għedewwa tal-​fidi, forsi billi saru apostati. Kemm hu vitali li aħna ma nsegwux il-​korsa tagħhom! Maʼ dan, Pietru kiteb: “Kunu bħala nies liberi, u madankollu billi żżommu l-​libertà tagħkom, mhux bħala għata għall-​ħażen, imma bħala rsiera t’Alla.” (1 Pietru 2:16) Kif jistaʼ individwu jżomm il-​libertà tiegħu bħala għata għall-​ħażen? Billi jikkommetti dnubiet serji​—forsi fis-​sigriet​—fil-​waqt li xorta waħda jassoċja mal-​kongregazzjoni.

19 Ftakar f’Dijotrefes. Ġwanni qal dwaru: “Dijotrefes, li jħobb ikollu l-​ewwel post [fil-kongregazzjoni], ma jilqaʼ xejn minna bir-​rispett. . .. Lanqas. . . ma jilqaʼ lill-​aħwa bir-​rispett, u lil dawk li qegħdin ikunu jridu jilqgħuhom hu jipprova jfixkilhom u jixħethom ’il barra mill-​kongregazzjoni.” (3 Ġwann 9, 10) Dijotrefes uża l-​libertà tiegħu bħala għata għall-​ambizzjoni egoista tiegħu stess.

20 Id-​dixxiplu Ġuda kiteb: “Iddefsu ċerti rġiel li ilhom li nħatru mill-​Iskrittura għal dan il-​ġudizzju, irġiel taʼ mingħajr Alla, li jdawru l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla tagħna fi skuża għal kondotta laxka u juru li huma foloz għall-​uniku Sid u Mulej tagħna, Ġesù Kristu.” (Ġuda 4) Waqt li assoċjaw mal-​kongregazzjoni, dawn l-​individwi kienu jikkorrompu bl-​influwenza tagħhom. (Ġuda 8-10, 16) F’Rivelazzjoni naqraw li fil-​kongregazzjonijiet taʼ Pergamum u Tijatira, kien hemm is-​settarjaniżmu, l-​idolatrija, u l-​immoralità. (Rivelazzjoni 2:​14, 15, 20-23) X’użu ħażin taʼ libertà Kristjana!

21. X’jistennew dawk li jabbużaw mil-​libertà Kristjana tagħhom?

21 X’jistennew dawk li jabbużaw mil-​libertà Kristjana tagħhom b’dan il-​mod? Ftakar xi ġralu Iżrael. Iżrael kien il-​ġens magħżul t’Alla, imma Jehovah fl-​aħħar warrbu. Għala? Għaliex l-​Iżraeliti wżaw ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla bħala għata għall-​ħażen. Huma kienu jiftaħru li kienu wlied Abraham imma ċaħduh lil Ġesù, iż-​Żerriegħa t’Abraham u l-​Messija magħżul taʼ Jehovah. (Mattew 23:​37-39; Ġwann 8:​39-47; Atti 2:36; Galatin 3:16) “L-​Iżrael t’Alla” bħala grupp mhux se jkun żleali bl-​istess mod. (Galatin 6:16) Imma kwalunkwe Kristjan individwali li jikkaġuna tinġis spiritwali jew morali eventwalment se jiffaċċja d-​dixxiplina, saħansitra ġudizzju kontra tiegħu. Ilkoll kemm aħna rridu nagħtu kont taʼ kif nużaw il-​libertà Kristjana tagħna.

22. X’ferħ jiġi għand dawk li jużaw il-​libertà Kristjana tagħhom biex jitjassru għal Alla?

22 Kemm hu aħjar li titjassar għal Alla u b’hekk tkun verament ħieles. Jehovah biss jagħti l-​libertà li tiswa tassew. Il-​proverbju jgħid: “Kun għaref, ibni, u agħmel li qalbi ferħana, biex inkun nistaʼ nagħti risposta lil dak li qiegħed jinbixni.” (Proverbji 27:11) Ħalli nużaw il-​libertà Kristjana tagħna għall-​vindikazzjoni taʼ Jehovah. Jekk nagħmlu hekk, il-​ħajjiet tagħna se jkollhom tifsir, se nagħtu gost lil Missierna tas-​sema, u eventwalment se nkunu fost dawk li jgawdi l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.

Tistaʼ Tispjega?

◻ Min waħdu hu verament liberu?

◻ Adam u Eva liema libertajiet kienu jgawdu, u għala tilfuhom?

◻ L-​Iżraeliti liema libertajiet gawdew meta kienu josservaw il-​patt tagħhom maʼ Jehovah?

◻ Liema libertajiet ġew għand dawk li aċċettaw lil Ġesù?

◻ Xi wħud fl-​ewwel seklu kif tilfu jew abbużaw mil-​libertà Kristjana tagħhom?

(b) Uħud kif ‘użaw il-​libertà tagħhom bħala għata għall-​ħażen’?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja