Kapitlu Ħamsa
Il-Libertà li Jgawdu l-Aduraturi taʼ Jehovah
1, 2. (a) Liema tip taʼ libertà ta Alla lill-ewwel koppja umana? (b) Semmi ftit mil-liġijiet li kkontrollaw l-attività taʼ Adam u Eva.
META Jehovah ħalaq l-ewwel raġel u mara, huma kienu jgawdu libertà ferm iktar minn dik li għandhom il-bnedmin illum. Id-dar tagħhom kienet il-Ġenna taʼ l-art, il-Ġnien sabiħ taʼ l-Għeden. L-ebda mard ma ħassrilhom it-tgawdija tal-ħajja, peress li kellhom imħuħ u iġsma perfetti. Ma kinitx qed tistenniehom il-mewt bħalma tistenna lil kulħadd minn dakinhar ’l hawn. Ukoll, huma ma kinux robots imma kellhom l-għotja meraviljuża tal-libertà taʼ l-għażla, l-abbiltà li jieħdu deċiżjonijiet għalihom infushom. Madankollu, biex ikomplu jgawdu din il-libertà meraviljuża kellhom jirrispettaw il-liġijiet t’Alla.
2 Per eżempju, ikkunsidra l-liġijiet naturali li Alla stabbilixxa. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-liġijiet forsi ma ngħatawx bil-miktub, imma Adam u Eva kienu magħmulin b’mod li kien sempliċement naturali għalihom li jobduhom. L-aptit tagħhom kien jurihom il-bżonn li jieklu; l-għatx, il-bżonn li jixorbu; inżul ix-xemx, il-bżonn li jorqdu. Jehovah tahom ukoll inkarigu taʼ xogħol. Dan l-inkarigu fil-fatt kien fl-istess ħin liġi għax kien jikkontrolla l-mod kif jaġixxu. Kellhom iġibu t-tfal, jeżerċitaw ħakma fuq il-ħafna għamliet taʼ ħajja fuq l-art, u jkabbru l-Ġenna taʼ l-art sakemm tkopri l-globu kollu. (Ġenesi 1:28; 2:15) X’liġi pjaċevoli u taʼ benefiċċju kienet din! Kienet tagħtihom xogħol sodisfaċenti għall-aħħar, waqt li għenithom jużaw il-fakultajiet tagħhom bis-sħiħ f’modi siewja. Ukoll, kellhom libertà kbira biex jieħdu deċiżjonijiet dwar kif iwettqu l-inkarigu tagħhom. X’setaʼ jitlob iktar dak li jkun?
3. Adam u Eva kif setgħu jitgħallmu jużaw b’mod għaqli l-libertà tagħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet?
3 M’għandniex xi ngħidu, meta Adam u Eva kellhom il-privileġġ li jieħdu d-deċiżjonijiet, ma kienx ifisser li kwalunkwe deċiżjoni li kienu se jieħdu kien se jkollha riżultati tajbin. Il-libertà tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet kellha tiġi eżerċitata fil-limiti tal-liġijiet u l-prinċipji t’Alla. Kif setgħu jitgħallmuhom dawn? Billi jagħtu widen lill-Ħallieq tagħhom u josservaw ix-xogħlijiet tiegħu. Alla ta lil Adam u Eva l-intelliġenza meħtieġa biex japplikaw dak li jkunu tgħallmu. Ladarba nħolqu perfetti, l-inklinazzjoni naturali tagħhom kienet li jirriflettu l-kwalitajiet t’Alla meta jieħdu xi deċiżjoni. Tabilħaqq, riedu joqogħdu attenti li jagħmlu dan jekk tassew kienu japprezzaw dak li Alla għamel għalihom u riedu jogħġbuh.—Ġenesi 1:26, 27; Ġwann 8:29.
4. (a) Il-kmand li ngħata lil Adam u Eva biex ma jiklux mill-frott taʼ siġra waħda ċaħħadhom mil-libertà? (b) Għala kienet ħtieġa xierqa din?
4 Mela, b’mod ġust Alla għażel li jittestja d-devozzjoni tagħhom lejh bħala d-Donatur tal-Ħajja u kemm kienu lesti li jibqgħu fil-limiti dikjarati minnu. Jehovah ta lil Adam dan il-kmand: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Wara li nħolqot Eva, hi wkoll ġiet informata b’din il-liġi. (Ġenesi 3:2, 3) Kienet din ir-restrizzjoni se ċċaħħadhom mil-libertà? Dażgur li le. Kellhom abbundanza kbira u minn kull tip taʼ ikel tajjeb x’jieklu mingħajr ma jieklu l-frott taʼ dik is-siġra. (Ġenesi 2:8, 9) Kien tassew xieraq li jirrikonoxxu li l-art tappartjeni lil Alla, ladarba ħalaqha hu. Għalhekk, hu għandu d-dritt li jagħmel liġijiet li jaqblu maʼ l-iskop tiegħu u li minnhom jibbenefikaw il-bnedmin.—Salm 24:1, 10.
5. (a) Adam u Eva kif tilfu l-libertà glorjuża li kellhom? (b) X’inhu li ħa post il-libertà li kienu gawdew Adam u Eva, u aħna kif ġejna effettwati?
5 Imma x’ġara? Imqanqal minn ambizzjoni egoista, kien hemm anġlu li uża l-libertà taʼ l-għażla b’mod ħażin u sar Satana, li jfisser “Avversarju.” Hu qarraq b’Eva billi assiguraha minn xi ħaġa kontra r-rieda t’Alla. (Ġenesi 3:4, 5) Adam ngħaqad m’Eva u kiser il-liġi t’Alla. Talli ħadu dak li ma kienx jappartjeni lilhom, huma tilfu l-libertà glorjuża li kellhom. Id-dnub sar dak li jikkontrollahom u, bħalma kien wissa Alla, wara ġiet il-mewt. Il-wirt li għaddew lin-nisel tagħhom kien id-dnub—muri fit-tendenza lejn il-ħażen li l-bniedem jitwieled biha. Id-dnub ġab ukoll dgħjufijiet li rriżultaw f’mard, xjuħija, u mewt. L-inklinazzjoni lejn il-ħażin, li saret agħar minħabba l-influwenza taʼ Satana, ipproduċiet soċjetà umana magħrufa għall-mibegħda, il-kriminalità, il-moħqrija, u l-gwerer li bihom mietu ħafna miljuni taʼ nies. X’kuntrast mal-libertà li Alla ta lill-bniedem fil-bidu!—Dewteronomju 32:4, 5; Ġob 14:1, 2; Rumani 5:12; Apokalissi 12:9.
Fejn Tistaʼ Tinstab il-Libertà
6. (a) Fejn tistaʼ tinstab il-libertà vera? (b) Dwar liema tip taʼ libertà kien qed jitkellem Ġesù?
6 Meta tqis il-kundizzjonijiet ħżiena li jeżistu kullimkien illum, m’għandniex għalfejn nistagħġbu li n-nies jixtiequ iktar libertà. Imma fejn tistaʼ tinstab il-libertà vera? Ġesù qal: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” (Ġwann 8:31, 32) Din il-libertà m’hijiex minn dak it-tip li l-bnedmin jittamaw għaliha meta jiċħdu lil xi ħakkiem jew xi gvern għax jiffavorixxu xi ħaġa oħra. Minflok, din il-libertà tmur eżatt fil-qalba tal-problemi tal-bniedem. Ġesù kien qed jiddiskuti dwar il-libertà mill-jasar tad-dnub. (Ġwann 8:24, 34-36) B’hekk, jekk xi ħadd isir dixxiplu veru taʼ Ġesù Kristu, hu jesperjenza bidla notevoli f’ħajtu, ħelsien!
7. (a) F’liema sens nistgħu nkunu meħlusin mid-dnub issa? (b) X’irridu nagħmlu biex ikollna din ir-rieda ħielsa?
7 Dan ma jfissirx li fil-preżent il-Kristjani veri ma jħossux l-effetti tat-tendenza lejn l-imġiba midinba li twieldu biha. Ladarba wirtu d-dnub, huma għadhom jissieltu minħabba fih. (Rumani 7:21-25) Madankollu, jekk xi ħadd tassew jgħix fi qbil mat-tagħlim taʼ Ġesù, ma jibqax iktar ilsir tad-dnub. Id-dnub ma jibqax iktar għalih bħala dittatur li jagħtih l-ordnijiet u li jrid jobdihom b’għajnejh magħluqa. Ma jkunx maqbud f’ħajja li ma jkollhiex skop u li tħallih b’kuxjenza mtebbgħa. Hu jgawdi kuxjenza nadifa quddiem Alla għax id-dnubiet tal-passat ikunu ġew maħfura fuq il-bażi tal-fidi tiegħu fis-sagrifiċċju taʼ Kristu. Jistaʼ jerġaʼ jħoss inklinazzjonijiet midinba, imma meta jirrifjuta li jaġixxi fuqhom għax jiftakar fit-tagħlim nadif taʼ Kristu, hu juri li d-dnub m’għadux iktar jikkontrollah.—Rumani 6:12-17.
8. (a) Liema libertà tagħtina l-Kristjanità vera? (b) X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn il-ħakkiema sekulari?
8 Ikkunsidra bħala Kristjani kemm ingawdu libertà. Ġejna meħlusin mill-effetti tat-tagħlim falz, mill-ħakma tas-superstizzjoni, u mill-jasar tad-dnub. Il-veritajiet meraviljużi dwar il-kundizzjoni tal-mejtin u l-irxoxt ħelsuna mill-biżaʼ mhux raġunevoli tal-mewt. L-għarfien li l-gvernijiet umani imperfetti dalwaqt se jkollhom iċedu posthom lis-Saltna ġusta t’Alla jeħlisna min-nuqqas taʼ tama. (Danjel 2:44; Mattew 6:10) Madankollu, libertà bħal din ma tiġġustifikax nuqqas taʼ rispett lejn l-awtoritajiet tal-gvern u l-liġijiet tagħhom.—Titu 3:1, 2; 1 Pietru 2:16, 17.
9. (a) Jehovah kif jgħinna bl-imħabba biex ingawdu l-akbar ammont taʼ libertà possibbli issa għall-bniedem? (b) Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin?
9 Jehovah ma jħalliniex nitgħallmu mill-iżbalji tagħna stess. Hu jaf kif aħna magħmulin, xi jġibilna ferħ ġenwin, u x’inhu taʼ benefiċċju dejjiemi għalina. Huwa konxju tal-ħsibijiet u l-kondotta li jistgħu jħassru r-relazzjoni taʼ dak li jkun Miegħu u maʼ sħabu l-bnedmin, u forsi saħansitra jtellfuh milli jkun parti mid-dinja l-ġdida. Bl-imħabba, Jehovah jinformana dwar dawn l-affarijiet kollha permezz tal-Bibbja u l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu. (Mark 13:10; Galatin 5:19-23; 1 Timotju 1:12, 13) Imbagħad, hija r-responsabbiltà tagħna li nużaw il-libertà taʼ l-għażla li tana Alla biex niddeċiedu kif se nirreaġixxu. Jekk tajna kas dak li tgħid il-Bibbja, se nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, mhux bħalma għamel Adam. Se nuru li relazzjoni tajba maʼ Jehovah hija l-mira prinċipali f’ħajjitna.
Xi Wħud Iridu Tip Ieħor taʼ Libertà
10. Liema tip taʼ libertà fittxew xi wħud li huma Xhieda taʼ Jehovah?
10 Xi drabi, xi żgħażagħ li huma Xhieda taʼ Jehovah—kif ukoll oħrajn li m’humiex żgħażagħ—jistgħu jħossu li jridu tip ieħor taʼ libertà. Id-dinja tistaʼ tidher attraenti u eċċitanti, u iktar ma jaħsbu dwarha, iktar ikunu jixtiequ jagħmlu l-affarijiet mhux Kristjani li huma popolari fid-dinja. Uħud bħal dawn forsi ma jippjanawx li jabbużaw mid-drogi, jixorbu żżejjed, jew jikkommettu fornikazzjoni. Imma jibdew jassoċjaw maʼ xi wħud li m’humiex Kristjani veri, u jkunu jridu jiġu aċċettati minnhom. Huma saħansitra jibdew jimitaw id-diskors u l-kondotta tagħhom.—3 Ġwann 11.
11. Xi drabi minfejn tiġi l-ħajra biex isir il-ħażin?
11 Xi drabi, wieħed jiġi mħajjar biex iċedi għal kondotta mhux Kristjana minn xi ħadd li jistqarr li jaqdi lil Jehovah. Dan kien minnu fost xi Kristjani tal-bidu, u l-istess ħaġa tistaʼ tiġri fi żmienna. Taʼ spiss, nies bħal dawn ikunu jridu jagħmlu l-affarijiet li jaħsbu li se jagħtuhom pjaċir, imma dawn l-affarijiet ikunu kontra l-liġijiet t’Alla. Huma jħeġġu lil oħrajn biex imorru “jiddevertu.” ‘Iwiegħdu l-ħelsien, waqt li huma stess imjassrin mit-taħsir.’—2 Pietru 2:19.
12. X’riżultati ħżiena jiġu minn kondotta li tmur kontra l-liġijiet u l-prinċipji t’Alla?
12 Ir-riżultat taʼ din l-hekk imsejħa libertà huwa dejjem taʼ ħsara, ladarba din tfisser ksur tal-liġijiet t’Alla. Per eżempju, is-sess projbit jistaʼ jirriżulta f’taqlib emozzjonali, mard, mewt, tqala mhix mixtieqa, u x’aktarx il-ksur taʼ żwieġ. (1 Korintin 6:18; 1 Tessalonikin 4:3-8) L-abbuż tad-drogi jistaʼ jipproduċi nervi, kliem maħtuf, vista mċajpra, sturdamenti, qtugħ taʼ nifs, immaġinazzjoni taʼ dehriet, u mewt. Dak li jkun jistaʼ jsir jiddependi minnhom, u jibda jwettaq atti kriminali sabiex jissodisfa l-vizzju tiegħu. Ħafna konsegwenzi simili jiġu mill-abbuż taʼ l-alkoħol. (Proverbji 23:29-35) Dawk li jaġixxu b’dan il-mod jistgħu jaħsbu li huma ħielsa, imma mbagħad meta jkun tard wisq jindunaw li jkunu saru lsiera tad-dnub. X’sid krudili huwa d-dnub! Li nirraġunaw dwar dan issa jistaʼ jgħinna nissalvagwardjaw lilna nfusna minn esperjenzi bħal dawn.—Galatin 6:7, 8.
Minfejn Jibdew il-Problemi
13. (a) Taʼ spiss, kif jibdew jitqanqlu x-xewqat li jwasslu għall-problemi? (b) Biex nifhmu liema hi l-“ħbiberija ħażina,” il-ħarsa taʼ min għandna bżonn? (ċ) Hekk kif twieġeb il-mistoqsijiet imniżżlin f’paragrafu 13, enfasizza l-ħarsa taʼ Jehovah.
13 Aħseb ftit minfejn taʼ spiss jibdew il-problemi. Il-Bibbja tispjega: “Kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni [“xewqa,” NW] tiegħu stess. Mbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.” (Ġakbu 1:14, 15) Kif tibda titqanqal ix-xewqa? B’dak li jidħol fil-moħħ. Taʼ spiss, dan jiġi mill-assoċjazzjoni maʼ nies li ma japplikawx il-prinċipji Bibliċi. M’għandniex xi ngħidu, ilkoll nafu li għandna nevitaw il-“ħbiberija ħażina.” (1 Korintin 15:33) Imma liema ħbiberija hija ħażina? Jehovah kif iqisha din il-kwistjoni? Li nirraġunaw fuq il-mistoqsijiet li ġejjin u nfittxu l-iskritturi ċitati għandhom jgħinuna naslu għal konklużjonijiet xierqa.
Il-fatt li ċerti nies jidhru li huma onorabbli jfisser li huma ħbieb tajbin? (Ġenesi 34:1, 2, 18, 19)
Tistaʼ l-konversazzjoni tagħhom, forsi anki ċ-ċajt li jgħidu, tindika jekk għandniex inkunu ħbieb mill-qrib tagħhom? (Efesin 5:3, 4)
Jehovah kif iħossu jekk nagħżlu ħbiberija intima maʼ nies li ma jħobbuhx? (2 Kronaki 19:1, 2)
Għalkemm inkunu qed naħdmu jew immorru l-iskola maʼ nies li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna, għala hemm bżonn noqogħdu b’sebaʼ għajnejn? (1 Pietru 4:3, 4)
Li naraw it-televixin u l-films, nużaw l-Internet, u naqraw kotba, rivisti, u gazzetti huma kollha modi kif nassoċjaw m’oħrajn. Għal liema tip taʼ materjal minn dawn is-sorsi għandna bżonn noqogħdu attenti? (Proverbji 3:31; Isaija 8:19; Efesin 4:17-19)
L-għażla tagħna maʼ min nassoċjaw x’tgħid lil Jehovah dwar liema tip taʼ nies aħna? (Salm 26:1, 4, 5; 97:10)
14. Liema libertà grandjuża hemm għal dawk li japplikaw fedelment il-pariri tal-Kelma t’Alla issa?
14 Eżatt quddiemna hemm id-dinja l-ġdida t’Alla. Permezz tas-Saltna t’Alla li se tiggverna mis-sema, l-umanità se tinħeles mill-influwenza taʼ Satana u mis-sistema t’affarijiet mill-agħar kollha tiegħu. Bil-mod il-mod, se jitneħħew l-effetti kollha tad-dnub minn fuq l-umanità ubbidjenti. Dan jirriżulta f’perfezzjoni tal-moħħ u l-ġisem, u b’hekk inkunu nistgħu ngawdu ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art. Il-libertà li hi kompletament fi qbil maʼ l-“Ispirtu tal-Mulej” ftit ftit se titgawda mill-ħolqien kollu. (2 Korintin 3:17) Jagħmel sens li nirriskjaw nitilfu dan kollu minħabba li ma nagħtux kas tal-Kelma t’Alla issa? Billi neżerċitaw il-libertà Kristjana tagħna bil-għaqal illum, jalla lkoll nuru biċ-ċar li tassew irridu “l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Liema tip taʼ libertà kienet tgawdi l-ewwel koppja umana? Dan kif jitqabbel maʼ dak li l-umanità qed tesperjenza issa?
• Liema libertà għandhom il-Kristjani veri? Din kif inhi kontra dik li d-dinja tikkunsidra bħala libertà?
• Għala huwa tant importanti li nevitaw ħbiberija ħażina? Kuntrarju għal Adam, id-deċiżjonijiet taʼ min naċċettaw dwar dak li hu ħażin?
[Stampi f’paġna 46]
Il-Kelma t’Alla twissi: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba”