Uri li Int Lest!
“Uru li intom lesti . . . , għax f’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-bniedem.”—MT. 24:44.
1, 2. (a) Liema ġrajjiet imbassrin fil-profezija Biblika jistgħu jitqabblu m’attakk minn tigra? (b) L-attakk li ġej kif jeffettwak?
GĦAL snin sħaħ, raġel famuż kien sors taʼ divertiment għan-nies bil-wirjiet li kien jagħti flimkien mat-tigri mħarrġin tiegħu tal-Bengal, li magħhom kien imur tajjeb. Hu qal: “Meta annimal jagħtik il-fiduċja tiegħu, tħossok qisek ġejt mogħti l-isbaħ rigal fid-dinja.” Imma fit-3 t’Ottubru, 2003, din il-fiduċja spiċċat. Għal xejn b’xejn, attakkatu tigra bajda, waħda mill-annimali tiegħu, li kienet tiżen 172 kilogramma. Dan l-attakk ma kien mistenni xejn affattu, u r-raġel ma kienx preparat għalih.
2 Huwa t’interess li tinnota li l-Bibbja tbassar attakk minn “bhima salvaġġa,” u hemm bżonn li aħna nkunu lesti għalih. (Aqra Rivelazzjoni 17:15-18.) Lil min tattakka l-bhima? Permezz taʼ bidla drammatika, id-dinja tax-Xitan issir maqsuma kontra tagħha stess. Il-bhima salvaġġa lewn l-iskarlat tirrappreżenta lill-Ġnus Magħquda, u “l-għaxart iqrun” jirrappreżentaw lill-qawwiet politiċi kollha. Dawn se jduru fuq l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, jiġifieri Babilonja l-Kbira, li hi bħal prostituta, u b’mod vjolenti jeqirduha. Meta se sseħħ din il-ġrajja? Ma nafux il-jum u s-siegħa. (Mt. 24:36) Imma nafu li se tkun f’siegħa meta ma nistennewhiex u li ż-żmien li fadal qabel l-attakk tqassar. (Mt. 24:44; 1 Kor. 7:29) Għalhekk, huwa vitali li nżommu lilna nfusna lesti spiritwalment ħalli meta jseħħ l-attakk u Kristu jiġi bħala l-Esekutur, hu se juri li jkun ukoll il-Ħellies tagħna! (Lq. 21:28) Nistgħu nitgħallmu kif inkunu lesti b’dan il-mod billi nikkunsidraw qaddejja leali t’Alla li wrew li kienu lesti, u b’hekk raw b’għajnejhom stess it-twettiq tal-wegħdi t’Alla. Se nieħdu aħna bis-serjetà dawn l-esperjenzi li tassew seħħew?
Uri li Int Lest—Bħal Noè
3. Liema kundizzjonijiet għamluha taʼ sfida għal Noè biex jaqdi lil Alla b’lealtà?
3 Minkejja l-kundizzjonijiet moqżieża li kienu komuni fuq l-art matul ħajtu, Noè wera li kien lest biex jara t-twettiq tal-wegħda t’Alla. Immaġina l-isfidi li ffaċċja Noè hekk kif anġli ribellużi mmaterjalizzaw f’iġsma umani u bdew jgħixu maʼ nisa sbieħ! Dawn ir-relazzjonijiet mhux naturali rriżultaw f’nisel sovruman, uħud “setgħanin” li użaw il-qawwa superjuri tagħhom biex jieħdu vantaġġ minn oħrajn. (Ġen. 6:4) Aħseb dwar il-vjolenza li nħalqet hekk kif dawn il-ġganti għamlu straġi kull fejn marru. B’hekk, il-ħażen sar xi ħaġa komuni u l-mod kif il-bniedem kien jaħseb u jaġixxi sar baxx għall-aħħar. Imbagħad, il-Mulej Sovran Ġeħova ħareġ digriet divin li mmarka l-bidu tat-tmiem għal dik id-dinja bla devozzjoni.—Aqra Ġenesi 6:3, 5, 11, 12.a
4, 5. Il-kundizzjonijiet fi żmienna b’liema modi huma bħal dawk fi żmien Noè?
4 Ġesù pprofetizza li l-kundizzjonijiet fi żmienna kienu se jkunu bħal dawk fi żmien Noè. (Mt. 24:37) Pereżempju, aħna wkoll naraw indħil minn spirti mill-agħar. (Riv. 12:7-9, 12) Dawn l-anġli demoniċi mmaterjalizzaw fi żmien Noè. Għalkemm illum ma jitħallewx jimmaterjalizzaw bħala bnedmin, huma jistinkaw biex jikkontrollaw liż-żgħar kif ukoll lill-kbar. Minn wara l-kwinti, dawn l-ispirti perverti jieħdu gost bl-azzjonijiet mill-agħar u baxxi taʼ dawk li jistgħu jikkorrompu fuq l-art.—Efes. 6:11, 12.
5 Il-Kelma t’Alla tiddeskrivi lix-Xitan bħala “qattiel” u tgħid li hu “jistaʼ jikkaġuna l-mewt.” (Ġw. 8:44; Ebr. 2:14) Il-qawwa tiegħu hija limitata meta jiġi biex jikkaġuna l-mewt direttament. Minkejja dan, dan l-ispirtu krudil jippromwovi l-qerq u t-tentazzjoni għad-dnub. Hu jinfluwenza l-imħuħ u l-qlub tan-nies biex ikollhom attitudni qattiela. Pereżempju, wieħed minn kull 142 tifel u tifla li jitwieldu fl-Istati Uniti se jsir vittma tal-qtil. Bil-vjolenza li ssir għal xejn b’xejn u li hi tant komuni llum, taħseb li Ġeħova se jagħti inqas kas milli ta fi żmien Noè? Se jżomm lura milli jaġixxi?
6, 7. Noè u familtu kif urew il-fidi u l-biżaʼ t’Alla?
6 Iktar tard, Noè ġie informat bid-deċiżjoni t’Alla biex iġib dilluvju t’ilma fuq l-art, u b’hekk jeqred lill-bnedmin kollha. (Ġen. 6:13, 17) Ġeħova qal lil Noè biex jibni arka forma taʼ kaxxa enormi. Noè u familtu bdew ix-xogħol. X’għenhom jobdu u juru li kienu lesti meta wasal il-ġudizzju t’Alla?
7 Fidi profonda u biżaʼ t’Alla qanqlu lil Noè u lill-familja tiegħu biex jagħmlu skont ma kkmanda Alla. (Ġen. 6:22; Ebr. 11:7) Bħala l-kap tal-familja, Noè baqaʼ għassa spiritwalment u evita li jiġi mħassar minn dik id-dinja tal-qedem. (Ġen. 6:9) Hu kien jaf li l-familja tiegħu kellhom bżonn jgħassu kontra li jadottaw l-imġiba vjolenti u l-attitudni taʼ sfida li kellhom in-nies taʼ madwarhom. Kien importanti ħafna li ma jsirux medhijin fl-attivitajiet tal-ħajja taʼ kuljum. Alla kellu biċċa xogħol għalihom, u kien vitali li l-familja kollha jiffokaw ħajjithom fuqha.—Aqra Ġenesi 6:14, 18.
Noè u Familtu Wrew li Kienu Lesti
8. X’juri li l-membri tal-familja taʼ Noè kellhom devozzjoni divina?
8 Ir-rakkont Bibliku jiffoka l-attenzjoni fuq il-kap tal-familja, Noè, imma mart Noè u wliedu subien u n-nisa tagħhom ukoll kienu aduraturi taʼ Ġeħova. Il-profeta Eżekjel ikkonferma dan. Hu qal li kieku Noè kien qed jgħix fiż-żmien t’Eżekjel, uliedu ma setgħux jistennew li jiġu salvati fuq il-bażi tas-sewwa taʼ missierhom. Kienu kbar biżżejjed biex jobdu jew ma jobdux. Għalhekk, individwalment kienu wrew imħabbithom għal Alla u għall-mogħdijiet tiegħu. (Eżek. 14:19, 20) Il-familja taʼ Noè aċċettaw l-istruzzjoni tiegħu, kellhom l-istess fidi tiegħu, u ma ħallewx l-influwenza t’oħrajn ittellifhom milli jwettqu xogħolhom li kien mogħti minn Alla.
9. Lejn liema eżempji moderni taʼ fidi bħal taʼ Noè nistgħu niġbdu l-attenzjoni?
9 Kemm hu inkuraġġanti llum li naraw fost il-fratellanza globali tagħna kapijiet tal-familja li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jimitaw lil Noè! Huma jirrealizzaw li mhuwiex biżżejjed li jipprovdu ikel, ilbies, post fejn jgħixu, u edukazzjoni għall-familji tagħhom. Għandhom ukoll jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali taʼ familthom. Billi jagħmlu hekk, juru li huma lesti għal dak li Ġeħova dalwaqt se jagħmel.
10, 11. (a) Noè u l-familja tiegħu kif bla dubju ħassewhom waqt li kienu fl-arka? (b) Liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna?
10 Jistaʼ jkun li Noè, martu, uliedu, u n-nisa tagħhom ħadmu fuq il-bini tal-arka għal xi 50 sena. Min jaf kemm-il darba daħlu u ħarġu mill-arka waqt li kienu qed jaħdmu fuqha! Għamluha b’tali mod li ma jidħolx ilma fiha, imlewha bl-ikel, u daħħlu l-annimali. Ġib ix-xena quddiem għajnejk. Il-ġurnata li kienu ilhom jistennew sa fl-aħħar tasal. Huwa s-17-il jum tat-tieni xahar tas-sena 2370 Q.E.K., u jidħlu fl-arka. Ġeħova jagħlaq il-bieb, u tibda nieżla x-xita. Dan mhuwiex sempliċi għargħar lokali. Infaqgħu l-għejun tal-ilmijiet fis-sema, u xita bil-qliel tħabbat mal-arka. (Ġen. 7:11, 16) In-nies barra l-arka qed imutu waqt li dawk ġo fiha qed jiġu salvati. Kif setgħu ħassewhom il-familja taʼ Noè? Veru, żgur li ħassew gratitudni profonda lejn Alla. Imma wkoll bla dubju ħasbu, ‘Kemm aħna ferħanin li mxejna mal-Alla l-veru u wrejna li aħna lesti!’ (Ġen. 6:9) Tistaʼ timmaġinak wara Armageddon b’qalbek mimlija apprezzament simili?
11 Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Dak li Jistaʼ Kollox milli jwettaq il-wegħda tiegħu biex iġib fi tmiem din is-sistema satanika. Staqsi lilek innifsek, ‘Għandi fiduċja sħiħa li lanqas wegħda waħda minn t’Alla mhi se tonqos lanqas fl-iċken dettall? Fiduċjuż li l-wegħdi kollha kemm huma se jitwettqu fil-ħin stabbilit tiegħu?’ Jekk iva, uri li int lest billi żżomm f’moħħok il-“jum taʼ Ġeħova” li riesaq bil-ħeffa.—2 Pt. 3:12.
Mosè Baqaʼ Għassa
12. X’setaʼ ċajpar il-ħarsa spiritwali taʼ Mosè?
12 Ejja nikkunsidraw eżempju ieħor. Minn ħarsa umana, Mosè deher li kien f’pożizzjoni tassew vantaġġuża fid-dinja Eġizzjana. Bħala t-tifel adottat taʼ bint il-Fargħun, x’aktarx li kien stmat ħafna u gawda l-itjeb ikel, l-aħjar ilbies, u l-iktar ambjent lussuż. Hu rċieva edukazzjoni estensiva. (Aqra Atti 7:20-22.) Probabbilment li setaʼ rċieva wirt kbir.
13. Mosè kif baqaʼ ffokat fuq il-wegħdi t’Alla?
13 Milli jidher, it-taħriġ taʼ Mosè mill-ġenituri tiegħu meta kien għadu żgħir għenu jara l-bluha tal-qima lill-idoli li pprattikaw l-Eġizzjani. (Eżo. 32:8) Is-sistema t’edukazzjoni tal-Eġittu u l-ġmiel materjali tad-dar irjali ma ġegħlux lil Mosè jabbanduna l-qima vera. Bilfors li kien ħaseb profondament fuq il-wegħdi li Alla għamel mal-antenati tiegħu u li kellu xewqa ħerqana biex juri li kien lest jagħmel ir-rieda divina. Wara kollox, Mosè qal lil ulied Iżrael: “Ġeħova . . . l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb, bagħatni għandkom.”—Aqra Eżodu 3:15-17.
14. Kif ġew imġarrbin il-fidi u l-kuraġġ taʼ Mosè?
14 Kuntrarju għall-idoli kollha li rrappreżentaw lill-allat bla ħajja tal-Eġittu, Ġeħova, l-Alla l-veru, kien reali għal Mosè. Mosè għex ħajtu bħallikieku setaʼ jara lil “Dak li hu inviżibbli.” Hu kellu l-fidi li l-poplu t’Alla kien se jiġi meħlus, imma ma kienx jaf meta kien se jiġri dan. (Ebr. 11:24, 25, 27) Ix-xewqa profonda tiegħu li jara lil-Lhud meħlusin intweriet mill-fatt li ddefenda lil ilsir Iżraeli li kien qed jiġi maħqur. (Eżo. 2:11, 12) Madankollu, kien għadu mhux il-waqt taʼ Ġeħova, allura Mosè kellu jgħix ħajja taʼ maħrub f’art imbiegħda. Bla ebda dubju, kien diffiċli għalih biex jidra jgħix fix-xagħri wara li kien gawda l-kumdità fil-palazz Eġizzjan. Xorta waħda, Mosè wera li kien lest billi baqaʼ għassa għal kull istruzzjoni li tah Ġeħova. B’hekk, Alla setaʼ jużah biex iġib serħan lil ħutu wara li qattaʼ 40 sena f’Midjan. Taħt id-direzzjoni t’Alla, Mosè b’ubbidjenza mar lura l-Eġittu. Kien wasal iż-żmien biex Mosè jwettaq inkarigu divin u biex jagħmel ix-xogħol t’Alla bil-mod li ried Alla. (Eżo. 3:2, 7, 8, 10) Lura fl-Eġittu, Mosè, “l-iktar ġwejjed mill-bnedmin kollha,” kellu bżonn tal-fidi u l-kuraġġ biex jidher quddiem il-Fargħun. (Num. 12:3) Hu għamel dan, mhux darba, imma darba wara l-oħra hekk kif ġew il-kastigi. U ma kienx jaf minn kastig għall-ieħor kemm-il darba oħra kien se jkollu jidher quddiem il-Fargħun.
15. Minkejja xi ostakli, x’qanqal lil Mosè biex jibqaʼ attent għal opportunitajiet biex jonora lil Missieru tas-sema?
15 Fl-40 sena wara dan, mill-1513 Q.E.K. sal-1473 Q.E.K., Mosè ffaċċja xi diżappunti. Però, hu qagħad attent għall-opportunitajiet biex jonora lil Ġeħova u minn qalbu ħeġġeġ lill-Iżraelin sħabu biex jonorawh ukoll. (Dt. 31:1-8) Għala? Għax ħabb l-isem u s-sovranità taʼ Ġeħova iktar minn ismu stess. (Eżo. 32:10-13; Num. 14:11-16) Minkejja d-diżappunti jew l-ostakli, aħna wkoll għandna nibqgħu nappoġġaw il-ħakma t’Alla, fiduċjużi li l-mod kif hu jagħmel l-affarijiet hu iktar għaref, iktar ġust, u aħjar minn kwalunkwe mod ieħor. (Is. 55:8-11; Ġer. 10:23) Int hekk tħossok?
Ibqaʼ Mqajjem!
16, 17. Marku 13:35-37 għala għandu tifsir profond għalik?
16 “Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-żmien stabbilit.” (Mk. 13:33) Ġesù ta din it-twissija meta kien qed jiddiskuti s-sinjal li kien se jimmarka l-konklużjoni taʼ din is-sistema mill-agħar. Ikkunsidra l-aħħar kliem tal-profezija importanti taʼ Ġesù, kif ġie mniżżel minn Marku: “Ibqgħu għassa, għax ma tafux meta ġej sid id-dar, jekk hux tard fil-jum jew f’nofsillejl jew x’ħin jidden is-serduq jew kmieni fil-għodu; sabiex meta jasal għal għarrieda, ma jsibkomx reqdin. Imma dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.”—Mk. 13:35-37.
17 Din it-twissija taʼ Ġesù tqanqal il-ħsieb. Hu semma erbaʼ ħinijiet differenti tal-għassa bil-lejl. L-aħħar wieħed kien ikun taʼ sfida biex dak li jkun jibqaʼ mqajjem għax kien minn xi t-tlieta taʼ filgħodu sa ma jisbaħ. Strateġisti tal-gwerra jqisu dan bħala l-iktar ħin effettiv biex wieħed jattakka lill-għadu tiegħu għax joffri l-aħjar opportunità li jsibu ‘rieqed.’ Bl-istess mod illum, meta d-dinja rieqda fil-fond f’sens spiritwali, jistaʼ jkollna bżonn nagħmlu l-akbar sarar tagħna biex nibqgħu mqajmin. Għandna xi dubju li rridu ‘nibqgħu mqajmin’ u ‘nibqgħu ngħassu’ għat-tmiem imbassar u għall-ħelsien tagħna?
18. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, xi privileġġ imprezzabbli għandna?
18 Ir-raġel li jħarreġ l-annimali li semmejna fil-bidu baqaʼ ħaj wara l-attakk mit-tigra tal-Bengal. Imma l-profezija Biblika b’mod ċar tindika li la r-reliġjon falza u lanqas il-bqija taʼ din is-sistema mill-agħar mhuma se jiskansaw it-tmiem li riesaq. (Riv. 18:4-8) Jalla l-qaddejja t’Alla kollha, kemm il-kbar kif ukoll iż-żgħar, jaraw kemm hu serju li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex juru li huma lesti għal jum Ġeħova, l-istess bħalma għamlu Noè u familtu. Aħna qed ngħixu f’dinja li tiddiżonora lil Alla u li fiha l-għalliema tar-reliġjon falza, kif ukoll l-anjostiċi u l-atei, iwaqqgħu lill-Ħallieq għaċ-ċajt bi kliemhom. Ma nistgħux nieħdu r-riskju li niġu influwenzati. Ejja nieħdu bis-serjetà l-eżempji li kkunsidrajna u nibqgħu għassa għal opportunitajiet biex niddefendu u nonoraw lil Ġeħova bħala “l-Alla taʼ l-allat,” iva, “l-Alla l-kbir, setgħan u jqanqal il-biżaʼ.”—Dt. 10:17.
[Nota taʼ taħt]
a Rigward il-“mija u għoxrin sena” msemmijin f’Ġenesi 6:3, ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Diċembru, 2010, paġna 30.
Tiftakar Int?
• Noè għala kellu bżonn jagħti prijorità lill-bżonnijiet spiritwali tal-familja tiegħu?
• Żminijietna kif inhuma simili ħafna għal dawk taʼ Noè?
• Minkejja d-diżappunti, Mosè għala baqaʼ ffokat fuq il-wegħdi taʼ Ġeħova?
• Liema profeziji Bibliċi jqanqluk tibqaʼ mqajjem spiritwalment?
[Stampa f’paġna 25]
Noè u l-familja tiegħu baqgħu ffokati fuq li jagħmlu x-xogħol taʼ Ġeħova
[Stampa f’paġna 26]
Il-wegħdi żguri taʼ Ġeħova għenu lil Mosè jibqaʼ għassa