Ix-Xitan Mhux Sempliċement Superstizzjoni
“Fit-Testment il-Ġdid hemm deskritt konflitt kbir bejn il-forzi t’Alla u tat-tajjeb, minn banda waħda, u dawk tal-ħażen immexxijin minn Satana, mill-banda l-oħra. Din m’hijiex l-idea taʼ xi kittieb jew tnejn, imma tal-kittieba kollha. . . . Għalhekk, ix-xiehda tat-Testment il-Ġdid hija ċara. Satana tassew jeżisti u jagħmel il-ħsara, dejjem jiħodha kontra Alla u l-poplu t’Alla.”—“The New Bible Dictionary.”
ALLURA, għala ħafna li jgħidu li huma Kristjani—u li jsostnu li jemmnu fil-Bibbja—jiċħduha l-idea li x-Xitan veru jeżisti? Għax, fil-verità, il-Bibbja ma jaċċettawhiex bħala l-Kelma t’Alla. (Ġeremija 8:9) Huma jgħidu li l-kittieba tal-Bibbja rriflettew il-filosofiji tal-ġnus taʼ madwarhom u ma wasslux b’mod eżatt il-verità mingħand Alla. Per eżempju, it-teologu Kattoliku Hans Küng jikteb: “L-ideat mitoloġiċi taʼ Satana b’leġjuni taʼ xjaten . . . twasslu mill-mitoloġija Babiloniża għal ġol-Ġudaiżmu tal-bidu u minn hemmhekk għal ġot-Testment il-Ġdid.”—On Being a Christian.
Imma l-Bibbja m’hijiex sempliċement il-kelma tal-bnedmin; hija verament il-Kelma mnebbħa t’Alla. Għalhekk, inkunu għaqlin jekk nieħdu bis-serjetà dak li tgħid dwar ix-Xitan.—2 Timotju 3:14-17; 2 Pietru 1:20, 21.
X’Kien Jaħseb Ġesù?
Ġesù Kristu kien jemmen li x-Xitan veru jeżisti. Ġesù ma ġiex ittantat minn xi ħażen li kellu ġewwa fih. Kien attakkat minn xi ħadd reali li iktar tard Ġesù sejjaħlu “l-Prinċep tad-dinja.” (Ġwann 14:30; Mattew 4:1-11) Hu kien jemmen ukoll li ħlejjaq spirti oħrajn jappoġġaw lil Satana fil-proġetti mill-agħar tiegħu. Hu fejjaq lil nies li kienu ‘maħkumin mix-xitan.’ (Mattew 12:22-28) Anki l-pubblikazzjoni ateistika A Rationalist Encyclopædia tinnota s-sinifikat taʼ dan meta tgħid: “Dejjem kienet ħaġa taʼ tfixkil għat-teoloġi kif dan Ġesù taʼ l-Evanġelji aċċetta t-twemmin fix-xjaten.” Meta Ġesù tkellem dwar ix-Xitan u d-demonji tiegħu, hu ma kienx sempliċement qed jirrepeti xi superstizzjonijiet li kienu ġejjin mill-mitoloġija Babiloniża. Hu kien jaf li kienu jeżistu tassew.
Nitgħallmu ħafna dwar ix-Xitan meta nikkunsidraw il-kliem li qal Ġesù lill-għalliema reliġjużi taʼ żmienu: “Intom ġejjin minn missierkom, li hu x-Xitan, u x-xewqat taʼ missierkom tridu tagħmlu. U dan kien qattiel sa mill-bidu, u qatt ma żamm mal-verità, għax il-verità ma tinsabx fih. Meta jigdeb, ikun qiegħed jitkellem taʼ li hu, għax dak giddieb u missier il-gideb.”—Ġwann 8:44.
Skond dan il-vers, ix-Xitan, li ismu jfisser “kalunnjatur,” kien “giddieb u missier il-gideb.” (Korsiv tagħna.) Kien l-ewwel wieħed mill-ħlejjaq li gideb dwar Alla, u dan għamlu lura fil-ġnien taʼ Għeden. Jehovah kien qal li l-ġenituri oriġinali tagħna ‘żgur li kienu se jmutu’ jekk jieklu mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. Permezz taʼ serp, Satana qal li dan il-kliem ma kienx minnu. (Ġenesi 2:17; 3:4) B’mod xieraq, hu msejjaħ “is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan.”—Apokalissi 12:9.
Ix-Xitan gideb dwar is-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. Hu argumenta illi li wieħed ma jitħalliex jiekol minn din is-siġra ma kienx ġustifikat; kien abbuż tal-poter. Hu qal li Adam u Eva setgħu jkunu “bħal allat” billi jiddeċiedu għalihom infushom x’kien tajjeb u x’kien ħażin. Satana implika li, peress li kellhom il-libertà taʼ l-għażla, huma kellhom id-dritt li ma jkollhom assolutament lil ħadd jikkmandahom. (Ġenesi 3:1-5) Dan l-attakk fuq il-korrettezza tal-mod kif jaħkem Alla qajjem kwistjonijiet importanti. Għalhekk, Jehovah ħalla ż-żmien biex tinstab soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet. Dan ifisser li Satana tħalla jkompli jgħix għal ftit żmien. Iż-żmien limitat li ngħatalu issa qed jispiċċa b’ħeffa kbira. (Apokalissi 12:12) Xorta waħda, hu jkompli jbiegħed lill-bnedmin minn Alla bil-gideb u l-qerq, billi juża lil nies bħall-iskribi u l-Fariżej taʼ żmien Ġesù biex ixerrdu t-tagħlim tiegħu.—Mattew 23:13, 15.
Ġesù qal ukoll li x-Xitan kien “qattiel sa mill-bidu” u li “qatt ma żamm mal-verità.” (Korsiv tagħna.) Dan ma jfissirx li Jehovah ħalaq lix-Xitan bħala “qattiel.” Ma kienx maħluq biex ikun xi tip taʼ mostru inkarigat minn post taʼ nar u turment għal min jopponi lil Alla. L-“infern” tal-Bibbja m’huwiex il-post fejn jgħammar Satana. Huwa sempliċement il-qabar komuni taʼ l-umanità.—Atti 2:25-27; Apokalissi 20:13, 14.
Ix-Xitan kien oriġinarjament fil-“verità.” Hu kien darba parti mill-familja li Jehovah għandu fis-sema, bħala iben spirtu perfett t’Alla. Imma hu “qatt ma żamm mal-verità.” Ipprefera t-triqat u l-prinċipji tiegħu stess ibbażati fuq il-gideb. Il-“bidu” tiegħu bħala qattiel ma kienx meta ġie maħluq bħala iben anġeliku t’Alla, imma meta rribella volontarjament kontra Jehovah u gideb lil Adam u Eva. Ix-Xitan hu bħal dawk in-nies li rribellaw kontra Jehovah fi żmien Mosè. Dwarhom naqraw: “Mxew ħażin miegħu; m’humiex uliedu, għajb għalihom; nisel taʼ inkwiet u għawġ.” (Dewteronomju 32:5) L-istess jistaʼ jingħad dwar Satana. Hu sar “qattiel” meta rribella u sar responsabbli għall-mewt taʼ Adam u Eva u, fil-fatt, tal-familja umana kollha kemm hi.—Rumani 5:12.
Anġli Diżubbidjenti
Kien hemm anġli oħrajn li ssieħbu maʼ Satana meta rribella. (Luqa 11:14, 15) Dawn l-anġli “telqu mnejn kienu jgħammru” u dehru f’iġsma umani sabiex igawdu relazzjonijiet sesswali mal-“bniet tal-bnedmin” fi żmien Noè. (Ġuda 6; Ġenesi 6:1-4; 1 Pietru 3:19, 20) “Waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema,” jew minoranza taʼ ħlejjaq spirti, qabdu din it-triq.—Apokalissi 12:4.
Il-ktieb taʼ l-Apokalissi, li hu simboliku ferm, ipinġi lix-Xitan bħala “Dragun kbir minn lewn in-nar.” (Apokalissi 12:3) Għala? Mhux għax għandu letteralment xi ġisem ikrah bħal taʼ mostru. Fil-fatt, ma nafux x’tip taʼ ġisem għandhom il-ħlejjaq spirti, imma x’aktarx li Satana m’huwiex differenti minn ħlejjaq spirti anġeliċi oħrajn f’dan ir-rigward. Madankollu, “Dragun kbir minn lewn in-nar” hija deskrizzjoni xierqa għall-ispirtu taʼ Satana, li hu mġewwaħ, tal-biżaʼ, setgħan, u distruttiv.
Satana u d-demonji tiegħu huma issa ristretti bl-aħrax. Ma jistgħux iktar jidhru b’iġsma taʼ bnedmin bħalma milli jidher setgħu jagħmlu qabel. Ftit wara li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita f’idejn Kristu fl-1914, dawn twaddbu ’l isfel qrib l-art.—Apokalissi 12:7-9.
Ix-Xitan Hu Għadu Qawwi
Xorta waħda, ix-Xitan jibqaʼ għadu qawwi. Hu “qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.” (1 Pietru 5:8) Hu m’huwiex xi xejra għall-ħażen, li ma tistax tiġi spjegata u li tgħammar fil-ġisem imperfett tagħna. Huwa minnu li kuljum irridu nitqabdu kontra l-inklinazzjonijiet midinbin tagħna stess. (Rumani 7:18-20) Imma t-taqbida vera hija “kontra l-Prinċpijiet taʼ din id-dinja taʼ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.”—Efesin 6:12.
Kemm hu influwenti x-Xitan? “Id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin,” jgħid l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwann 5:19) M’għandniex xi ngħidu, ma rridux insiru ossessjonati bix-Xitan jew inħallu l-biżaʼ superstizzjuż dwaru jagħmilna bla ħila. Iżda, aħna nkunu għaqlin jekk noqogħdu attenti biex ma nħalluhx jagħlqilna għajnejna għall-verità u jkissrilna l-integrità tagħna lejn Alla.—Ġob 2:3-5; 2 Korintin 4:3, 4.
Ix-Xitan mhux dejjem juża mezzi feroċi biex jattakka lil dawk li jridu jagħmlu r-rieda t’Alla. Kultant, hu jagħmel lilu nnifsu jidher bħal “anġlu tad-dawl.” L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani dwar dan il-periklu meta kiteb: “Jiena nibżaʼ li, bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-sempliċità u s-safa tagħhom fi Kristu.”—2 Korintin 11:3, 14.
Għalhekk, għandna bżonn ‘inkunu meqjusa u ngħassu, niqfulu, sħaħ fil-fidi.’ (1 Pietru 5:8, 9; 2 Korintin 2:11) Tagħmilhiex faċli lil Satana biex iqarraq bik billi tbagħbas fi kwalunkwe ħaġa li hi marbuta maʼ l-okkult. (Dewteronomju 18:10-12) Kun student għaqli tal-Kelma t’Alla, u ftakar li Ġesù Kristu rrefera kemm-il darba għall-Kelma t’Alla meta ġie ttantat mix-Xitan. (Mattew 4:4, 7, 10) Itlob għall-ispirtu t’Alla. Il-frott tiegħu jistaʼ jgħinek tevita l-għemejjel tal-ġisem, li Satana jħeġġeġ b’mod tant effettiv. (Galatin 5:16-24) Ukoll, itlob bil-ħerqa lil Jehovah meta tħossok b’xi mod taħt pressjoni mix-Xitan u d-demonji tiegħu.—Filippin 4:6, 7.
M’għandekx għalfejn titwerwer mix-Xitan. Jehovah jwiegħed protezzjoni vera kontra kwalunkwe ħaġa li Satana jistaʼ jagħmel. (Salm 91:1-4; Proverbji 18:10; Ġakbu 4:7, 8) “Twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu,” jgħid l-appostlu Pawlu. Imbagħad se “tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan.”—Efesin 6:10, 11.
[Stampa f’paġna 5]
Ġesù kien jaf li x-Xitan kien xi ħadd reali
[Stampa f’paġna 6]
“Id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin”
[Sors]
Ritratt tan-NASA
[Stampi f’paġna 7]
Ieqaf kontra x-Xitan billi tistudja l-Kelma t’Alla u titlob regolarment