Il-Ħajja u l-Ministeru taʼ Ġesù
Il-Kwistjoni taʼ Min Hu l-Missier
MATUL il-Festa tat-Tabernakli tas-sena 32 E.K., id-diskussjoni taʼ Ġesù mal-mexxejja Lhud tiħrax iktar. “Jien naf li intom nisel Abraham,” Ġesù jirrikonoxxi, “imma intom qed tfittxu biex toqtluni, għaliex il-kelma tiegħi ma tagħmel ebda progress fostkom. Dawk l-affarijiet li rajt maʼ Missieri nitkellem jien; u intom, għalhekk, agħmlu l-affarijiet lqi smajtu mingħand missierkom.”
Għalkemm ma jidentifikax lil missierhom, Ġesù jagħmilha ċara li missierhom huwa differenti minn missieru. Billi ma jafux lil min għandu f’moħħu Ġesù, il-mexxejja Lhud iwieġbu: “Missierna huwa Abraham.” Huma jħossu li għandhom l-istess fidi li kellu Abraham, li kien il-ħabib t’Alla.
Madankollu, Ġesù jaħsadhom bit-tweġiba: “Jekk intom it-tfal taʼ Abraham, agħmlu x-xogħlijiet taʼ Abraham.” Tabilħaqq, iben reali jimita lil missieru. “Imma issa intom qed tfittxu biex toqtluni,” jgħid Ġesù, “raġel li qalilkom il-verità li jien smajt mingħand Alla. Abraham ma għamlux dan.” Mela Ġesù jerġaʼ jgħid: “Intom tagħmlu x-xogħlijiet taʼ missierkom.”
Xorta waħda huma ma jifhmux dwar min qed jitkellem Ġesù. Huma jsostnu li huma wlied leġittimi taʼ Abraham, billi jgħidu: “Ahna ma konniex imwelldin miż-żina.” Għalhekk, billi jippretendu li huma adoraturi veri bħal Abraham, huma jinsistu: “Aħna għandna Missier wieħed Alla.”
Imma huwa Alla tassew Missierhom? “Kieku Alla kien Missierkom,” iwieġeb Ġesù, “kontu tħobbuni, għax minn Alla jien ħriġt u qiegħed hawn. Lanqas ma ġejt minn rajja assolutament, imma dak il-Wieħed bagħatni ’l quddiem. Għala ma tafux intom x’qed nitkellem jien?”
Ġesù pprova juri lil dawn il-mexxejja reliġjużi l-konsegwenzi taʼ li huma m’aċċettawhx. Imma issa hu jgħid b’mod dirett: “Intom minn missierkom ix-Xitan, u intom tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom.” Liema xorta taʼ missier huwa x-Xitan? Ġesù identifikah bħala qattiel u qal ukoll: “Huwa giddieb u missier il-gidba.” Għalhekk Ġesù jikkonkludi: “Dak li hu minn Alla jismaʼ minn dak li jgħid Alla. Għalhekk intom ma tisimgħux, għaliex m’intomx minn Alla.”
Irrabjati bil-kundanna taʼ Ġesù, il-Lhud iwieġbu: “Ma nagħmlux aħna tajjeb li ngħidu, Inti Samaritan u għandek demonju?” Il-kelma “Samaritan” hija wżata bħala espressjoni taʼ tmaqdir u żeblieh, għaliex is-Samaritani huma poplu mibgħud mil-Lhud.
Billi ma jagħtix kas tat-tmaqdir dwar li huwa Samaritan, Ġesù jwieġeb: “Jien m’għandix demonju, imma jien nonora lil Missieri, u intom tiddiżonorawni.” Billi jissokta, Ġesù jagħmel il-wegħda li taħsad: “Jekk xi ħadd josserva l-kelma tiegħi, hu qatt ma se jara l-mewt assolutament.” Naturalment, Ġesù ma jridx ifisser li dawk kollha li jsegwuh qatt ma se jaraw il-mewt litteralment. Minflok, hu jrid ifisser li huma qatt ma se jaraw il-qerda eterna, jew “it-tieni mewt’” li minnha m’hemmx irxoxt.
Madankollu, il-Lhud jieħdu l-kliem taʼ Ġesù litteralment. Għalhekk, huma jgħidu: “Issa żgur li nafu li int għandek demonju. Abraham miet, il-profeti wkoll; imma int tgħid, ‘Jekk xi ħadd josserva l-kelma tiegħi, hu qatt ma se jduq il-mewt assolutament.’ Inti m’intix akbar minn missierna Abraham, li miet, hux hekk? Ukoll, il-profeti mietu. Min tippretendi li int?”
F’din id-diskussjoni kollha, huwa ovvju li Ġesù qed jiġbed l-attenzjoni taʼ dawn l-irġiel lejn il-fatt li hu l-Messija mwiegħed. Imma minflok ma jwieġeb direttament il-mistoqsija tagħhom dwar l-identità tiegħu, Ġesù jgħid: “Jekk nigglorifika lili nnifsi il-glorja tiegħi m’hi xejn. Huwa Missieri li jigglorifikani, dak li intom tgħidu li hu Alla tagħkom; u madankollu ma sirtux tafuh. Imma jien nafu. U kieku għidt li ma nafux kont inkun bħalkom, giddieb.”
Billi jissokta, Ġesù jerġaʼ jirreferi għal Abraham il-lejali, billi jgħid: “Abraham missierkom feraħ ħafna bil-prospett taʼ li jara l-jum tiegħi, u hu rah u feraħ.” Iva, b’għajnejn taʼ fidi, Abraham ħares ’il quddiem lejn il-wasla tal-Messija mwiegħed. B’nuqqas taʼ twemmin, il-Lhud iwieġbu: “Għad m’għandekx ħamsin sena, u xorta rajt lil Abraham?”
“Verissimu ngħidilkom,” iwieġeb Ġesù, “qabel ma Abraham beda jeżisti, jien kont.” Ġesù qiegħed, naturalment, jirreferi għall-eżistenza tiegħu taʼ qabel ma sar bniedem bħala persuna spirtu u setgħana fis-sema.
Irrabjati b’dak li Ġesù sostna li kien jeżisti qabel Abraham, il-Lhud jaqbdu l-ġebel biex igarawhulu. Imma hu jistaħba u joħroġ mit-tempju bla ma ġralu xejn. Ġwann 8:37-59; Rivelazzjoni 3:14; 21:8.
◆ Ġesù kif juri li hu u l-egħdewwa tiegħu għandhom missirijiet differenti?
◆ X’inhu s-sinjifikat taʼ li l-Lhud isejħu lil Ġesù Samaritan?
◆ Ġesù f’liema sens irid ifisser li s-segwaċi tiegħu qatt ma se jaraw il-mewt?