LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 9/1 pp. 13-18
  • Oqogħdu Attenti mil-“Leħen Barrani”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Oqogħdu Attenti mil-“Leħen Barrani”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Min Ma Jidħolx mill-​Bieb’
  • L-​Ewwel Darba li Nstemaʼ Leħen Barrani
  • Kif Jinstemaʼ l-​Leħen Barrani Llum
  • “Għarblu l-​Espressjonijiet Imnebbħin”
  • “Jaħarbu Minnu”
  • Ir-Ragħaj mill-Aħjar u l-imqawel tan-nagħaġ
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • L-Imqajjel tan-Ngħaġ u r-Ragħaj
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Fejn Tistaʼ Ssib il-Faraġ
    Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 9/1 pp. 13-18

Oqogħdu Attenti mil-​“Leħen Barrani”

“Wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx.”—ĠWANNI 10:5.

1, 2. (a) Marija kif tirreaġixxi meta Ġesù jsejħilha b’isimha, u din il-​ġrajja kienet eżempju taʼ liema ħaġa li kien qal Ġesù? (b) X’jgħinna nibqgħu qrib Ġesù?

ĠESÙ rxoxtat josserva mara wieqfa ħdejn il-​qabar vojt tiegħu. Hu jafha sew. Hija Marija taʼ Magdala. Xi sentejn qabel, hu kien fejjaqha billi keċċielha d-​demonji. Minn dakinhar hi baqgħet takkumpanja lilu u lill-​appostli tiegħu u ħadet ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom taʼ kuljum. (Luqa 8:1-3) Madankollu, illum Marija qed tibki, maħkuma min-​niket minħabba li rat lil Ġesù jmut, u issa anki ġismu sparixxa! Allura Ġesù jistaqsiha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” Peress li taħsbu l-​ġardinar, hi twieġbu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.” Imbagħad Ġesù jgħidilha: “Marjam!” Mill-​ewwel tagħraf il-​mod familjari kif ikellimha. “Mgħallem,” tgħid hi bil-​ferħ, u tgħannqu.—Ġwanni 20:11-18.

2 Dan ir-​rakkont hu eżempju teneru taʼ dak li Ġesù stqarr ftit qabel. Meta qabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj u s-​segwaċi tiegħu maʼ nagħaġ, hu qal li r-​ragħaj isejjaħ lin-​nagħaġ tiegħu b’isimhom u huma jagħrfu leħnu. (Ġwanni 10:3, 4, 14, 27, 28) Tabilħaqq, bħalma nagħġa tagħraf lir-​ragħaj tagħha, bl-​istess mod Marija għarfet lir-​Ragħaj tagħha, Kristu. Dan hu minnu wkoll dwar is-​segwaċi taʼ Ġesù llum. (Ġwanni 10:16) Bħalma l-​widna tan-​nagħġa tippermettilha tagħraf lir-​ragħaj tagħha u tibqaʼ qribu, l-​għarfien spiritwali tagħna jgħinna bl-​istess mod nimxu qrib il-​passi tar-​Ragħaj it-​Tajjeb tagħna, Ġesù Kristu.—Ġwanni 13:15; 1 Ġwanni 2:6; 5:20.

3. Liema mistoqsijiet iġġibilna f’moħħna t-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​maqjel tan-​nagħaġ?

3 Madankollu, skond din l-​istess tixbiha, l-​abbiltà tan-​nagħġa biex tagħraf l-​ilħna tal-​bnedmin tgħinha tagħraf mhux biss il-​ħbieb iżda wkoll l-​għedewwa. Dan hu taʼ importanza vitali minħabba li għandna opponenti qarrieqa. Min huma? Kif jaġixxu? Kif nistgħu nipproteġu ruħna minnhom? Biex insiru nafu, ejja naraw xi jkompli jgħid Ġesù fit-​tixbiha tiegħu dwar il-​maqjel tan-​nagħaġ.

‘Min Ma Jidħolx mill-​Bieb’

4. Skond it-​tixbiha tar-​ragħaj, in-​nagħaġ wara min jimxu, u wara min ma jimxux?

4 Ġesù jistqarr: “Min jidħol mill-​bieb hu r-​ragħaj tan-​nagħaġ. Min ikun mal-​bieb lilu jiftaħ, in-​nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-​nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-​nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-​nagħaġ jimxu warajh, għax [“jagħrfu,” Saydon] leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx.” (Ġwanni 10:2-5) Innota li Ġesù juża l-​kelma ‘leħen’ tliet darbiet. Darbtejn hu jitkellem dwar leħen ir-​ragħaj, imma t-​tielet darba, hu jirreferi għal-​“leħen barrani.” X’tip taʼ barrani qed jirreferi għalih Ġesù?

5. Għala ma nurux l-​ospitalità lit-​tip taʼ barrani msemmi fi Ġwanni kapitlu 10?

5 Ġesù mhux qed jiddiskuti dwar it-​tip taʼ barrani li rridu nuruh l-​ospitalità—kelma li fil-​lingwa oriġinali tal-​Bibbja tfisser “imħabba għall-​barranin.” (Lhud 13:2) Fit-​tixbiha taʼ Ġesù, il-​barrani m’huwiex mistieden. Hu “ma jidħolx fil-​maqjel tan-​nagħaġ mill-​bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra.” Hu “ħalliel u brigant.” (Ġwanni 10:1) Min hu l-​ewwel individwu msemmi fil-​Kelma t’Alla li sar ħalliel u brigant? Satana x-​Xitan. Insibu l-​evidenza fil-​ktieb tal-​Ġenesi.

L-​Ewwel Darba li Nstemaʼ Leħen Barrani

6, 7. Għala hu xieraq li Satana jissejjaħ barrani u ħalliel?

6 Ġenesi 3:1-5 jiddeskrivi kif leħen barrani nstemaʼ fuq l-​art għall-​ewwel darba. Ir-​rakkont jgħid li Satana resaq lejn l-​ewwel mara, Eva, permezz taʼ serp u kellimha b’mod qarrieqi. Huwa minnu li f’dan ir-​rakkont Satana ma jissejjaħx letteralment bħala “barrani.” Minkejja dan, l-​għemejjel tiegħu juru b’ħafna modi li hu kien bħall-​barrani deskritt fit-​tixbiha taʼ Ġesù mniżżla fi Ġwanni kapitlu 10. Ikkunsidra xi xebh.

7 Ġesù stqarr li l-​barrani jersaq lejn il-​vittmi tiegħu fil-​maqjel tan-​nagħaġ b’mod indirett. Bl-​istess mod, Satana resaq lejn il-​vittma tiegħu indirettament, billi uża serp. Dan il-​metodu makakk kixef x’inhu Satana verament—deffiesi qarrieqi. Iżjed minn hekk, il-​barrani fil-​maqjel tan-​nagħaġ bi ħsiebu jisraq in-​nagħaġ mingħand dak li hu sidhom bi dritt. Fil-​fatt, hu agħar minn ħalliel, għax il-​mira tiegħu hi wkoll li “joqtol u jeqred.” (Ġwanni 10:10) Bl-​istess mod, Satana kien ħalliel. Billi qarraq b’Eva, hu serqilha l-​lealtà tagħha lejn Alla. Iktar minn hekk, Satana ġab ukoll il-​mewt fuq il-​bnedmin. Għalhekk, hu qattiel.

8. Satana kif għawweġ il-​kliem u l-​intenzjonijiet taʼ Jehovah?

8 Id-​diżonestà taʼ Satana kienet tidher fil-​mod kif għawweġ il-​kliem u l-​intenzjonijiet taʼ Jehovah. “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-​siġar kollha’?” hu staqsa lil Eva. Satana għamilha taʼ bir-​ruħu sorpriż, bħallikieku kien qed jgħid: ‘Kif jistaʼ Alla jkun daqshekk bla raġuni?’ Hu kompla jgħid: “Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom.” Innota l-​kliem tiegħu: “Alla jaf.” Satana kien bħallikieku qed jgħid: ‘Jien naf x’jaf Alla. Naf l-​intenzjonijiet tiegħu, u huma ħżiena.’ (Ġenesi 2:16, 17; 3:1, 5, korsiv tagħna.) B’sogħba, Eva u Adam ma warrbux dan il-​leħen barrani. Minflok, huma taw kasu u ġabu n-​niket fuqhom infushom u fuq nisilhom.—Rumani 5:12, 14.

9. Għala għandna nistennew li l-​leħen barrani jinstemaʼ llum?

9 Satana juża metodi simili biex iqarraq bin-​nies t’Alla llum. (Apokalissi 12:9) Hu “missier il-​gideb,” u dawk li bħalu jipprovaw iqarrqu bil-​qaddejja t’Alla huma wliedu. (Ġwanni 8:44) Ejja ninnotaw xi modi li permezz tagħhom illum jinstemaʼ l-​leħen taʼ dawn il-​barranin.

Kif Jinstemaʼ l-​Leħen Barrani Llum

10. Liema hu mod wieħed kif qed jinstemaʼ l-​leħen barrani?

10 Raġunamenti qarrieqa. L-​appostlu Pawlu jgħid: “Tħallux li toħorġu ’l barra mit-​triq b’xorta oħra taʼ tagħlim barrani.” (Lhud 13:9) X’tip taʼ tagħlim? Peress li jistaʼ ‘joħroġna ’l barra mit-​triq,’ jidher ċar li Pawlu qed jirreferi għat-​tagħlim li jdgħajjef il-​bilanċ spiritwali tagħna. Min qed jagħti tagħlim barrani bħal dan? Pawlu qal lil grupp t’anzjani Kristjani: “Minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-​sewwa, bil-​ħsieb li jdawwru d-​dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:30) Tabilħaqq, illum bħal fi żmien Pawlu, xi individwi li darba kienu parti mill-​kongregazzjoni Kristjana issa qed jipprovaw jiżvijaw lin-​nagħaġ billi jitkellmu “kontra s-​sewwa”—nofs veritajiet u gideb sfaċċat. Bħalma jpoġġiha l-​appostlu Pietru, huma jużaw “kliem qarrieq”—kliem li jixbah lill-​verità imma li fil-​fatt ma jiswa xejn.—2 Pietru 2:3.

11. Il-​kliem li nsibu fit-​2 Pietru 2:1, 3 kif jikxef il-​metodi u l-​intenzjoni taʼ l-​apostati?

11 Pietru jkompli jikxef il-​metodi li jużaw l-​apostati billi jgħid li huma “jdaħħlu firdiet li jġibu l-​qerda,” jew idaħħlu baxx baxx setet qerrieda. (2 Pietru 2:1, 3) L-​istess bħalma l-​ħalliel fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​maqjel tan-​nagħaġ ma jidħolx “mill-​bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra,” l-​istess jagħmlu l-​apostati li jersqu lejna b’modi qarrieqa. (Galatin 2:4; Ġuda 4) X’inhi l-​intenzjoni tagħhom? Pietru jżid: “Jagħmlu negozju minn fuqkom.” Tabilħaqq, jgħidu x’jgħidu l-​apostati biex jiġġustifikaw ruħhom, il-​mira vera taʼ dawn id-​deffiesa hi li ‘jisirqu u joqtlu u jeqirdu.’ (Ġwanni 10:10) Oqgħod attent minn dawn il-​barranin!

12. (a) Is-​sħubija tagħna kif tistaʼ twassalna biex nisimgħu leħen barrani? (b) Liema xebh hemm bejn it-​tattiċi taʼ Satana u dawk tal-​barranin illum?

12 Sħubija taʼ ħsara. Il-​leħen barrani jistaʼ jiġi mingħand dawk li nissieħbu magħhom. Is-​sħubija taʼ ħsara hi speċjalment perikoluża għaż-​żgħażagħ. (1 Korintin 15:33) Ftakar li Satana mmira lejn Eva—l-​iżgħar waħda u l-​inqas li kellha esperjenza mill-​ewwel koppja umana. Hu kkonvinċieha li Jehovah illimita żżejjed il-​libertà tagħha, meta fil-​fatt kien il-​kontra. Jehovah ħabb il-​ħolqien uman tiegħu u ħa ħsieb il-​benesseri tiegħu. (Isaija 48:17) Bl-​istess mod illum, il-​barranin jipprovaw jipperswadu lilkom iż-​żgħażagħ li l-​ġenituri Kristjani tagħkom jillimitaw iżżejjed il-​libertà tagħkom. Kif jistgħu jeffettwawkom dawn il-​barranin? Waħda tfajla Kristjana tammetti: “Għal xi żmien sħabi tal-​klassi dgħajfuli l-​fidi tiegħi sa ċertu punt. Huma kienu dejjem jgħiduli li r-​reliġjon tiegħi kienet tagħmilli wisq limiti u li ma kinitx raġunevoli.” Però, il-​verità hi li l-​ġenituri tagħkom iħobbukom. Allura meta sħabkom tal-​klassi jipprovaw jipperswadukom biex ma tafdawx lill-​ġenituri tagħkom, titqarrqux bħalma ġralha Eva.

13. David liema triq għaqlija qabad, u liema hu mod wieħed kif nistgħu nimitawh?

13 Rigward is-​sħubija taʼ ħsara, is-​salmista David kiteb: “Ma qgħadtx man-​nies giddieba, ma sseħibtx maʼ nies qarrieqa.” (Salm 26:4) Għal darb’oħra, innotajt x’inhi d-​drawwa li hi karatteristika tal-​barranin? Huma jaħbu min huma verament—l-​istess bħalma Satana ħeba l-​identità tiegħu billi uża serp. Illum, xi nies immorali jaħbu l-​identità u l-​intenzjonijiet veri tagħhom billi jużaw l-​Internet. Fiċ-​chat rooms, adulti perversi jistgħu jagħmluha taʼ żgħażagħ sabiex iħajrukom tidħlu f’nassa. Żgħażagħ, jekk jogħġobkom, oqogħdu attenti ħafna li ma ssofrux ħsara spiritwali.—Salm 119:101; Proverbji 22:3.

14. Kultant, il-​mezzi tax-​xandir kif jippubblikaw il-​leħen barrani?

14 Akkużi foloz. Għalkemm xi rapporti taʼ l-​aħbarijiet fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah ikunu imparzjali, kultant il-​mezzi tax-​xandir jippermettu li jintużaw biex ixandru l-​leħen preġudikat tal-​barranin. Per eżempju, f’pajjiż wieħed rapport fl-​aħbarijiet għamel l-​istqarrija falza li x-​Xhieda appoġġaw lir-​reġim taʼ Hitler matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. F’rapport ieħor, ix-​Xhieda ġew akkużati li għamlu għemejjel taʼ vandaliżmu fil-​knejjes. F’diversi pajjiżi, il-​mezzi tax-​xandir akkużaw lix-​Xhieda li rrifjutaw li jagħtu kura medika lil uliedhom u li minn jeddhom injoraw dnubiet serji li wettqu sħabhom fit-​twemmin. (Mattew 10:22) Saħansitra meta jseħħ dan, in-​nies sinċieri li jafuna personalment jindunaw li dawn l-​akkużi huma foloz.

15. Għala m’huwiex għaqli li nemmnu kulma jiġi preżentat fil-​mezzi tax-​xandir?

15 X’għandna nagħmlu jekk niffaċċjaw akkużi li jkun xerred dan il-​leħen barrani? Nagħmlu tajjeb li nagħtu kas il-​parir fi Proverbji 14:15: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” M’huwiex għaqli li nemmnu kulma jiġi preżentat bħala verità fil-​mezzi tax-​xandir. Waqt li aħna żgur ma niddubitawx l-​informazzjoni sekulari kollha, madankollu nagħrfu li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19.

“Għarblu l-​Espressjonijiet Imnebbħin”

16. (a) L-​imġiba tan-​nagħaġ letterali kif turi kemm hu minnu l-​kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwanni 10:4? (b) Il-​Bibbja xi tħeġġiġna nagħmlu?

16 Imma kif nistgħu nkunu ċerti jekk aħniex qed niffaċċjaw ħabib jew għadu? Ġesù jgħid li n-​nagħaġ isegwu r-​ragħaj “għax jagħrfu leħnu.” (Ġwanni 10:4, Saydon) Hu l-​leħen tar-​ragħaj letterali li jqanqal lin-​nagħaġ biex isegwuh, mhux id-​dehra nfisha. Ktieb dwar l-​artijiet tal-​Bibbja jgħid li wieħed li kien qed iżurhom darba saħaq li n-​nagħaġ jagħrfu r-​ragħaj tagħhom minn ħwejġu, mhux minn leħnu. Wieħed ragħaj wieġeb li kien leħnu li huma jagħrfu. Biex juri li dan hu minnu, hu bidel ħwejġu mal-​barrani. Il-​barrani, liebes il-​ħwejjeġ tar-​ragħaj, sejjaħ lin-​nagħaġ imma huma ma wiġbux. Ma kinux jafuh leħnu. Madankollu, malli sejħilhom ir-​ragħaj, għalkemm kien liebes differenti, in-​nagħaġ ġrew lejh mill-​ewwel. Għalhekk, xi ħadd għandu mnejn jidher bħala li hu ragħaj, imma għan-​nagħaġ, dan ma jfissirx li hu verament ragħaj. Fil-​fatt, in-​nagħaġ jeżaminaw leħen dak li jsejħilhom, u jqabbluh maʼ leħen ir-​ragħaj tagħhom. Il-​Kelma t’Alla tgħidilna nagħmlu l-​istess—“għarblu l-​espressjonijiet imnebbħin biex taraw jekk joriġinawx minn Alla.” (1 Ġwanni 4:1, NW; 2 Timotju 1:13) X’se jgħinna nagħmlu dan?

17. (a) Kif insiru familjari maʼ leħen Jehovah? (b) L-​għarfien dwar Jehovah x’jgħinna nagħmlu?

17 Nistgħu nifhmu li iktar ma nkunu nafu leħen Jehovah, jew il-​messaġġ tiegħu, iktar se nindunaw bil-​leħen barrani. Il-​Bibbja turina kif nistgħu niżviluppaw għarfien bħal dan. Din tgħid: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-​triq; għaddi minnha.’” (Isaija 30:21) Dan il-​“kliem” minn warajna jiġi mill-​Kelma t’Alla. Kulmeta naqraw il-​Kelma t’Alla jkun bħallikieku qed nisimgħu leħen ir-​Ragħaj il-​Kbir tagħna, Jehovah. (Salm 23:1) Għalhekk, iktar ma nistudjaw il-​Bibbja, iktar se nsiru familjari maʼ leħen Alla. Dan l-​għarfien intimu mill-​banda l-​oħra se jgħinna nindunaw mill-​ewwel bil-​leħen barrani.—Galatin 1:8.

18. (a) X’jinvolvi li nkunu nafu leħen Jehovah? (b) Skond Mattew 17:5, għala għandna nobdu leħen Ġesù?

18 X’jinvolvi iktar li nkunu nafu leħen Jehovah? Minbarra li nisimgħuh, jinvolvi wkoll li nobduh. Erġaʼ innota x’jgħid Isaija 30:21. Il-​Kelma t’Alla tiddikjara: “Din hi t-​triq.” Iva, permezz taʼ studju tal-​Bibbja, aħna nisimgħu d-​direzzjonijiet taʼ Jehovah. Imbagħad hu jikkmanda: “Għaddi minnha.” Jehovah iridna naġixxu fuq dak li nisimgħu. Għalhekk, billi napplikaw dak li nitgħallmu, aħna nuru li mhux sempliċement smajna leħen Jehovah imma wkoll tajna widen. (Dewteronomju 28:1) Biex nobdu leħen Jehovah irridu wkoll nobdu leħen Ġesù, għaliex Jehovah stess qalilna nagħmlu dan. (Mattew 17:5) Ir-​Ragħaj it-​Tajjeb, Ġesù, x’jgħidilna nagħmlu? Hu jgħallimna nagħmlu dixxipli u nafdaw fl-​“ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW; 28:18-20) Jekk nobdu leħnu se ngawdu l-​ħajja taʼ dejjem.—Atti 3:23.

“Jaħarbu Minnu”

19. Kif għandna nirreaġixxu għal-​leħen barrani?

19 Allura kif għandna nirreaġixxu għal-​leħen barrani? Bil-​mod kif iwieġbu n-​nagħaġ. Ġesù jgħid: “Wara wieħed barrani [“żgur ma jmorrux,” NW], anzi jaħarbu minnu.” (Ġwanni 10:5) Ir-​reazzjoni tagħna hija doppja. L-​ewwel, aħna ‘żgur ma mmorrux’ wara barrani. Iva, aħna niċħdu barrani għalkollox. Fil-​fatt, fil-​Grieg li jintuża fil-​Bibbja, il-​kelma “żgur” tittraduċi l-​iktar kliem qawwi li jistaʼ jintuża f’dik il-​lingwa biex juri ċaħda taʼ xi ħaġa. (Mattew 24:35; Lhud 13:5) It-​tieni, aħna se ‘naħarbu minnu,’ jew nitbiegħdu minnu. Dan hu l-​uniku mod xieraq kif għandna nirreaġixxu lejn dawk li t-​tagħlim tagħhom m’huwiex fi qbil maʼ leħen ir-​Ragħaj it-​Tajjeb.

20. Kif se nirreaġixxu meta niffaċċjaw (a) apostati qarrieqa, (b) sħubija taʼ ħsara, (ċ) rapporti preġudikati fuq il-​mezzi tax-​xandir?

20 Għalhekk, meta niffaċċjaw lil dawk li jesprimu ideat apostati, irridu nagħmlu dak li tgħid il-​Kelma t’Alla: “[Oqogħdu] attenti minn dawk li jġibu l-​firda u t-​tfixkil kontra t-​tagħlim li intom tgħallimtu, u żommu ’l bogħod minnhom.” (Rumani 16:17, korsiv tagħna; Titu 3:10) Bl-​istess mod, iż-​żgħażagħ Kristjani li jiffaċċjaw il-​perikli taʼ sħubija taʼ ħsara jridu japplikaw il-​parir li Pawlu ta liż-​żagħżugħ Timotju: “Aħrab il-​ġibdiet taż-​żgħożija.” U meta niffaċċjaw akkużi foloz fil-​mezzi tax-​xandir, se niftakru l-​parir li Pawlu kompla jagħti lil Timotju: “[Dawk li jisimgħu l-​leħen barrani] jiġġerrew wara l-​ħrejjef. Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa.” (2 Timotju 2:22; 4:3-5, korsiv tagħna.) Minkejja kemm jistaʼ jinstemaʼ sabiħ il-​leħen barrani, aħna naħarbu minn dak kollu li jistaʼ jdgħajjef il-​fidi tagħna.—Salm 26:5; Proverbji 7:5, 21; Apokalissi 18:2, 4.

21. Liema premju hemm lest għal dawk li jiċħdu l-​leħen barrani?

21 Billi jiċħdu l-​leħen barrani, il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu jwieġbu għall-​kliem tarRagħaj it-​Tajjeb li hemm f’Luqa 12:32. Hemmhekk Ġesù jgħidilhom: “Le merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-​Saltna!” Bl-​istess mod, in-​“nagħaġ oħra” jistennew bil-​ħerqa biex jisimgħu l-​kliem taʼ Ġesù: “Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-​Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-​ħolqien tad-​dinja.” (Ġwanni 10:16; Mattew 25:34) Xi premju li jqawwi l-​qalb hemm lest għalina jekk niċħdu l-​“leħen barrani”!

X’Tiftakar?

• Satana b’liema mod tixraqlu d-​deskrizzjoni tal-​barrani li tissemma fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​maqjel tan-​nagħaġ?

• Il-​leħen barrani kif jinstemaʼ llum?

• Kif nistgħu nagħrfu l-​leħen barrani?

• Kif għandna nirreaġixxu għal-​leħen barrani?

[Stampa f’paġna 15]

Marija għarfet lil Kristu

[Stampa f’paġna 16]

Il-​barrani ma jmurx direttament lejn in-​nagħaġ

[Stampa f’paġna 18]

Kif nirreaġixxu għal-​leħen barrani?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja