LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 6/1 pp. 9-14
  • Ġeħova Jħares lil Dawk li Jittamaw Fih

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Jħares lil Dawk li Jittamaw Fih
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imħarsin Spiritwalment
  • Imħarsin mill-​Qalb Tajba bl-​Imħabba u l-​Verità
  • Imħarsin bl-​Għaqal, bil-​Fehma, u bl-​Għerf
  • Il-​Periklu li Nsiru Moħħna Fina Nfusna
  • Benefiċċji li Jiġu Milli Nħobbu l-Kelma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ġeħova Jħarisna Biex Insalvaw
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Ħares lil Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Int kif tistaʼ tgħasses lil qalbek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 6/1 pp. 9-14

Ġeħova Jħares lil Dawk li Jittamaw Fih

“It-​tjieba u l-​fedeltà tiegħek iħarsuni għal dejjem.” —SALM 40:12 (40:​11, NW).

1. Is-​Sultan David x’talbu lil Ġeħova, u din it-​talba kif qed tiġi milqugħa bħalissa?

IS-​SULTAN DAVID taʼ Iżrael tal-​qedem ‘ittama b’tama qawwija fil-​Mulej’ u tqanqal biex jgħid li Ġeħova ‘niżel ħdejh u samaʼ l-​għajta tiegħu.’ (Salm 40:2 [40:​1, NW]) Darba wara l-​oħra ra b’għajnejh stess kif Ġeħova ħares lil dawk li ħabbewh. Għalhekk, David setaʼ jitlob biex dejjem ikun imħares minn Ġeħova. (Salm 40:12 [40:​11, NW]) Peress li David hu kunsidrat bħala wieħed minn dawk l-​uħud leali li huma mwegħdin “irxoxt aħjar,” bħalissa hu jinsab fis-​sigurtà fil-​memorja taʼ Ġeħova bħala wieħed li se jirċievi l-​premju. (Ebrej 11:​32-35) Għalhekk, il-​futur tiegħu hu żgurat bl-​aħjar mod possibbli. Ismu huwa mniżżel fi “ktieb it-​tifkiriet” li għandu Ġeħova.—Malakija 3:16.

2. L-​Iskrittura kif tgħinna nifhmu xi jfisser il-​fatt li niġu mħarsin minn Ġeħova?

2 Għalkemm l-​uħud leali msemmijin f’Ebrej kapitlu 11 għexu qabel ma Ġesù Kristu ġie fuq l-​art, huma xorta waħda għexu fi qbil maʼ dak li għallem Ġesù meta qal: “Min jgħożż lil ruħu jeqridha, imma min jobgħod lil ruħu f’din id-​dinja jħarisha għall-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 12:25) Għalhekk, jidher ċar li l-​fatt li niġu mħarsin minn Ġeħova ma jfissirx li nkunu ħielsa mit-​tbatija jew mill-​persekuzzjoni. Dan ifisser li dak li jkun ikollu ħarsien b’mod spiritwali sabiex inkunu nistgħu nibqgħu approvati quddiem Alla.

3. Liema evidenza għandna li Kristu Ġesù ġie mħares minn Ġeħova, u x’kien ir-​riżultat?

3 Ġesù stess għadda minn persekuzzjoni u ċanfir kiefer, u l-​għedewwa tiegħu finalment irnexxielhom jgħadduh mill-​iktar mewta t’għajb u taʼ wġigħ. Però, dan ma jmurx kontra l-​wegħda t’Alla li kien se jħares lill-​Messija. (Isaija 42:​1-6) L-​irxoxt taʼ Ġesù fit-​tielet jum, wara l-​mewta t’għajb li għadda minnha, jagħti prova li Ġeħova semaʼ l-​għajta tiegħu għall-​għajnuna—l-​istess bħalma Ġeħova semaʼ taʼ David. Bi tweġiba, Ġeħova ta s-​saħħa lil Ġesù biex iżomm l-​integrità. (Mattew 26:39) Imħares b’dan il-​mod, Ġesù kiseb l-​immortalità fis-​smewwiet, u miljuni taʼ bnedmin li eżerċitaw fidi fil-​fidwa għandhom il-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.

4. Liema assiguranza tingħata lill-​Kristjani midlukin u lin-​“nagħaġ oħrajn”?

4 Bl-​istess mod, nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova jixtieq u jistaʼ jħares lill-​qaddejja tiegħu issa bħalma għamel fi żmien David u Ġesù. (Ġakbu 1:17) Il-​fdal relattivament ċkejken t’aħwa midlukin taʼ Ġesù li għadhom fuq l-​art jistgħu jistrieħu fuq il-​wegħda taʼ Ġeħova: “Wirt li ma jitħassarx u ma jitniġġisx u ma jispiċċax . . . hu merfugħ fis-​smewwiet għalikom, li qed tiġu mħarsin bil-​qawwa t’Alla permezz tal-​fidi għal salvazzjoni li hi lesta biex tiġi rivelata fl-​aħħar perijodu taʼ żmien.” (1 Pietru 1:​4, 5) In-​“nagħaġ oħrajn,” li għandhom it-​tama għall-​art, jistgħu bl-​istess mod jafdaw f’Alla u fil-​wegħda tiegħu permezz tas-​salmista: “Ħobbu l-​Mulej, ħbieb tiegħu kollha. Lit-​twajbin iħarishom il-​Mulej.”—Ġwanni 10:16; Salm 31:24 (31:​23, NW).

Imħarsin Spiritwalment

5, 6. (a) In-nies t’Alla kif ġew imħarsin fi żminijiet moderni? (b) Liema relazzjoni għandhom il-​midlukin maʼ Ġeħova, u xi ngħidu għal dawk bit-​tama għall-​art?

5 Fi żminijiet moderni, Ġeħova għamel provvedimenti biex iħares lill-​poplu tiegħu b’mod spiritwali. Waqt li ma pproteġihomx mill-​persekuzzjoni jew mid-​diffikultajiet u t-​traġedji komuni tal-​ħajja, hu lealment tahom l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment biex iħarsu r-​relazzjoni intima tagħhom miegħu. Il-​bażi li fuqha bnew din ir-​relazzjoni hi l-​fidi tagħhom fil-​provvediment tal-​fidwa li Alla tana bi mħabba. Xi wħud minn dawn il-​Kristjani leali ġew midlukin bl-​ispirtu t’Alla biex isiru ħakkiema sħab maʼ Kristu fis-​sema. Huma ġew dikjarati ġusti bħala wlied spiritwali t’Alla, u għalihom japplika dan il-​kliem: “Hu ħelisna mill-​awtorità tad-​dlam u daħħalna fis-​saltna taʼ l-​Iben taʼ mħabbtu, li permezz tiegħu għandna l-​ħelsien tagħna bil-​fidwa, il-​maħfra taʼ dnubietna.”—Kolossin 1:​13, 14.

6 Miljuni taʼ Kristjani leali oħra huma żgurati li huma wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-​provvediment t’Alla tal-​fidwa. Naqraw: “Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Marku 10:45) Dawn il-​Kristjani jħarsu ’l quddiem biex igawdu fi żmienha “l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Sadanittant, huma jgħożżu l-​ħbiberija persunali tagħhom m’Alla u bis-​sinċerità kollha jistinkaw ħalli jsaħħu din ir-​relazzjoni.

7. Illum, Ġeħova b’liema mod jieħu ħsieb is-​saħħa spiritwali tal-​poplu tiegħu?

7 Mod wieħed kif Ġeħova jħares is-​saħħa spiritwali tal-​poplu tiegħu hu billi jipprovdilhom programm taʼ taħriġ progressiv. Dan jippermettilhom li jkollhom għarfien saħansitra iktar eżatt tal-​verità. Ġeħova jipprovdi wkoll gwida kontinwa permezz tal-​Kelma tiegħu, l-​organizzazzjoni tiegħu, u l-​ispirtu qaddis tiegħu. Bid-​direzzjoni taʼ l-​“ilsir leali u għaqli,” il-​poplu t’Alla madwar id-​dinja hu bħal familja internazzjonali. Il-​klassi taʼ l-​ilsir tieħu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali u meta jkun hemm bżonn anki l-​bżonnijiet fiżiċi tal-​familja tal-​qaddejja taʼ Ġeħova—minkejja n-​nazzjonalità jew il-​pożizzjoni soċjali tagħhom.—Mattew 24:45.

8. Liema fiduċja għandu Ġeħova fl-​uħud leali tiegħu, u dan minn xiex jiżgurahom?

8 L-​istess bħalma Ġeħova ma pproteġiex fiżikament lil Ġesù mill-​attakki ħorox taʼ l-​għedewwa tiegħu, illum Hu ma jħarisx lill-​Kristjani b’dan il-​mod. Imma dan ma jfissirx li Alla mhux kuntent bihom. ’Il bogħod minn hekk! Minflok, dan jenfasizza l-​fiduċja tiegħu fihom li huma se jappoġġawh fil-​kwistjoni universali l-​kbira. (Ġob 1:​8-12; Proverbji 27:11) Ġeħova qatt m’hu se jinsa lil dawk li huma leali lejh, “għax il-​Mulej iħobb is-​sewwa, u ma jitlaqx it-​twajbin tiegħu; hu jħarishom għal dejjem.”—Salm 37:28.

Imħarsin mill-​Qalb Tajba bl-​Imħabba u l-​Verità

9, 10. (a) Il-verità taʼ Ġeħova kif tħares lill-​poplu tiegħu? (b) Il-​Bibbja kif turi li Ġeħova jħares lill-​uħud leali tiegħu permezz tal-​qalb tajba bl-​imħabba li għandu?

9 Fit-​talba tiegħu mniżżla f’Salm 40, David talab lil Ġeħova biex iħarsu bil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità. Il-​verità taʼ Ġeħova u l-​imħabba tiegħu għall-​ġustizzja jeħtieġu li hu juri biċ-​ċar x’inhuma l-​livelli tiegħu. Dawk li jgħixu b’dawn il-​livelli jiġu mħarsin bil-​kbir mill-​inkwiet, il-​biżaʼ, u l-​problemi li jgħaddu minnhom dawk li jinjorawhom. Per eżempju, nistgħu nipproteġu ruħna u lill-​maħbubin tagħna minn ħafna problemi taʼ qsim il-​qalb jekk nevitaw l-​abbuż tad-​droga u l-​alkoħol, it-​taħlit sesswali, u stil taʼ ħajja vjolenti. U anki dawk li jiżvijaw mit-​triq tal-​verità taʼ Ġeħova—bħalma ġieli għamel David—huma żgurati li Alla għadu “kenn” għal dawk li jindmu mill-​ħażen tagħhom. Dawn l-​uħud jistgħu jgħajtu bil-​ferħ: “Mit-​taħbit tħarisni.” (Salm 32:7) X’turija tal-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla!

10 Eżempju ieħor tal-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla hu li hu jwissi lill-​qaddejja tiegħu biex jibqgħu separati mid-​dinja ħażina li hu dalwaqt se jeqred. Naqraw: “Tħobbux id-​dinja u lanqas dak li hemm fid-​dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier mhix fih; għax kulma hemm fid-​dinja—ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja—ma joriġinax mill-​Missier, imma mid-​dinja.” Jekk nagħtu kas din it-​twissija u naġixxu fi qbil magħha, nistgħu letteralment inħarsu ħajjitna għall-​eternità kollha, għaliex il-​kuntest ikompli jgħid: “Iktar minn hekk, id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:​15-17.

Imħarsin bl-​Għaqal, bil-​Fehma, u bl-​Għerf

11, 12. Spjega kif l-​għaqal, il-​fehma, u l-​għerf jistgħu jħarsuna.

11 Għal dawk li jixtiequ jiksbu l-​approvazzjoni t’Alla, Salamun bin David ġie ispirat biex jikteb: “L-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek.” Hu ħeġġeġ ukoll: “Ikseb l-​għerf . . . Twarrbux minnek, u hu jżommok, ħobbu, u hu jieqaf miegħek.”—Proverbji 2:11; 4:​5, 6.

12 Aħna nużaw l-​għaqal, jew l-​abbiltà tal-​ħsieb, jekk nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu mill-​Kelma t’Alla. Jekk nagħmlu hekk se niġu megħjunin niżviluppaw fehma akbar sabiex inkunu nistgħu nagħmlu prijoritajiet kif jixraq. Dan hu vitali, ladarba ħafna minna nafu—mill-​esperjenza persunali tagħna—li l-​problemi jinqalgħu meta n-​nies ma jagħmlux prijoritajiet għaqlin kemm jekk apposta u kemm jekk le. Id-​dinja taʼ Satana tagħmlilna miri għal rikkezzi materjali, prominenza, u poter, waqt li Ġeħova jħeġġiġna niffokaw fuq il-​valuri spiritwali li huma bil-​wisq iktar importanti. Jekk ma tingħatax prijorità lil affarijiet spiritwali, dan jistaʼ jwassal biex il-​familji jinqasmu, il-​ħbiberiji jisfaxxaw, u l-​miri spiritwali jisparixxu. Bħala riżultat, l-​individwu jistaʼ jsib ruħu sempliċement fir-​realtà taʼ niket li nsibu fil-​kliem taʼ Ġesù: “X’jiswielu bniedem jekk jikseb id-​dinja kollha u jitlef ruħu?” (Marku 8:36) L-​għerf jitlob li nagħtu kas il-​parir taʼ Ġesù: “Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—Mattew 6:33.

Il-​Periklu li Nsiru Moħħna Fina Nfusna

13, 14. Xi jfisser li tkun moħħok fik innifsek, u għala m’huwiex għaqli li ssir hekk?

13 Il-​bnedmin huma magħmulin jaħsbu fihom infushom. Però, meta x-​xewqat u l-​interessi persunali jsiru l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja, jirriżultaw il-​problemi. Għalhekk, biex inħarsu r-​relazzjoni tagħna miegħu, Ġeħova jgħallimna kif nevitaw li nkunu moħħna fina nfusna. Dan it-​terminu jfisser li tkun “moħħok biss fix-​xewqat, il-​bżonnijiet, jew l-​interessi tiegħek stess.” M’huwiex dan definizzjoni taʼ kif inhuma ħafna min-​nies illum? B’mod sinifikanti, il-​Bibbja tbassar li “fl-​aħħar jiem” tas-​sistema ħażina taʼ Satana, “in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom,” jew ikunu moħħhom fihom infushom.—2 Timotju 3:​1, 2.

14 Il-​Kristjani jifhmu kemm hu għaqli li josservaw il-​kmand tal-​Bibbja biex jieħdu interess fl-​oħrajn, iħobbuhom daqskemm iħobbu lilhom infushom. (Luqa 10:27; Filippin 2:4) In-​nies in ġenerali jistgħu jaraw din il-​ħarsa bħala li m’hijiex prattika, però hija vitali jekk irridu ngawdu żwiġijiet li jirnexxu, relazzjonijiet tal-​familja henjin, u ħbiberiji sodisfaċenti. Għalhekk, qaddej veru taʼ Ġeħova qatt m’għandu jħalli l-​interess naturali fih innifsu jaħkimlu ħajtu biex jispiċċa jħalli barra interessi li huma iktar importanti. L-​ewwel u qabel kollox, dan ifisser l-​interessi taʼ Ġeħova, l-​Alla li lilu jqim.

15, 16. (a) Fiex tistaʼ twassal l-​attitudni li nkunu moħħna fina nfusna, u liema eżempji għandna taʼ dan? (b) Fir-​realtà, individwu xi jkun qed jagħmel meta jkun ħafif biex jiġġudika lil ħaddieħor?

15 Jekk individwu jkun moħħu fih innifsu jistaʼ jibda jħossu superjuri għal ħaddieħor, u dan jistaʼ jwasslu biex ikollu moħħu magħluq, jew prużuntuż. B’mod xieraq il-​Bibbja tgħid: “O bniedem, jekk tiġġudika m’għandek ebda skuża, int min int; għax meta tiġġudika lil ħaddieħor tkun qed tikkundanna lilek innifsek, għax waqt li qed tiġġudika qed tipprattika l-​istess affarijiet.” (Rumani 2:1; 14:​4, 10) Il-​mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù tant kienu konvinti li huma tajbin li ħassewhom kwalifikati biex jikkritikaw lil Ġesù u lis-​segwaċi tiegħu. Minħabba li għamlu hekk, huma għamlu lilhom infushom imħallfin. Minħabba li kienu għomja għad-​dgħjufijiet tagħhom stess, huma fil-​fatt ġabu l-​kundanna fuqhom infushom.

16 Ġuda, is-​segwaċi taʼ Ġesù li ttradieh, ħalla lilu nnifsu jsir individwu li jiġġudika lil ħaddieħor. Fl-​okkażjoni f’Betanja meta Marija, oħt Lazzru, dilket lil Ġesù biż-​żejt imfewwaħ, Ġuda oġġezzjona bil-​kbir. Bi stmerrija hu wera l-​għadab tiegħu billi ħaqqaqha: “Dan iż-​żejt ifuħ għala ma nbiegħx għal tliet mitt dinar u ngħata lill-​foqra?” Imma r-​rakkont ikompli jispjega: “Iżda qal dan mhux għax kien jimpurtah mill-​foqra, imma għax kien ħalliel u, billi kellu l-​kaxxa tal-​flus, kien jieħu l-​flus li kienu jintefgħu fiha.” (Ġwanni 12:​1-6) Jalla qatt ma nsiru bħal Ġuda jew il-​ħakkiema reliġjużi, li kienu ħfief biex jiġġudikaw lil oħrajn, biex b’hekk spiċċaw jikkundannaw lilhom infushom.

17. Uri kif jistaʼ jkun hemm periklu moħbi meta individwu jkun minfuħ bih innifsu jew ikollu kunfidenza żejda fih innifsu.

17 B’dispjaċir, xi Kristjani tal-​bidu, waqt li ma kinux ħallelin bħal Ġuda, spiċċaw fin-​nassa tal-​kburija u saru minfuħin bihom infushom. Dwarhom, Ġakbu kiteb: “Titkabbru bil-​ftaħir bikom infuskom.” Imbagħad hu żied: “Din il-​kburija kollha hi tassew ħażina.” (Ġakbu 4:16) Jekk noqogħdu niftaħru b’dak li nkunu għamilna jew bil-​privileġġi tagħna fis-​servizz taʼ Ġeħova nagħmlu ħsara lilna nfusna. (Proverbji 14:16) Aħna niftakru xi ġralu l-​appostlu Pietru, li f’mument taʼ kunfidenza żejda fih innifsu ftaħar: “Għalkemm l-​oħrajn kollha jitfixklu minħabba dak li se tgħaddi minnu, jien m’iniex se nitfixkel! . . . Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur ma niċħdikx.” Fir-​realtà, m’għandna xejn għal xiex niftaħru dwarna nfusna. Kulma ngawdu huwa biss minħabba l-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova. Il-​fatt li nżommu dan f’moħħna se jgħinna ma nkunux minfuħin bina nfusna.—Mattew 26:​33-35, 69-75.

18. Ġeħova kif iħossu dwar il-​kburija?

18 Jintqalilna: “Qabel il-​qerda tiġi l-​kburija, u qabel il-​waqgħa t-​tkabbir.” Għala? Ġeħova jwieġeb: “Kburija, ksuħat . . . jien nobgħodhom.” (Proverbji 8:13; 16:18) Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova kien irrabjat għall-​“kburija taʼ qalb is-​sultan taʼ l-​Assirja u l-​ħarsa mżarġna tar-​refgħa taʼ għajnejh”! (Isaija 10:12) Ġeħova talab kont minnu. Dalwaqt id-​dinja kollha taʼ Satana, flimkien mal-​ħakkiema kburin u minfuħin bihom infushom li fiha, kemm jekk jidhru jew ma jidhrux, se jkollhom jagħtu kont ukoll. Jalla qatt ma nirriflettu l-​attitudni li għandhom l-​għedewwa taʼ Ġeħova li jagħmlu li tgħidilhom rashom!

19. B’liema mod huma n-​nies t’Alla kburin u fl-​istess waqt umli?

19 Il-​Kristjani veri għandhom kull raġun iħossuhom kburin li huma qaddejja taʼ Ġeħova. (Ġeremija 9:23 [9:​24, NW]) Fl-​istess waqt, huma għandhom kull raġuni jibqgħu umli. Għala? Għaliex “kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) Allura, biex inħarsu r-​reputazzjoni tagħna bħala qaddejja taʼ Ġeħova, irid ikollna l-​attitudni taʼ l-​appostlu Pawlu, li qal li “Kristu Ġesù ġie fid-​dinja biex isalva lill-​midinbin,” u mbagħad żied: “Fosthom jien l-​iktar li nispikka.”—1 Timotju 1:15.

20. Ġeħova kif jħares lin-​nies tiegħu issa, u kif se jħarishom fil-​futur?

20 Ladarba n-​nies taʼ Ġeħova minn jeddhom iwarrbu l-​interessi persunali sabiex ipoġġu l-​interessi t’Alla l-​ewwel, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkompli jħarishom spiritwalment. Nistgħu wkoll inkunu ċerti li meta tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira, Ġeħova se jħares lill-​poplu tiegħu mhux biss spiritwalment imma wkoll fiżikament. Malli jidħlu fid-​dinja l-​ġdida, huma se jkunu jistgħu jgħajtu: “Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu l-​Mulej li fih ittamajna: nifirħu u nithennew bis-​salvazzjoni tiegħu.”—Isaija 25:9.

Tiftakar Int?

• Is-​Sultan David u Ġesù Kristu kif ġew imħarsin?

• In-​nies taʼ Ġeħova kif inhuma mħarsin illum?

• Għala għandna nevitaw li nagħtu importanza żejda lilna nfusna?

• Għala nistgħu nkunu kburin imma fl-​istess ħin umli?

[Stampi f’paġna 9]

Ġeħova kif ħares lil David u lil Ġesù?

[Stampi f’paġna 11]

In-​nies t’Alla b’liema modi huma mħarsin spiritwalment illum?

[Stampi f’paġna 12]

Għalkemm aħna kburin li qed naqdu lil Ġeħova, aħna dejjem irridu nibqgħu umlin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja