KAPITLU 6
L-Għalliem il-Kbir Qeda lil Nies Oħrajn
TIEĦU pjaċir meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa sabiħa għalik?— Nies oħra wkoll jieħdu pjaċir meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa sabiħa għalihom. Aħna kollha nieħdu pjaċir. L-Għalliem il-Kbir kien jafu dan, u kien dejjem jagħmel affarijiet għal nies oħra. Hu qal: ‘Ma ġejtx biex ħaddieħor jaqdi lili imma biex jien naqdi lil ħaddieħor.’—Mattew 20:28.
Fuqiex kienu qed jiġġieldu d-dixxipli taʼ Ġesù?
Mela jekk irridu nkunu bħall-Għalliem il-Kbir, xi rridu nagħmlu?— Irridu naqdu lil oħrajn. Irridu nagħmlulhom affarijiet sbieħ. Veru li ħafna nies ma jagħmlux hekk. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira min-nies ikunu jridu li ħaddieħor jaqdihom. Xi darba anki d-dixxipli taʼ Ġesù kienu jaħsbu hekk. Kull wieħed minnhom ried ikun l-akbar jew l-iktar importanti.
Darba waħda Ġesù kien miexi mad-dixxipli tiegħu. Meta waslu fil-belt taʼ Kafarnahum, ħdejn il-Baħar tal-Galilija, daħlu kollha ġo dar. Hemmhekk Ġesù staqsiehom: ‘Fuqiex kontu qed tiġġieldu fit-triq?’ Huma ma qalu xejn għax fit-triq kienu qagħdu jiġġieldu dwar min kien l-akbar.—Marku 9:33, 34.
Ġesù kien jaf li ħadd mid-dixxipli tiegħu ma kellu jaħseb li kien l-akbar wieħed. Allura, kif tgħallimna fl-ewwel kapitlu taʼ dan il-ktieb, hu ħa lil tifel żgħir u ġabu f’nofshom u qalilhom li kellhom ikunu umlin bħal dak it-tifel. Imma xorta ma tgħallmux. Allura ftit qabel ma miet, Ġesù għallimhom xi ħaġa li qatt ma kienu se jinsewha. X’għamel?—
Mela, waqt li kienu qed jieklu kollha flimkien, Ġesù qam minn mal-mejda u neżaʼ l-mantar. Ħa xugaman u dawru maʼ qaddu. Imbagħad qabad friskatur u mlieh bl-ilma. Id-dixxipli tiegħu żgur li bdew jistaqsu f’qalbhom x’kien se jagħmel. Huma baqgħu jħarsu lejn Ġesù waqt li hu mar ħdejn kull wieħed minnhom, tbaxxa, u ħaslilhom saqajhom. Imbagħad ixxottalhom saqajhom bix-xugaman. Tistaʼ timmaġina? Kif kont tħossok kieku kont hemmhekk?—
Ġesù liema lezzjoni kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu?
Id-dixxipli ħassew li ma kienx tajjeb li l-Għalliem il-Kbir jaqdihom b’dan il-mod. Bdew jistħu. Fil-fatt, Pietru ma kienx se jħalli lil Ġesù jagħmillu din il-ħaġa daqshekk umli. Imma Ġesù qal li kien importanti li jagħmilha.
Aħna llum m’aħniex imdorrijin naħslu saqajn xulxin. Imma meta Ġesù kien fuq l-art in-nies hekk kienu jagħmlu. Taf għala?— Fil-pajjiż fejn kienu joqogħdu Ġesù u d-dixxipli tiegħu, in-nies kienu jilbsu s-sandli bla kalzetti. Allura meta kienu jimxu fit-toroq mimlijin trab, saqajhom kienu jimtlew bit-trab ukoll. Meta kien jiġi xi ħadd id-dar tiegħek, int kont tkun qalbek tajba jekk taħsillu saqajh mit-trab.
Imma din id-darba lanqas dixxiplu wieħed taʼ Ġesù m’offra biex jaħsel saqajn l-oħrajn. Allura Ġesù għamel hekk hu stess. Billi għamel hekk, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni importanti. Huma kellhom bżonn jitgħallmuha. U llum għandna bżonn nitgħallmuha aħna wkoll.
Taf x’inhi din il-lezzjoni?—Wara li Ġesù reġaʼ libes il-mantar u sab postu mal-mejda, hu spjega: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli, ‘Għalliem,’ u, ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien. Għalhekk, jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin.”—Ġwanni 13:2-14.
X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil oħrajn?
Hawnhekk l-Għalliem il-Kbir wera li ried lid-dixxipli tiegħu jaqdu lil xulxin. Ma ridhomx jaħsbu biss fihom infushom. Ma ridhomx jaħsbu li tant kienu importanti li l-oħrajn kellhom dejjem jaqduhom. Riedhom ikunu lesti li jaqdu lil oħrajn.
Ma kinitx lezzjoni tajba din?— Se tkun bħall-Għalliem il-Kbir u taqdi lil nies oħra?— Aħna kollha nistgħu nagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor u nferrħuh. Imma l-aqwa ħaġa hi li se nferrħu lil Ġesù u lil Missieru.
M’huwiex diffiċli li taqdi lil nies oħra. Jekk toqgħod tinnota, se tara li tistaʼ tagħmel ħafna affarijiet għal ħaddieħor. Aħseb ftit issa: X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil ommok? Int taf kemm tagħmel affarijiet għalik u għall-familja kollha. Tistaʼ tgħinha?— Għax ma tistaqsix lilha?
Forsi tistaʼ tlesti l-mejda qabel ma tieklu bħala familja. Jew forsi tistaʼ tnaddaf il-mejda wara li tispiċċaw mill-ikel. Xi tfal joħorġu ż-żibel barra kuljum. Hu x’inhu li tistaʼ tagħmel, se tkun qed taqdi lil oħrajn, bħalma għamel Ġesù.
Għandek ħutek iżgħar minnek li tistaʼ taqdihom? Trid tiftakar li Ġesù, l-Għalliem il-Kbir, qeda lid-dixxipli tiegħu wkoll. Billi taqdi lil ħutek iż-żgħar se tkun bħal Ġesù. X’tistaʼ tagħmel għalihom?— Forsi tistaʼ tgħinhom jitgħallmu kif jerfgħu l-ġugarelli meta jieqfu jilagħbu. Jew tistaʼ tgħinhom jilbsu. Jew forsi tistaʼ tgħinhom jagħmlu s-sodda. Tistaʼ taħseb f’xi ħaġa oħra li tistaʼ tagħmel għalihom?— Huma se jħobbuk talli tagħmel dawn l-affarijiet għalihom, bħalma d-dixxipli ħabbew lil Ġesù.
Fl-iskola wkoll tistaʼ taqdi lil nies oħra. Dawn jistgħu jkunu t-tfal tal-klassi jew l-għalliem. Jekk xi ħadd jaqgħulu l-kotba, tkun qalbek tajba jekk tgħinu jiġborhom. Tistaʼ toffri li tħassar il-blekbord jew tagħmel xi ħaġa oħra għall-għalliem. Anki jekk iżżomm il-bieb miftuħ għal xi ħadd tkun qalbek tajba.
Kultant, se nsibu li n-nies ma jgħidux grazzi għal dak li nkunu għamilna għalihom. Taħseb li minħabba dan għandna nieqfu nagħmlu affarijiet tajbin?— Le! Kien hemm ħafna nies li ma qalux grazzi lil Ġesù għall-affarijiet tajbin li għamel. Imma b’daqshekk ma waqafx jagħmel it-tajjeb.
Mela ejja qatt ma nieqfu milli naqdu lil nies oħra. Ejja niftakru fl-Għalliem il-Kbir, Ġesù, u dejjem nipprovaw nimxu wara l-eżempju tiegħu.
Għal iktar skritturi dwar li tgħin lil nies oħra, aqra Proverbji 3:27, 28; Rumani 15:1, 2; u Galatin 6:2.