Ħa “Jkollkom l-Imħabba Bejnietkom”
“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwann 13:35.
1. Ġesù liema kwalità enfasizza ftit qabel ma miet?
“ULIEDI ċ-ċkejknin.” (Ġwann 13:33, KŻ) Ġesù indirizza lill-appostli tiegħu b’din l-espressjoni tenera fil-lejla taʼ qabel mewtu. Imkien qabel fir-rakkonti taʼ l-Evanġelju ma nsibu mniżżel li Ġesù esprima ruħu b’tant mogħdrija meta kellimhom. Madankollu, f’dak il-lejl speċjali hu ġie mqanqal ikellimhom b’dan il-mod kollu affezzjoni sabiex juri l-imħabba profonda li ħass għas-segwaċi tiegħu. Fil-fatt, Ġesù tkellem dwar l-imħabba xi 30 darba dak il-lejl. Għala enfasizzaha daqshekk din il-kwalità?
2. Għala huwa importanti ħafna li l-Kristjani juru l-imħabba?
2 Ġesù spjega għala l-imħabba hija tant importanti. Hu qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35; 15:12, 17) Li tkun segwaċi taʼ Ġesù jmur id f’id maʼ li turi l-imħabba taʼ bejn l-aħwa. Il-Kristjani veri ma jiġux identifikati minn xi stil taʼ lbies mhux tas-soltu jew xi drawwiet strambi, iżda mill-imħabba tenera u kordjali li juru lejn xulxin. Din l-imħabba li tispikka hija t-tieni waħda mit-tliet ħtiġijiet prinċipali li jrid ikollu dixxiplu taʼ Ġesù u li ssemmew fil-bidu taʼ l-artiklu taʼ qabel. X’se jgħinna nkomplu nilħqu din il-ħtieġa?
‘Agħmlu Iktar minn Hekk’
3. L-appostlu Pawlu ta liema twissija dwar limħabba?
3 Din l-imħabba li tispikka tistaʼ taraha llum fid-dixxipli ġenwini taʼ Kristu, l-istess bħalma kienet tidher fis-segwaċi tiegħu taʼ l-ewwel seklu. L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu: “Fuq l-imħabba taʼ l-aħwa ma għandniex għalfejn niktbulkom; intom stess tgħallimtu mingħand Alla kif għandkom tħobbu lil xulxin. U dan intom qegħdin tagħmluh maʼ l-aħwa kollha.” Xorta waħda, Pawlu kompla jgħid: “Nħeġġukom, ħuti, li tagħmlu iktar minn hekk.” (1 Tessalonikin 3:12; 4:9, 10) Aħna wkoll irridu nagħtu kas sew it-twissija taʼ Pawlu u nagħmlu ħilitna kollha biex nuru l-imħabba lil xulxin iktar bis-sħiħ, “iktar minn hekk.”
4. Skond Pawlu u Ġesù, taʼ min għandna nagħtu kas b’mod speċjali?
4 Fl-istess ittra ispirata, l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu fit-twemmin biex ‘jagħmlu l-qalb lill-beżżiegħa [“l-erwieħ dipressi,” NW]’, u ‘jgħinu lid-dgħajfa.’ (1 Tessalonikin 5:14) F’okkażjoni oħra, hu fakkar lill-Kristjani li dawk li huma ‘sħaħ fil-fidi għandhom jgħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom.’ (Rumani 15:1) Ġesù wkoll għallem dwar kif għandna ngħinu lid-dgħajfa. Wara li bassar li fil-lejl taʼ l-arrest tiegħu Pietru kien se jabbandunah, Ġesù qal lil Pietru: “Meta terġaʼ lura għas-sewwa, wettaq [jew “saħħaħ,” NW] lil ħutek.” Għala? Għaliex huma wkoll se jkunu telqu lil Ġesù, u għalhekk kien se jkollhom bżonn l-għajnuna. (Luqa 22:32; Ġwann 21:15-17) Għalhekk, il-Kelma t’Alla tagħtina d-direzzjoni biex nuru l-imħabba tagħna lejn dawk li huma dgħajfa spiritwalment u li forsi m’għadhomx jissieħbu mal-kongregazzjoni Kristjana. (Lhud 12:12) Għala għandna nagħmlu dan? Żewġ tixbihat ħajjin li ta Ġesù jagħtuna t-tweġiba.
Nagħġa Mitlufa u Munita Mitlufa
5, 6. (a) Liema żewġ tixbihat qosra rrakkonta Ġesù? (b) Dawn it-tixbihat x’juru dwar Jehovah?
5 Biex jgħallem lis-semmiegħa tiegħu kif Jehovah iħares lejn dawk li tbiegħdu, Ġesù rrakkonta żewġ tixbihat qosra. Waħda minnhom kienet dwar ragħaj. Ġesù qal: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.’ Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn taʼ ndiema.”—Luqa 15:4-7.
6 It-tieni tixbiha kienet dwar waħda mara. Ġesù qal: “Min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li m’hijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqaʼ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha! U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.’ Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli taʼ Alla għal midneb wieħed li jindem.”—Luqa 15:8-10.
7. Liema żewġ tagħlimiet jagħtuna t-tixbihat tan-nagħġa l-mitlufa u tal-munita l-mitlufa?
7 X’nistgħu nitgħallmu minn dawn iż-żewġ tixbihat qosra? Dawn juruna (1) kif għandna nħossuna dwar dawk li ddgħajfu spiritwalment u (2) x’għandna nagħmlu biex ngħinuhom. Ejja nikkunsidraw dawn il-punti.
Mitlufa iżda Prezzjuża
8. (a) Ir-ragħaj u l-mara kif irreaġixxew għat-telfa tagħhom? (b) Ir-reazzjoni tagħhom x’turina dwar kif kienu jħarsu lejn l-oġġett li tilfu?
8 Fiż-żewġ tixbihat intilef xi ħaġa, iżda innota kif irreaġixxew iż-żewġ sidien. Ir-ragħaj ma qalx: ‘Xi rridha nagħġa waħda meta għad għandi 99? Nistaʼ ngħaddi mingħajrha.’ Il-mara ma qalitx: ‘X’ninkwieta nagħmel dwar il-munita? Kuntenta bid-disgħa li għadhom għandi.’ Minflok, ir-ragħaj fittex in-nagħġa l-mitlufa bħallikieku kienet l-unika waħda li kellu. U l-mara ħasset it-telfa tal-munita bħallikieku ma kellhiex iktar muniti. Fiż-żewġ każi l-oġġett li ntilef baqaʼ prezzjuż f’moħħ sidu. X’jurina dan?
9. X’jurina l-interess li wrew ir-ragħaj u l-mara?
9 Innota l-konklużjoni taʼ Ġesù fiż-żewġ każi: “Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem” u “ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli taʼ Alla għal midneb wieħed li jindem.” Għalhekk, l-interess tar-ragħaj u l-mara jirrifletti ftit is-sentimenti taʼ Jehovah u l-ħlejjaq tiegħu tas-smewwiet. Sewwa sew bħalma dak li ntilef baqaʼ prezzjuż f’għajnejn ir-ragħaj u l-mara, dawk li tbiegħdu u ma baqgħux f’kuntatt man-nies t’Alla jibqgħu prezzjużi f’għajnejn Jehovah. (Ġeremija 31:3) Dawn l-individwi għandhom mnejn ikunu dgħajfa spiritwalment, iżda mhux bilfors ikunu ribellużi. Minkejja l-kundizzjoni dgħajfa tagħhom, xorta jistgħu jkunu għadhom qed iżommu mal-ħtiġijiet taʼ Jehovah b’xi mod. (Salm 119:176; Atti 15:29) Għalhekk, bħalma kien jagħmel fil-passat, Jehovah idum biex ‘iwarrabhom minn quddiemu.’—2 Slaten 13:23.
10, 11. (a) Kif irridu nħarsu lejn dawk li tbiegħdu mill-kongregazzjoni? (b) Skond iż-żewġ tixbihat taʼ Ġesù, kif nistgħu nuruhom li naħsbu fihom?
10 Bħal Jehovah u Ġesù, aħna wkoll jinteressana ferm minn dawk li huma dgħajfa u neqsin mill-kongregazzjoni Kristjana. (Eżekjel 34:16, KŻ; Luqa 19:10) Aħna nħarsu lejn min hu dgħajjef spiritwalment bħala nagħġa mitlufa—mhux bħala każ bla tama. Aħna ma nirraġunawx: ‘X’ninkwieta nagħmel għal min hu dgħajjef? Il-kongregazzjoni xorta waħda għadha miexja ħarir mingħajru.’ Minflok, bħal Jehovah, aħna naraw lil dawk li tbiegħdu imma li jridu jiġu lura bħala li huma prezzjużi.
11 Madankollu, kif nistgħu nuruhom li naħsbu fihom? Iż-żewġ tixbihat taʼ Ġesù jindikaw li dan nistgħu nagħmluh billi (1) nieħdu l-inizjattiva, (2) nuru ġentilezza, u (3) nagħmlu sforz bis-serjetà. Ejja nikkunsidraw dawn l-aspetti wieħed wieħed.
Ħu l-Inizjattiva
12.Il-kliem “imur wara l-mitlufa” x’jurina dwar lattitudni tar-ragħaj?
12 Fl-ewwel waħda miż-żewġ tixbihat, Ġesù jgħid li r-ragħaj “imur wara l-mitlufa.” Ir-ragħaj jieħu l-inizjattiva u jagħmel sforz minn jeddu sabiex isib in-nagħġa l-mitlufa. It-tbatija, il-periklu, u d-distanza ma jżommuhx lura. Mhux talli hekk, imma talli r-ragħaj jibqaʼ jfittex “sa ma jsibha.”—Luqa 15:4.
13. L-irġiel leali tal-qedem kif wieġbu għall-bżonnijiet taʼ dawk li kienu dgħajfa, u kif nistgħu nimitaw lil dawn l-eżempji Bibliċi?
13 Bl-istess mod, biex tingħata l-għajnuna lil xi ħadd li għandu bżonn l-inkuraġġiment, spiss ikun jeħtieġ li min hu l-iktar b’saħħtu jieħu l-inizjattiva. L-irġiel leali tal-qedem kienu fehmuh dan. Per eżempju, meta Ġonatan, bin is-sultan Sawl, innota li l-ħabib tal-qalb tiegħu David kellu bżonn l-inkuraġġiment, Ġonatan “qabad u mar ħdejn David f’Ħores u qawwielu qalbu f’Alla.” (1 Samwel 23:15, 16) Ħafna sekli wara, meta l-Gvernatur Neħemija ra li xi wħud minn ħutu l-Lhud saru dgħajfa, hu wkoll ‘qam’ u ħeġġiġhom biex ‘jiftakru fil-Mulej.’ (Neħemija 4:8 [4:14, NW]) Illum, aħna wkoll irridu ‘nqumu’—nieħdu l-inizjattiva—biex insaħħu lil dawk li huma dgħajfa. Iżda min fil-kongregazzjoni għandu jagħmel dan?
14. Min fil-kongregazzjoni għandu b’mod attiv joffri l-għajnuna lid-dgħajfa?
14 L-anzjani Kristjani, b’mod partikulari, għandhom ir-responsabbiltà li ‘jqawwu l-idejn mitruħa; isaħħu l-irkubbtejn imriegħda’ u li ‘jgħidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux.”’ (Isaija 35:3, 4; 1 Pietru 5:1, 2) Madankollu, innota li t-twissija li ta Pawlu biex “tagħmlu l-qalb lill-beżżiegħa [“lill-erwieħ dipressi,” NW]” u “tgħinu lid-dgħajfa,” ma tahiex lill-anzjani biss. Minflok, il-kliem taʼ Pawlu kien għal dawk kollha fil-“knisja taʼ Tessalonika.” (1 Tessalonikin 1:1; 5:14) Għalhekk, il-Kristjani kollha għandhom l-inkarigu li b’mod attiv joffru l-għajnuna lid-dgħajfa. Bħar-ragħaj tat-tixbiha, kull Kristjan għandu jitqanqal biex “imur wara l-mitlufa.” M’għandniex xi ngħidu, dan ikun l-iktar effettiv jekk isir f’kooperazzjoni maʼ l-anzjani. Tistaʼ tagħmel xi ħaġa biex tgħin lil xi ħadd dgħajjef fil-kongregazzjoni tiegħek?
Uri Ġentilezza
15. X’tistaʼ tkun ir-raġuni għala r-ragħaj aġixxa b’dan il-mod?
15 Ir-ragħaj x’jagħmel meta fl-aħħar isib in-nagħġa l-mitlufa? “Jerfagħha fuq spallejh.” (Luqa 15:5) Kemm hu dettall li jmiss il-qalb u sinifikanti! In-nagħġa għandha mnejn kienet ilha ġranet u ljieli sħaħ tiġġerra f’territorju mhux familjari. Saħansitra setgħet għaddiet minfejn kien hemm il-periklu li tiġi attakkata minn xi ljuni jħufu. (Ġob 38:39, 40) Żgur li n-nagħġa tiddgħajjef minħabba n-nuqqas taʼ ikel. Hija sempliċement fraġli wisq biex bis-saħħa tagħha stess tegħleb l-ostakli li se tiltaqaʼ magħhom fi triqitha lura lejn il-merħla. Għalhekk, ir-ragħaj jitbaxxa, bil-ġentilezza jerfaʼ lin-nagħġa, u jġorrha lura lejn il-maqjel minn ġo l-ostakli kollha. Kif nistgħu nuru l-istess attenzjoni li wera r-ragħaj?
16. Għala rridu nuru l-istess tenerezza li wera r-ragħaj man-nagħġa l-mitlufa?
16 Individwu li m’għadux f’kuntatt mal-kongregazzjoni jistaʼ jkun eżawrit f’sens spiritwali. Bħan-nagħġa li ma baqgħetx mar-ragħaj, dan l-individwu għandu mnejn iġġerra fil-vojt fit-territorju aggressiv taʼ din id-dinja. Mingħajr il-protezzjoni li jagħtih il-maqjel, il-kongregazzjoni Kristjana, iktar minn qatt qabel hu jsib ruħu fil-periklu mill-attakki tax-Xitan, li “qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.” (1 Pietru 5:8) Barra minn hekk, hu jiddgħajjef minħabba n-nuqqas taʼ ikel spiritwali. Allura, probabbilment li waħdu huwa dgħajjef wisq biex jegħleb l-ostakli li se jiltaqaʼ magħhom fi triqtu lura lejn il-kongregazzjoni. Minħabba f’hekk, irridu nitbaxxew, biex ngħidu hekk, nerfgħu lid-dgħajjef bil-ġentilezza kollha, u nġorruh lura. (Galatin 6:2) Kif nistgħu nagħmluh dan?
17. Kif nistgħu nimitaw lill-appostlu Pawlu meta nżuru lil xi ħadd li hu dgħajjef?
17 L-appostlu Pawlu qal: “Jekk xi ħadd hu dgħajjef, ma naqsamx miegħu d-dgħjufija tiegħu?” (2 Korintin 11:29, The New English Bible; 1 Korintin 9:22) Pawlu kellu empatija għan-nies, anki għad-dgħajfa. Aħna rridu nuru l-istess empatija maʼ dawk li huma dgħajfa. Meta żżur lil Kristjan li huwa dgħajjef spiritwalment, iżgurah li hu prezzjuż fil-ħarsa taʼ Jehovah u li sħabu x-Xhieda jimmissjawh ħafna. (1 Tessalonikin 2:17) Urih li huma lesti jappoġġawh u jixtiequ jkunu għalih bħal ‘ħu mwieled għal żmien l-hemm.’ (Proverbji 17:17; Salm 34:19 [34:18, NW]) Jekk nesprimu ruħna mill-qalb nistgħu, bil-ġentilezza u ftit ftit, ninkuraġġuh tant li jkun jistaʼ jirritorna lejn il-merħla. Imbagħad x’għandna nagħmlu? It-tixbiha tal-mara u l-munita l-mitlufa tiggwidana.
Agħmel Sforz bis-Serjetà
18. (a) Il-mara tat-tixbiha għala ma qatgħetx qalbha? (b) Liema sforzi bis-serjetà għamlet il-mara, u x’riżultat kellha?
18 Il-mara li titlef il-munita taf li s-sitwazzjoni hija diffiċli iżda mhux bla tama. Kieku l-munita waqgħet f’għalqa kbira u mimlija siġar jew f’għadira fonda u kollha tajn, probabbilment hi kienet taqtaʼ jiesha milli ssibha. Madankollu, peress li kienet taf li l-munita bilfors qiegħda xi mkien f’darha, fejn tistaʼ ssibha, hi tibda tfittex sew maʼ kullimkien. (Luqa 15:8) L-ewwel, hi tixgħel musbieħ biex iddawwal id-dar mudlama tagħha. Imbagħad, tiknes l-art bl-ixkupa, waqt li tispera li tismaʼ xi ċekċika. Fl-aħħar, hi tfittex sa l-inqas rokna sakemm id-dawl tal-musbieħ jirrifletti fuq il-munita tal-fidda. L-isforz bis-serjetà tal-mara jiġi premjat!
19. Il-mod kif aġixxiet il-mara fit-tixbiha tal-munita l-mitlufa x’lezzjonijiet jgħallimna dwar l-għajnuna li nagħtu lid-dgħajjef?
19 Bħalma jfakkarna dan id-dettall tat-tixbiha, l-obbligu Skritturali tagħna li ngħinu lil xi Kristjan dgħajjef m’huwiex xi ħaġa impossibbli għalina. Fl-istess ħin, aħna nirrealizzaw li jeħtieġ sforz. Wara kollox, l-appostlu Pawlu qal lill-anzjani f’Efesu: “B’xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn [‘dgħajjef,’ NW].” (Atti 20:35a) Ftakar li l-mara ma ssibx il-munita billi ddur dawra taʼ kafkaf mad-dar, kif ġie ġie, jew kemm tagħti daqqa t’għajn. Le, hi jirnexxilha ssibha għaliex tfittex bir-reqqa “sa ma ssibha.” Bl-istess mod, meta nistinkaw biex nerġgħu nsaħħu lil xi ħadd li hu dgħajjef spiritwalment, għandna nagħmlu sforz sinifikanti u bis-serjetà. X’nistgħu nagħmlu?
20. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil dawk li huma dgħajfa?
20 Kif nistgħu ngħinu lil min hu dgħajjef biex jibni l-fidi u l-apprezzament tiegħu? Studju persunali mill-Bibbja minn pubblikazzjoni Kristjana addattata jistaʼ jkun eżatt dak li jkollu bżonn. Tabilħaqq, jekk nikkonduċu studju tal-Bibbja maʼ individwu dgħajjef inkunu nistgħu ngħinuh b’mod konsistenti u bir-reqqa. Wisq probabbli, l-indokratur tas-servizz jistaʼ jiddetermina l-aħjar min jistaʼ jipprovdi l-għajnuna li hemm bżonn. Għandu mnejn jissuġġerixxi liema materjal jistaʼ jiġi studjat u x’pubblikazzjoni se tkun l-iktar t’għajnuna. L-istess bħalma l-mara tat-tixbiha tuża xi għodod utli biex tagħmel xogħolha, illum għandna għodod li jgħinuna nwettqu r-responsabbiltà tagħna mogħtija minn Alla biex ngħinu lid-dgħajfa. Żewġ għodod, jew pubblikazzjonijiet, ġodda li għandna se jkunu speċjalment t’għajnuna f’dan ix-xogħol. Dawn huma l-kotba Worship the Only True God (Qim lill-Uniku Alla Veru) u Draw Close to Jehovah (Ersaq Qrib Lejn Jehovah).a
21. Meta tingħata l-għajnuna lid-dgħajfa kif jiġi mbierek kulħadd?
21 Meta tingħata l-għajnuna lid-dgħajfa kulħadd jiġi mbierek. Min ikun qed jingħata l-għajnuna jħoss il-ferħ li jiġi meta jerġaʼ jingħaqad maʼ ħbieb veri. Aħna nħossu l-ferħ f’qalbna li jiġi biss meta nagħtu. (Luqa 15:6, 9; Atti 20:35b) B’mod ġenerali, il-qalb tajba tiżdied fil-kongregazzjoni hekk kif kull membru jieħu interess bl-imħabba fl-oħrajn. U fuq kollox, jingħata ġieħ lir-Rgħajja tagħna li tant jieħdu ħsiebna, Jehovah u Ġesù, hekk kif ix-xewqa tagħhom biex jgħinu lid-dgħajfa tidher ukoll fil-qaddejja tagħhom li jinsabu fuq l-art. (Salm 72:12-14; Mattew 11:28-30; 1 Korintin 11:1; Efesin 5:1) Mela, kemm għandna għalxiex inkomplu ‘jkollna l-imħabba bejnietna’!
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikati mix-Xhieda taʼ Jehovah.
Tistaʼ Tispjega?
• Għala huwa essenzjali li lkoll kemm aħna għandna bżonn nuru l-imħabba?
• Għala għandna nuru l-imħabba maʼ dawk li huma dgħajfa?
• Liema tagħlimiet nieħdu mit-tixbihat tan-nagħġa l-mitlufa u tal-munita l-mitlufa?
• Liema passi prattiċi nistgħu nieħdu biex ngħinu lil xi ħadd li hu dgħajjef?
[Stampi f’paġna 16]
Meta ngħinu lid-dgħajfa, aħna nieħdu l-inizjattiva, nuru ġentilezza, u nagħmlu sforz bis-serjetà
[Stampa f’paġna 17]
Meta tingħata l-għajnuna lid-dgħajfa kulħadd jiġi mbierek