LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 3/15 pp. 4-7
  • “Agħmlu l-Qalb: Jiena Rbaħt id-Dinja!”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Agħmlu l-Qalb: Jiena Rbaħt id-Dinja!”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Irbaħ il-​Kburija bl-​Umiltà
  • Irbaħ il-​Mibegħda—Kif?
  • Ajjutant għal Dejjem
  • “Ibqgħu fl-​Imħabba Tiegħi”
  • “Emmnu”
  • Tinsab Int Fost Dawk Maħbubin Minn Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Iħejji lill-Appostli għat-Tluq Tiegħu
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Żomm mal-Mudell li Ħalla Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Jum li Rridu Niftakru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 3/15 pp. 4-7

“Agħmlu l-​Qalb: Jiena Rbaħt id-​Dinja!”

JUM il-​mewt taʼ Ġesù—l-​14-il jum tax-​xahar Lhudi taʼ Nisan—beda fi nżul ix-​xemx tal-​Ħamis, 31 taʼ Marzu tas-​sena 33 E.K. F’dik il-​lejla, Ġesù u l-​appostli tiegħu nġabru flimkien fil-​kamra taʼ fuq ġo dar f’Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-​Qbiż. Hekk kif ħejja lilu nnifsu “biex jgħaddi minn din id-​dinja għal għand il-​Missier,” Ġesù wera li hu ħabb lill-​appostli sa l-​aħħar. (Ġwann 13:1) Kif? Billi għallimhom tagħlimiet mill-​isbaħ, u b’hekk ħejjiehom għal dak li kien ġej.

Hekk kif daħal il-​lejl, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Agħmlu l-​qalb: jiena rbaħt id-​dinja!” (Ġwann 16:33) X’ried jgħid b’din l-​istqarrija kuraġġuża? Hu ried jgħid: ‘Il-​ħażen fid-​dinja la ġagħalni nirrabja u lanqas inpattiha. Ma ħallejtx lid-​dinja trossni fil-​forma tagħha. Intom ukoll tistgħu tagħmluh dan.’ Dak li Ġesù għallem lid-​dixxipli leali tiegħu f’dawk l-​aħħar sigħat taʼ ħajtu fuq l-​art kien se jgħinhom bl-​istess mod biex huma jirbħu lid-​dinja.

Min se jiċħad li l-​ħażen huwa abbundanti fid-​dinja llum? Kif nirreaġixxu għall-​inġustizzji u l-​atti taʼ vjolenza bla sens? Iġagħluna nirrabjaw jew iħajruna biex inpattuha? Kif qed niġu effettwati mil-​livell morali baxx taʼ madwarna? Maʼ dawn irridu nżidu l-​imperfezzjoni tagħna bħala bnedmin u t-​tendenzi midinba li għandna, u r-​riżultat hu li għandna gwerra doppja x’niġġieldu: kontra d-​dinja ħażina taʼ barra u kontra t-​tendenzi ħżiena li għandna fina nfusna. Nistgħu verament nittamaw li nirbħu mingħajr l-​għajnuna t’Alla? Kif nistgħu nirċievu din l-​għajnuna? Liema kwalitajiet għandna nikkultivaw biex jgħinuna nirreżistu l-​inklinazzjonijiet tal-​ġisem? Għat-​tweġibiet, ejja naraw Ġesù x’għallem lid-​dixxipli maħbubin tiegħu fl-​aħħar jum taʼ ħajtu fuq l-​art.

Irbaħ il-​Kburija bl-​Umiltà

Per eżempju, ikkunsidra l-​problema taʼ min ikun kburi, jew minfuħ bih innifsu. Dwarha l-​Bibbja tistqarr: “Qabel il-​qerda tiġi l-​kburija, u qabel il-​waqgħa t-​tkabbir.” (Proverbji 16:18) Ukoll, l-​Iskrittura tagħti l-​parir: “Jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta ma hu xejn, ikun iqarraq bih innifsu.” (Galatin 6:3) Iva, il-​kburija teqred u tqarraq b’dak li jkun. Inkunu għaqlin meta nobogħdu ‘l-​kburija u t-​tneffiħ.’—Qwiel 8:​13, Saydon.

Kellhom l-​appostli taʼ Ġesù din il-​problema li jitkabbru jew jintefħu bihom infushom? F’minn taʼ l-​inqas okkażjoni waħda, huma ġġieldu bejniethom dwar min kien l-​akbar. (Mark 9:​33-37) Darb’oħra, Ġakbu u Ġwanni talbu pożizzjonijiet prominenti fis-​Saltna. (Mark 10:​35-45) Ġesù xtaq jgħin lid-​dixxipli tiegħu jeħilsu minn din it-​tendenza. Għalhekk, meta kienu qed jieklu l-​ikla tal-​Qbiż, hu qam, rabat xugaman maʼ qaddu, u beda jaħsel saqajn id-​dixxipli tiegħu. Żgur li wera biċ-​ċar x’kienet it-​tagħlima li riedhom jitgħallmu. Ġesù qalilhom: “Jekk jien, li jien il-​Mulej u l-​Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.” (Ġwann 13:14) Il-​kburija trid tinbidel maʼ l-​oppost tagħha—l-​umiltà.

Madankollu, m’huwiex faċli li wieħed jirbaħ il-​kburija. Iktar tard f’dik il-​lejla, wara li Ġesù talab lil Ġuda l-​Iskarjota, li dalwaqt kien se jittradih, biex jitlaq, qamet ġlieda taħraq bejn il-​11-il appostlu. Fuqiex bdew jiġġieldu? Fuq min minnhom kien jidher li hu l-​akbar! Minflok ma ċanfarhom, għal darb’oħra Ġesù bil-​paċenzja kollha enfasizza l-​importanza li jaqdu ’l oħrajn. Hu qal: “Fost il-​pagani s-​slaten jaħkmu fuq in-​nies, u dawk li jħaddmu s-​setgħa fuqhom isejjħulhom benefatturi. Intom mhux hekk, imma l-​akbar fostkom għandu jġib ruħu taʼ l-​iżgħar wieħed, u min hu fuq l-​oħrajn iġib ruħu taʼ qaddej.” Waqt li fakkarhom dwar l-​eżempju tiegħu, hu żied: “Jien qiegħed fostkom nagħmilha taʼ qaddej.”—Luqa 22:​24-27.

Fehmuha t-​tagħlima l-​appostli? Jidher li iva. Snin wara l-​appostlu Pietru kiteb: “Kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.” (1 Pietru 3:8) Kemm hu importanti li aħna wkoll nirbħu l-​kburija bl-​umiltà! Inkunu għaqlin jekk ma nkunux medhijin fil-​ġiri wara l-​fama, il-​poter, jew xi pożizzjoni. Il-​Bibbja tistqarr: “Alla jieqaf lill-​kburi, u jagħti l-​grazzja lill-​umli.” (Ġakbu 4:6) Bl-​istess mod, proverbju għaqli tal-​qedem jgħid: “Min jiċċekken u jibżaʼ mill-​Mulej, jieħu bi ħlasu għana, ġieħ u ħajja.”—Proverbji 22:4.

Irbaħ il-​Mibegħda—Kif?

Ikkunsidra karatteristika oħra komuni fid-​dinja—il-​mibegħda. Sew jekk hija kaġunata mill-​biżaʼ, l-​injoranza, il-​preġudizzju, il-​moħqrija, l-​inġustizzja, in-​nazzjonaliżmu, it-​tribwaliżmu, jew ir-​razziżmu, il-​mibegħda tidher li tinsab maʼ kullimkien. (2 Timotju 3:​1-4) Il-​mibegħda kienet mifruxa maʼ kullimkien saħansitra fi żmien Ġesù. Il-​kolletturi tat-​taxxi kienu mwarrbin u mibgħuda mis-​soċjetà Lhudija. Il-​Lhud ma kellhomx kuntatt mas-​Samaritani. (Ġwann 4:9) U l-​Ġentili, jew dawk li ma kinux Lhud, ukoll kienu disprezzati mil-​Lhud. Madankollu, hekk kif għadda ż-​żmien, il-​mod taʼ qima li stabbilixxa Ġesù kellu jħaddan lin-​nies mill-​ġnus kollha. (Atti 10:​34, 35; Galatin 3:28) Għalhekk, bl-​imħabba kollha hu ta lid-​dixxipli tiegħu xi ħaġa ġdida.

Ġesù ddikjara: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.” Huma bilfors kellhom jitgħallmu juru din l-​imħabba, għaliex hu kompla jgħid: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:​34, 35) Il-​kmandament kien ġdid għaliex kien jinvolvi iktar milli ‘jħobbu lil għajrhom bħalhom infushom.’ (Levitiku 19:18) B’liema mod? Ġesù ċċara dan il-​fatt billi qal: “Dan hu l-​kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” (Ġwann 15:​12, 13) Huma kellhom ikunu lesti jissagrifikaw ħajjithom stess għal xulxin u għal oħrajn.

Kif jistgħu bnedmin imperfetti jneħħu għalkollox il-​mibegħda malizzjuża minn ħajjithom? Billi minflokha jikkultivaw l-​imħabba li tkun lesta tissagrifika lilha nfisha. Miljuni taʼ individwi sinċieri minn diversi sfondi etniċi, kulturali, reliġjużi, u politiċi qed jagħmlu eżattament hekk. Bħalissa qed jinġabru f’komunità waħda magħquda u ħielsa mill-​mibegħda—il-​fratellanza globali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Huma jagħtu kas il-​kliem ispirat taʼ l-​appostlu Ġwanni: “Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel ma għandu fih il-​ħajja taʼ dejjem.” (1 Ġwann 3:15) Il-​Kristjani veri mhux talli ma jiġġieldu f’ebda gwerra, imma talli jaħdmu iebes biex juru l-​imħabba lejn xulxin.

Iżda, x’inhi l-​attitudni mentali tagħna lejn dawk li m’humiex sħabna fit-​twemmin u li forsi juru mibegħda lejna? Waqt li kien imdendel fuq l-​għuda, Ġesù talab għal dawk li qatluh, billi qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” (Luqa 23:34) Meta rġiel kollhom mibegħda ħaġġru lid-​dixxiplu Stiefnu sakemm qatluh, l-​aħħar kliem tiegħu kien: “Mulej, tgħoddulhomx dan id-​dnub.” (Atti 7:60) Ġesù u Stiefnu xtaqu l-​ġid anki lil dawk li kienu jobogħduhom. Ma kellhomx mibegħda f’qalbhom. Il-​Bibbja tagħtina l-​parir: “Ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd.”—Galatin 6:10.

Ajjutant għal Dejjem

Hekk kif kompliet il-​laqgħa li Ġesù kellu mal-​11-il appostlu, hu spjegalhom li dalwaqt ma kienx se jkun għadu magħhom bħala bniedem. (Ġwann 14:28; 16:28) Iżda żgurahom: “Jiena nitlob lill-​Missier, u hu jagħtikom Difensur [“ajjutant,” NW] ieħor biex jibqaʼ magħkom għal dejjem.” (Ġwann 14:16) L-​ajjutant li wegħedhom hu l-​ispirtu qaddis t’Alla. Dan kellu jgħallimhom l-​affarijiet profondi taʼ l-​Iskrittura u jfakkarhom dak li Ġesù għallimhom matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art.—Ġwann 14:26.

Kif jistaʼ l-​ispirtu qaddis jgħinna llum? L-​ewwelnett, il-​Bibbja hija l-​Kelma ispirata t’Alla. L-​irġiel li ntużaw biex ilissnu l-​profeziji u jiktbu l-​Bibbja “kienu mqanqlin mill-​Ispirtu s-​Santu.” (2 Pietru 1:​20, 21; 2 Timotju 3:16) Meta nistudjaw l-​Iskrittura u napplikaw dak li nitgħallmu nkunu qed niksbu l-​għarfien, l-​għaqal, il-​fehma, id-​dehen, ġudizzju tajjeb, u l-​abbiltà tal-​ħsieb. Imbagħad, ma nkunux aħna mħejjijin aħjar biex niffaċċjaw il-​pressjonijiet taʼ din id-​dinja ħażina?

L-ispirtu qaddis huwa ajjutant saħansitra b’mod ieħor. L-​ispirtu qaddis t’Alla hu forza qawwija li hija taʼ benefiċċju u teffettwana biex nagħmlu t-​tajjeb, tgħin lil dawk li jiġu effettwati minnha biex juru kwalitajiet divini. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​frott taʼ l-​Ispirtu huma: l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.” Mhux dawn huma l-​kwalitajiet li għandna bżonn biex nirbħu l-​inklinazzjonijiet li l-​ġisem għandu lejn l-​immoralità, il-​ġlied, l-​għira, il-​korla, u affarijiet bħal dawn?—Galatin 5:​19-23.

Jekk nistrieħu fuq l-​ispirtu t’Alla, aħna wkoll nistgħu nirċievu “qawwa iktar min-​normal” biex inkampaw maʼ kull problema u inkwiet. (2 Korintin 4:​7, NW) Waqt li l-​ispirtu qaddis ma jneħħilniex il-​provi jew it-​tiġrib, dan żgur li jistaʼ jgħinna nissaportuhom. (1 Korintin 10:13) “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak li jqawwini,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Filippin 4:13) Alla jagħti din il-​qawwa permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. Kemm għandna għalxiex inkunu grati għall-​ispirtu qaddis! Dan hu mwiegħed lil dawk kollha li ‘jħobbu lil Ġesù u jħarsu l-​kmandamenti tiegħu.’—Ġwann 14:15.

“Ibqgħu fl-​Imħabba Tiegħi”

Barra minn hekk, fl-​aħħar lejl tiegħu bħala bniedem, Ġesù qal lill-​appostli tiegħu: “Min iżomm il-​kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-​Missier.” (Ġwann 14:21) Hu ħeġġiġhom: “Ibqgħu fl-​imħabba tiegħi.” (Ġwann 15:9) Il-​fatt li nibqgħu fl-​imħabba tal-​Missier u taʼ l-​Iben kif jgħinna fil-​ġlieda tagħna kontra l-​inklinazzjonijiet midinba li għandna fina u kontra d-​dinja ħażina taʼ barra?

Nistgħu aħna verament nikkontrollaw it-​tendenzi ħżiena jekk ma jkollniex motivazzjoni qawwija biex nagħmlu hekk? Liema raġuni akbar jistaʼ jkollna jekk mhux ix-​xewqa għal relazzjoni tajba m’Alla Jehovah u maʼ Ibnu? Ernesto,a żagħżugħ li ġġieled battalja iebsa kontra l-​ħajja immorali li kien ilu jgħix mill-​bidu taʼ l-​adolexxenza tiegħu, jispjega: “Ridt nogħġob ’l Alla, u tgħallimt mill-​Bibbja li l-​mod kif kont qed ngħix xejn ma kien jogħġbu. Għalhekk, iddeċidejt li ninbidel u nsir individwu li jobdi l-​gwida t’Alla. Kuljum kelli nissara kontra l-​ħsibijiet negattivi u maħmuġin li kienu għadhom jiġuni f’moħħi għal għarrieda. Iżda kont determinat li nirbaħ il-​battalja, u tlabt mingħajr heda għall-​għajnuna t’Alla. Wara sentejn l-​agħar kien għadda, għalkemm għadni strett miegħi nnifsi.”

Dwar il-​ġlieda mad-​dinja taʼ barra, ikkunsidra t-​talba taʼ l-​għeluq li offra Ġesù qabel ma telaq minn dik il-​kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. Hu talab lil Missieru għad-​dixxipli tiegħu u qal: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-​dinja, imma li tħarishom mill-​Ħażin. Huma m’humiex tad-​dinja bħalma jiena m’iniex tad-​dinja.” (Ġwann 17:​15, 16) Kemm iqawwilna qalbna! Jehovah iħares lil dawk li jħobb u jsaħħaħhom hekk kif huma jibqgħu separati mid-​dinja.

“Emmnu”

Jekk nobdu l-​kmandamenti taʼ Ġesù nkunu nistgħu verament niġu megħjunin biex nirbħu l-​ġlieda tagħna kontra d-​dinja ħażina u t-​tendenzi midinba tagħna. Madankollu, huma kemm huma importanti dawn ir-​rebħiet, la jistgħu jeliminaw id-​dinja u lanqas id-​dnub li writna. Imma m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna.

Il-Bibbja tiddikjara: “Id-​dinja bil-​ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:17) Ġesù ta ħajtu biex isalva mid-​dnub u l-​mewt lil “kull min jemmen fih.” (Ġwann 3:16) Mela, hekk kif insiru nafu iktar dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu, ejja nieħdu bis-​serjetà l-​parir taʼ Ġesù: “Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.”—Ġwann 14:1.

[Nota taʼ taħt]

a  Hawnhekk l-​isem ġie mibdul.

[Stampa f’paġna 7]

“Ibqgħu fl-​imħabba tiegħi,” ħeġġeġ Ġesù lill-​appostli tiegħu

[Stampa f’paġna 7]

Il-​ħelsien mid-​dnub u mill-​effetti tiegħu dalwaqt se jseħħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja