Il-Kristjani Bikrin u d-Dinja
MADWAR elfejn sena ilu, seħħet ġrajja verament tal-għaġeb fil-Lvant Nofsani. L-Iben uniġenitu t’Alla ġie mibgħut mill-post fejn kien igħammar fis-sema biex igħix għal ftit taʼ żmien fid-dinja tal-bnedmin. Kif wieġbu ħafna mill-bnedmin? L-appostlu Ġwanni jwieġeb: “Hu [Ġesù] kien fid-dinja, u d-dinja bdiet teżisti permezz tiegħu, imma d-dinja ma kinetx tafu. Hu ġie f’daru stess [Iżrael], imma niesu stess ma daħħluhx ġewwa.”—Ġwann 1:10, 11.
Id-dinja sempliċement ma aċċettatux lil Ġesù, l-Iben t’Alla. Dan għala? Ġesù spjega raġuni waħda meta qal: “Id-dinja . . . tobgħodni, għaliex jien nagħti xiehda dwarha li x-xogħlijiet tagħha huma mill-agħar.” (Ġwann 7:7) Eventwalment, din l-istess dinja—irrappreżentata minn xi mexxejja reliġjużi Lhud, sultan Edomita, u politikant Ruman—tat il-mewt lil Ġesù. (Luqa 22:66–23:25; Atti 3:14, 15; 4:24-28) Xi ngħidu għas-segwaċi taʼ Ġesù? Id-dinja kienet se tkun iktar lesta li taċċetta lilhom? Le. Ftit qabel mewtu, Ġesù wissiehom: “Kieku kontu parti mid-dinja, id-dinja kienet tkun kuntenta b’dak li hu tagħha. Issa għaliex m’intom ebda parti mid-dinja, imma jien għażiltkom ’il barra mid-dinja, minħabba f’dan id-dinja tobgħodkom.”—Ġwann 15:19.
Fi Żminijiet Appostoliċi
Il-kliem taʼ Ġesù wera kemm kien veru. Ftit ġimgħat biss wara mewtu, l-appostli tiegħu ġew arrestati, mheddin, u msawtin. (Atti 4:1-3; 5:17, 18, 40) Ftit taż-żmien wara, iż-żeluż Stiefnu ġie mkaxkar quddiem is-Sinedriju Lhudi u mbagħad imħaġġar għall-mewt. (Atti 6:8-12; 7:54, 57, 58) Iktar tard, l-appostlu Ġakbu ġie mogħti l-mewt mis-Sultan Erodi Agrippa I. (Atti 12:1, 2) Matul il-vjaġġi missjunarji tiegħu, Pawlu kien ippersegwitat fuq it-tixwix tal-Lhud li kienu mxerrdin.—Atti 13:50; 14:2, 19.
Il-Kristjani bikrin kif wieġbu għal oppożizzjoni bħal din? Meta, fil-bidu, l-awtoritajiet reliġjużi żammew lill-appostli milli jippridkaw f’isem Ġesù, l-appostli stqarrew: “Aħna rridu nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.” (Atti 4:19, 20; 5:29) Din kompliet tkun l-attitudni tagħhom kull meta kien hemm oppożizzjoni. Minkejja dan, l-appostlu Pawlu ta parir lill-Kristjani f’Ruma biex ‘ikunu sottomessi lejn l-awtoritajiet [governattivi] superjuri.’ Hu tahom ukoll il-parir: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha.” (Rumani 12:18; 13:1) Għalhekk, il-Kristjani bikrin riedu jilħqu bilanċ diffiċli. Huma obdew lil Alla bħala l-Ħakkiem prinċipali tagħhom. Fl-istess ħin, huma kienu sottomessi lejn l-awtoritajiet nazzjonali u pprovaw igħixu fil-paċi mal-bnedmin kollha.
Il-Kristjani fid-Dinja Rumana
Lura fid-dinja tal-ewwel seklu tal-Imperu Ruman, il-Kristjani bla dubju bbenefikaw mill-Pax Romana, jew Paċi Rumana, li nżammet mil-leġjuni Rumani. Il-ħakma stabbli tal-liġi u l-ordni, it-toroq tajbin, u l-fatt li kont tistaʼ tivvjaġġa bil-baħar kważi bla periklu ħalaq ambjent li ffavorixxa l-espansjoni tal-Kristjanità. Il-Kristjani bikrin evidentement irrikonoxxew id-dejn tagħhom lejn is-soċjetà u taw kas tal-ordni li Ġesù ta biex ‘iħallsu lura l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri.’ (Mark 12:17) Waqt li kiteb lill-imperatur Ruman Antoninus Pius (138-161 E.K.), Ġustin Martri sostna li l-Kristjani, “iktar malajr min-nies l-oħrajn kollha,” ħallsu t-taxxi tagħhom. (First Apology, kapitlu 17) Fis-sena 197 E.K., Tertulljanu qal lill-ħakkiema Rumani li l-kolletturi tat-taxxi tagħhom kellhom “dejn taʼ gratitudni lejn il-Kristjani” għall-mod kuxjenzjuż li bih huma ħallsu t-taxxi tagħhom. (Apology, kapitlu 42) Dan kien mod wieħed li bih huma segwew il-parir taʼ Pawlu li għandhom ikunu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri.
Barra minn hekk, sakemm il-prinċipji Kristjani tagħhom ma kinux involuti, il-Kristjani bikrin ipprovaw igħixu fil-paċi mal-ġirien tagħhom. Imma dan ma kienx faċli. Id-dinja taʼ madwarhom kienet fil-biċċa l-kbira mmorali u mgħaddsa fl-idolatrija Griega-Rumana, li magħha iktar riċenti kienet żdiedet il-qima tal-imperatur. Ir-reliġjon Rumana pagana kienet essenzjalment reliġjon tal-Istat, u għalhekk min kien jirrifjuta li jipprattikaha setaʼ jiġi meqjus bħala ostili lejn l-Istat. Din kif laqtet lill-Kristjani?
Il-professur E. G. Hardy taʼ Oxford kiteb: “Tertulljanu jinnumera ħafna affarijiet li kienu impossibbli għal Kristjan kuxjenzjuż, bħala li jinvolvu l-idolatrija: e.g. ġurament li s-soltu jieħdu fil-kuntratti; li wieħed jixgħel il-bibien fil-festi, eċċ.; iċ-ċeremonji reliġjużi Pagani kollha; il-logħob u ċ-ċirklu; il-professjoni tat-tagħlim tal-letteratura sekulari [klassika u pagana]; is-servizz militari; u inkarigi pubbliċi.”—Christianity and the Roman Government.
Iva, kien diffiċli li tgħix fid-dinja Rumana mingħajr ma tittradixxi l-fidi Kristjana. L-awtur Franċiż Kattoliku A. Hamman jikteb: “Kien impossibbli li tagħmel pass mingħajr ma tiltaqaʼ maʼ xi divinità. Il-pożizzjoni taʼ Kristjan ġabitlu problemi taʼ kuljum; hu għex f’tarf is-soċjetà . . . Hu ffaċċja problemi ripetutament fid-dar, fit-toroq, fis-suq . . . Fit-triq, kemm jekk kien ċittadin Ruman jew le, Kristjan kellu jikxef rasu meta jgħaddi minn quddiem xi tempju jew statwa. Kif setaʼ jżomm lura milli jagħmel hekk mingħajr ma jqajjem xi suspett, u madankollu kif setaʼ jobdi mingħajr ma jagħmel att taʼ alleanza? Jekk kellu negozju u kellu bżonn jissellef xi flus, kellu jaħlef lil dak li jisilfu l-flus f’isem l-allat. . . . Jekk kien jaċċetta xi kariga pubblika, kien mistenni li joffri sagrifiċċju. Jekk jinqabad suldat, kif setaʼ jevita milli jieħu ġurament u jipparteċipa fir-riti tas-servizz militari?”—La vie quotidienne des premiers chrétiens (95-197) (Il-Ħajja taʼ Kuljum Fost il-Kristjani Bikrin, 95-197 E.K.).
Ċittadini Tajbin, Madankollu Malafamati
Madwar is-sena 60 jew 61 E.K., meta Pawlu kien f’Ruma jistenna l-ġuri tiegħu mill-Imperatur Neruni, xi Lhud ewlenin qalu dwar il-Kristjani bikrin: “Verament inkwantu għal din is-setta huwa magħruf minna li kullimkien jitkellmu kontra tagħha.” (Atti 28:22) Il-kitbiet storiċi jagħtu xiehda li l-Kristjani kienu jitkellmu kontra tagħhom—imma b’mod inġust. Fil-ktieb tiegħu The Rise of Christianity, E. W. Barnes jirrakkonta: “Fid-dokumenti bikrin awtorevoli tiegħu l-moviment Kristjan huwa rrappreżentat bħala essenzjalment taʼ morali tajbin u ubbidjenti lejn il-liġi. Il-membri tiegħu xtaqu li jkunu ċittadini tajbin u sudditi leali. Huma stkerrhu n-nuqqasijiet u l-vizzji tal-paganiżmu. Fil-ħajja privata tagħhom fittxew li jkunu ġirien li jżommu l-paċi u ħbieb taʼ min jafdahom. Kienu mgħallmin biex ikunu f’sensihom, beżlin u taʼ ħajja nadifa. F’nofs ħajja laxka taʼ korruzzjoni prevalenti huma kienu, jekk leali lejn il-prinċipji tagħhom, onesti u jgħidu l-verità. Il-livelli sesswali tagħhom kienu għoljin: ir-rabta taż-żwieġ kienet irrispettata u l-ħajja tal-familja kienet pura. B’virtujiet bħal dawn huma ma setgħux, kif wieħed jistaʼ jifhem, ikunu ċittadini li jaqilgħu l-inkwiet. Madankollu huma kienu għal ħafna żmien mistmerrijin, immalafamati u mibgħudin.”
Hekk kif id-dinja l-qadima ma fehmitx lil Ġesù, hi ma fehmitx lill-Kristjani u għalhekk bagħdithom. Ladarba huma rrifjutaw li jqimu lill-imperatur u lid-divinitajiet pagani, ġew akkużati b’ateiżmu. Jekk kienet isseħħ xi katastrofi, kienu jwaħħlu fihom talli rrabjaw lill-allat. Minħabba li ma marrux jaraw reċti mmorali jew wirjiet imdemmijin taʼ gladjaturi, ġew ikkunsidrati bħala anti-soċjali, saħansitra ‘uħud li jobogħdu lir-razza umana.’ Il-għedewwa tagħhom sostnew li l-familji kienu mfarrkin minħabba s-“setta” Kristjana u li għalhekk kienet periklu għall-istabbilità soċjali. Tertulljanu tkellem dwar irġiel miżżewġin pagani li ppreferew li n-nisa tagħhom jikkommettu adulterju milli li jsiru Kristjani.
Il-Kristjani ġew ikkritikati minħabba li kienu kontra l-abort, li kien ipprattikat ħafna f’dak iż-żmien. Madankollu, il-għedewwa tagħhom akkużawhom li kienu joqtlu lil uliedhom. Kien allegat li fil-laqgħat tagħhom kienu jixorbu d-demm tal-ulied issagrifikati tagħhom. Fl-istess ħin, il-għedewwa tagħhom ipprovaw jisfurzawhom biex jieklu l-mazzit, billi kienu jafu li dan kien kontra l-kuxjenza tagħhom. B’hekk dawn l-opponenti kienu jikkontradixxu l-akkużi tagħhom stess.—Tertulljanu, Apology, kapitlu 9.
Mistmerrijin bħala Setta Ġdida
Il-kittieb tal-istorja Kenneth Scott Latourette kiteb: “Jerġaʼ b’sett ieħor taʼ akkużi l-Kristjanità ġiet imwaqqaʼ għaċ-ċajt minħabba l-oriġini riċenti tagħha u kienet f’kuntrast mal-antikità tar-rivali tagħha [il-Ġudaiżmu u r-reliġjonijiet pagani Greko-Rumani].” (A History of the Expansion of Christianity, Volum 1, paġna 131) Kmieni fit-tieni seklu E.K., il-kittieb tal-istorja Ruman Suetonius sejjaħ lill-Kristjanità “superstizzjoni ġdida li toħloq l-inkwiet.” Tertulljanu afferma li l-istess isem Kristjan kien mibgħud u li l-Kristjani kienu setta mibgħuda. Billi tkellem dwar il-mod li bih uffiċjali tal-Imperu Ruman qiesu lill-Kristjani fit-tieni seklu, Robert M. Grant kiteb: “L-opinjoni bażika kienet li l-Kristjanità sempliċement ma kinetx reliġjon neċessarja, u x’aktarx taʼ ħsara.”—Early Christianity and Society.
Akkużati bi Prożelitiżmu Aggressiv
Fil-ktieb tiegħu Les premiers siècles de l’Eglise (Is-Sekli Bikrin tal-Knisja), il-professur mill-università taʼ Sorbonne, Jean Bernardi kiteb: “[Il-Kristjani] kellhom joħorġu u jitkellmu kullimkien u maʼ kulħadd. Fit-toroq u fl-ibliet, fil-pjazez u fid-djar. Kemm jekk milqugħin jew le. Lill-foqra, u lill-għonja impeduti minn dak li jippossjedu. Liż-żgħar u lill-gvernaturi tal-provinċji Rumani . . . Riedu jitilqu għal għonq it-triq, jirkbu vapuri, u jmorru sat-truf tal-art kollha.”
Għamluh huma dan? B’mod evidenti għamluh. Il-professur Léon Homo jirrakkonta li l-Kristjani bikrin kellhom l-opinjoni pubblika kontra tagħhom minħabba “l-prożelitiżmu imqanqal” tagħhom. Il-professur Latourette jistqarr li waqt li l-Lhud tilfu ż-żelu tagħhom għall-prożelitiżmu, “il-Kristjani, mill-banda l-oħra, kienu jagħmlu x-xogħol missjunarju tagħhom b’mod aggressiv u għalhekk qanqlu l-għira.”
Fit-tieni seklu E.K., il-filosfu Ruman Celsus ikkritika l-metodi taʼ ppridkar tal-Kristjani. Hu stqarr li l-Kristjanità kienet għan-nies taʼ mingħajr tagħlim u setgħet ‘tikkonvinċi biss lill-istupidi, lill-irsiera, lin-nisa, u lit-tfal żgħar.’ Hu akkuża lill-Kristjani b’indottrinar taʼ “nies li jibilgħu kollox,” billi jġagħluhom “jemmnu mingħajr ma jaħsbu xejn.” Hu sostna li huma qalu lid-dixxipli ġodda tagħhom: “Tistaqsux mistoqsijiet, sempliċement emmnu.” Madankollu, skond Origen, Celsus innifsu ammetta li “ma kinux biss in-nies sempliċi li kienu mmexxijin mid-duttrina taʼ Ġesù u adottaw ir-reliġjon Tiegħu.”
Ebda Ekumeniżmu
Il-Kristjani bikrin ġew ikkritikati wkoll għax sostnew li kellhom il-verità tal-uniku veru Alla. Ma kinux jaċċettaw l-ekumeniżmu, jew it-taħlit tal-fidi. Latourette kiteb: “Differenti mill-maġġoranza tar-reliġjonijiet taʼ dak iż-żmien, huma [il-Kristjani] kienu ostili lejn reliġjonijiet oħrajn. . . . F’kuntrast mat-tolleranza kbira li kkaratterizzat lil kulti oħrajn, huma ddikjaraw li kellhom il-verità finali.”
Fis-sena 202 E.K., l-Imperatur Septimius Severus ħareġ proklama li tipprojbixxi lill-Kristjani li jikkonvertu lil xi ħadd. Dan, madankollu, ma waqqafhomx milli jagħtu xiehda dwar il-fidi tagħhom. Latourette jiddeskrivi r-riżultat: “Fl-irrifjutar [mill-Kristjanità bikrija] li tagħmel kompromess mal-paganiżmu taʼ dak iż-żmien u mal-ħafna drawwiet soċjali u prattiċi morali taʼ dawk iż-żminijiet [il-Kristjanità bikrija] żviluppat konsistenza u organizzazzjoni li ġabitha kuntrarja għas-soċjetà. L-istess waqfa meħtieġa biex wieħed jingħaqad magħha tat lis-segwaċi tagħha konvinzjoni li kkostitwiet sors taʼ saħħa kontra l-persekuzzjoni u taʼ żelu f’li jiġu mirbuħin uħud ikkonvertiti.”
Il-kitbiet storiċi huma, għalhekk, ċari. Fil-maġġoranza, il-Kristjani bikrin, waqt li ħabirku biex ikunu ċittadini tajbin u biex igħixu fil-paċi mal-bnedmin kollha, irrifjutaw li jsiru “parti mid-dinja.” (Ġwann 15:19) Huma kienu jirrispettaw l-awtoritajiet. Imma meta Ċesri pprojbiehom li jippridkaw, huma ma kellhom l-ebda alternattiva ħlief li jkomplu jippridkaw. Huma pprovaw igħixu fil-paċi mal-bnedmin kollha imma rrifjutaw li jagħmlu kompromess fuq livelli morali u idolatrija pagana. Minħabba dan kollu, huma kienu mistmerrijin, malafamati, mibgħudin, u ppersegwitati, saħansitra bħalma Kristu kien bassar li kellhom ikunu.—Ġwann 16:33.
[Kumment f’paġna 4]
l-pożizzjoni taʼ Kristjan ġabitlu problemi taʼ kuljum; hu għex f’tarf is-soċjetà”
[Kumment f’paġna 6]
l-Kristjanità ġiet imwaqqaʼ għaċ-ċajt minħabba l-oriġini riċenti tagħha u kienet f’kuntrast . . . mal-antikità tar-rivali tagħha”
[Stampa f’paġna 3]
Minħabba li l-Kristjani rrifjutaw li jqimu lill-imperatur Ruman u lid-divinitajiet pagani, ġew akkużati b’ateiżmu
[Sors taʼ l-Istampa]
Museo della Civiltà Romana, Roma