LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 4/1 pp. 11-14
  • Għala Nitolbu f’Isem Ġesù?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Nitolbu f’Isem Ġesù?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Bidla Kbira fl-​Istorja tat-​Talb”
  • Isem “fuq Kull Isem Ieħor”
  • Iktar minn Sempliċi Drawwa
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Kif Tikseb Għajnuna Permezz Tat-Talb
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Dwar Talb li Jismaʼ Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Kif Għandna Nitolbu lil Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 4/1 pp. 11-14

Għala Nitolbu f’Isem Ġesù?

ĠESÙ taʼ spiss kien jgħallem dwar it-​talb. Fi żmienu, il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu jitolbu “fil-​kantunieri tat-​toroq prinċipali.” Għala? “Sabiex jarawhom in-​nies.” Jidher ċar li dawn riedu li jkunu ammirati għall-​qdusija tagħhom. Huma kienu jitolbu talb fit-​tul u ripetut bħallikieku kien neċessarju li “jużaw ħafna kliem” sabiex it-​talb jinstemaʼ. (Mattew 6:5-8) Ġesù kixef li prattiċi bħal dawn kienu għal xejn, u b’hekk għen lil dawk l-​individwi sinċieri biex ikunu jafu x’għandhom jevitaw meta jitolbu. Madankollu, hu m’għallimhomx biss kif m’għandhomx jitolbu.

Ġesù għallem li t-​talb tagħna għandu jesprimi x-​xewqa tagħna biex naraw l-​isem t’Alla jiġi mqaddes, biex tiġi s-​Saltna Tiegħu, u biex isseħħ ir-​rieda Tiegħu. Ġesù għallem ukoll li jkun xieraq li nitolbu lil Alla biex jgħinna fil-​bżonnijiet persunali tagħna. (Mattew 6:9-13; Luqa 11:2-4) Permezz taʼ tixbihat, Ġesù wera li aħna għandna bżonn il-​persistenza, il-​fidi, u l-​umiltà jekk irridu li talbna jinstemaʼ. (Luqa 11:5-13; 18:1-14) U hu saħħaħ it-​tagħlim tiegħu bl-​eżempju tiegħu stess.—Mattew 14:23; Marku 1:35.

Bla dubju din l-​istruzzjoni għenet lid-​dixxipli taʼ Ġesù biex itejbu l-​kwalità tat-​talb tagħhom. Madankollu, Ġesù stenna sa l-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art ħalli jipprovdi lid-​dixxipli tiegħu l-​iktar lezzjoni importanti dwar it-​talb.

“Bidla Kbira fl-​Istorja tat-​Talb”

Ġesù qattaʼ l-​maġġorparti mill-​aħħar lejl tiegħu jinkuraġġixxi lill-​appostli leali tiegħu. Dan kien il-​ħin opportun biex jirrivela xi ħaġa ġdida. Ġesù qal: “Jien it-​triq, il-​verità, u l-​ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-​Missier ħlief permezz tiegħi.” Iktar tard hu tahom wegħda rassiguranti: “Kulma titolbu f’ismi, jien nagħmlu, sabiex il-​Missier jiġi glorifikat permezz taʼ l-​Iben. Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, nagħmilha.” Fl-​għeluq tad-​diskussjoni tiegħu, hu qal: “S’issa għadkom ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u taqilgħu, biex il-​ferħ tagħkom jintgħamel sħiħ.”—Ġwanni 14:6, 13, 14; 16:24.

Dan il-​kliem kien taʼ importanza primarja. Xogħol wieħed taʼ referenza jiddeskrivi dan bħala “l-​bidla kbira fl-​istorja tat-​talb.” Ġesù ma riedx ifisser li t-​talb jiġi indirizzat lilu minflok lil Alla. Pjuttost, hu kien qed jiftaħ triq ġdida kif tavviċina lil Ġeħova.

Fir-realtà, Alla dejjem semaʼ t-​talb tal-​qaddejja leali tiegħu. (1 Samwel 1:9-19; Salm 65:3, 4a [65:2, NW]) Madankollu, sa minn meta l-​Iżraelin saru l-​poplu f’patt m’Alla, dawk li riedu li t-​talb tagħhom jinstemaʼ kellhom jirrikonoxxu li Iżrael kien il-​ġens magħżul t’Alla. U iktar tard, minn żmien Salamun, huma kellhom jirrikonoxxu li t-​tempju kien il-​post li għażel Alla għas-​sagrifiċċju. (Dewteronomju 9:29; 2 Kronaki 6:32, 33) Madankollu, dan il-​mod taʼ qima kien biss temporanju. Bħalma kiteb l-​appostlu Pawlu, il-​Liġi mogħtija lil Iżrael u s-​sagrifiċċji offruti fit-​tempju kienu “biss dell taʼ l-​affarijiet li għandhom jiġu, imma mhux ir-​realtà tagħhom.” (Ebrej 10:1, 2) Id-​dell kellu jinbidel f’realtà. (Kolossin 2:17) Sa mis-​sena 33 E.K., ir-​relazzjoni taʼ individwu maʼ Ġeħova ma kinitx tiddependi milli jżomm mal-​Liġi Mosajka. Minflok, din kienet ibbażata fuq l-​ubbidjenza lejn dak il-​wieħed li l-​Liġi kienet tipponta lejh—Kristu Ġesù.—Ġwanni 15:14-16; Galatin 3:24, 25.

Isem “fuq Kull Isem Ieħor”

Ġesù stabbilixxa bażi superjuri biex navviċinaw lil Ġeħova. Hu identifika lilu nnifsu bħala ħabib li għandu l-​qawwa, wieħed li jiftaħ it-​triq għat-​talb tagħna biex jinstemaʼ u jitwieġeb minn Alla. X’jagħmilha possibbli għal Ġesù biex jaġixxi għan-​nom tagħna?

Ladarba lkoll kemm aħna twelidna fid-​dnub, l-​ebda ħaġa li nwettqu jew sagrifiċċji li noffru ma jistgħu jnaddfuna mit-​tebgħa tad-​dnub jew jagħtuna d-​dritt biex ikollna relazzjoni maʼ l-​Alla qaddis tagħna, Ġeħova. (Rumani 3:20, 24; Ebrej 1:3, 4) Madankollu, Ġesù offra l-​ġisem uman u perfett tiegħu stess u ħallas għad-​dnubiet taʼ l-​umanità li setgħet tiġi mifdija. (Rumani 5:12, 18, 19) Issa dawk kollha li jixtiequ jitnaddfu minn dnubiethom għandhom l-​opportunità li jakkwistaw din il-​qagħda quddiem Ġeħova u jgawdu “il-​libertà tal-​kelma” quddiem Alla—iżda dan hu possibbli biss jekk huma jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù u jitolbu f’ismu.—Efesin 3:11, 12.

Meta aħna nitolbu f’isem Ġesù, inkunu qegħdin nuru l-​fidi tagħna f’minn taʼ l-​inqas tliet aspetti taʼ l-​irwol tiegħu f’li jwettaq l-​iskop t’Alla: (1) Hu “l-​Ħaruf t’Alla,” li s-​sagrifiċċju tiegħu jipprovdilna l-​bażi għall-​maħfra tad-​dnubiet. (2) Hu ġie rxoxtat minn Ġeħova u issa qed jaqdi bħala l-​“qassis il-​kbir” f’li jamministra l-​benefiċċji tal-​fidwa. (3) Hu biss huwa “t-​triq” biex navviċinaw lil Ġeħova bit-​talb.—Ġwanni 1:29; 14:6; Ebrej 4:14, 15.

Ġesù jiġi onorat meta jsir talb f’ismu. Unur bħal dan huwa xieraq, għaliex ir-​rieda taʼ Ġeħova hi li “f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa . . . , u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-​glorja t’Alla l-​Missier.” (Filippin 2:10, 11) Madankollu, iktar importanti, it-​talb f’isem Ġesù jigglorifika lil Ġeħova, il-​wieħed li ta lil Ibnu għall-​benefiċċju tagħna.—Ġwanni 3:16.

Sabiex inkunu nistgħu nifhmu l-​kobor tal-​pożizzjoni taʼ Ġesù, il-​Bibbja tuża diversi titli u ismijiet biex tiddeskrivih.a Dawn jgħinuna nifhmu l-​benefiċċji kbar li se jkollna fuq il-​bażi taʼ dak li Ġesù diġà wettaq, dak li qed iwettaq, u dak li għad iwettaq iktar ’il quddiem għan-​nom tagħna. (Ara l-​kaxxa “L-​Irwol Vitali taʼ Ġesù.”) Tabilħaqq, Ġesù ngħata “isem li hu fuq kull isem ieħor.” Kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art ġiet mogħtija lilu.—Filippin 2:9; Mattew 28:18.

Iktar minn Sempliċi Drawwa

Iva, aħna rridu noffru t-​talb tagħna f’isem Ġesù jekk irridu li Ġeħova jismaʼ talbna. (Ġwanni 14:13, 14) Iżda qatt ma rridu nirripetu l-​frażi “f’isem Ġesù” sempliċement bħala drawwa. Għala le?

Ikkunsidra din it-​tixbiha. Meta tirċievi ittra mingħand xi negozjant, din għandha mnejn tispiċċa bil-​kliem tas-​soltu “dejjem tiegħek.” Tħossok int li din hi espressjoni ġenwina taʼ kif iħossu n-​negozjant, jew qiegħed biss juża l-​etikett li s-​soltu jintuża f’ittra? Verament, li nużaw l-​isem taʼ Ġesù fit-​talb tagħna jeħtieġ li jkun iktar sinifikanti minn xi għeluq formali taʼ ittra mingħand xi negozjant. Għalkemm rridu ‘nitolbu bla heda,’ irridu nagħmlu dan ‘b’qalbna kollha,’ u mhux b’mod mekkaniku.—1 Tessalonikin 5:17; Salm 119:145.

Kif tistaʼ tevita li tuża l-​frażi “f’isem Ġesù” bħala espressjoni taʼ rutina? Għala ma timmeditax fuq il-​kwalitajiet taʼ Ġesù li tant iqawwu l-​qalb? Aħseb dwar dak li hu diġà għamel u lest li jagħmel għalik. Fit-​talb, irringrazzja lil Ġeħova u faħħru għall-​mod meraviljuż kif uża lil Ibnu. Hekk kif tagħmel dan, int se tkun iktar fiduċjuż fil-​wegħda taʼ Ġesù: “Jekk titolbu xi ħaġa lill-​Missier, jagħtihielkom f’ismi.”—Ġwanni 16:23.

[Nota taʼ taħt]

a Skond il-​Vine’s Expository Dictionary of New Testament Words, il-​kelma Griega tradotta “isem” tistaʼ tirreferi għal “dak kollu li l-​isem jimplika, awtorità, karattru, pożizzjoni, maestà, qawwa, [u] eċċellenza.”

[Kumment f’paġna 13]

Aħna għandna nitolbu ‘b’qalbna kollha,’ mhux b’mod mekkaniku

[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]

L-​IRWOL VITALI TAʼ ĠESÙ

Biex tifhem sew l-​irwol taʼ Ġesù, ikkunsidra xi ftit mit-​titli, deskrizzjonijiet, u ismijiet li japplikaw għalih.

L-​Aġent Ewlieni tal-​Ħajja.—Atti 3:15.

L-​Aħħar Adam.—1 Korintin 15:45.

Alla Setgħan.—Isaija 9:6.

L-​Amen.—2 Korintin 1:19, 20; Rivelazzjoni 3:14.

Appostlu.—Ebrej 3:1.

Bin il-​Bniedem.—Mattew 8:20.

Emmanuwel.—Mattew 1:23.

Għalliem.—Ġwanni 13:13.

Il-​Ħaruf t’Alla.—Ġwanni 1:29.

L-​Iben t’Alla.—Ġwanni 1:34.

Imħallef.—Atti 10:42.

Kap tal-​Kongregazzjoni. —Efesin 5:23.

Il-​Kelma.—Ġwanni 1:1.

Kristu/Messija.—Mattew 16:16; Ġwanni 1:41.

Kunsillier taʼ l-​Għaġeb.—Isaija 9:6.

Medjatur.—1 Timotju 2:5.

Mexxej.—Mattew 23:10.

Mikiel l-​Arkanġlu.—1 Tessalonikin 4:16; Ġuda 9.

Missier għal Dejjem.—Isaija 9:6.

Mulej.—Ġwanni 13:13.

Prinċep tas-​Sliem.—Isaija 9:6.

Qassis il-​Kbir.—Ebrej 4:14, 15.

Ragħaj mill-​Aħjar.—Ġwanni 10:11.

Salvatur.—Luqa 2:11.

Sultan.—Rivelazzjoni 11:15.

Xhud Leali.—Rivelazzjoni 1:5.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja