LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 8/1 pp. 7-12
  • Tistaʼ Int ‘Tagħżel Bejn it-Tajjeb u l-Ħażin’?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Int ‘Tagħżel Bejn it-Tajjeb u l-Ħażin’?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Il-​Filosofija u l-​Kliem Qarrieq u Fieragħ’ tad-​Dinja
  • Dawk li Jsejħu “Tajjeb il-​Ħażin, u Ħażin it-​Tajjeb”
  • Nitgħallmu X’Jogħġob lil Alla
  • Inħarrġu s-​Sens taʼ li Nkunu Nafu Nagħżlu
  • Ħarreġ bl-​Użu s-​Sens taʼ li Tkun Taf Tagħżel
  • Kompli Ħarreġ is-Sensi Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Żgħażagħ—Ħarrġu s-Sens Tagħkom Biex Tagħżlu!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Żviluppa s-Sens Tiegħek biex Tagħżel
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Ħu Deċiżjonijiet Personali bil-Għaqal
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 8/1 pp. 7-12

Tistaʼ Int ‘Tagħżel Bejn it-​Tajjeb u l-​Ħażin’?

“Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-​Mulej.”—EFESIN 5:10.

1. Illum il-​ħajja b’liema mod tistaʼ tħawwadna, u għala?

“JIEN naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Din l-​osservazzjoni taʼ Ġeremija mimlija dehen tapplika għalina llum b’iktar forza. Għala? Għax aħna qegħdin ngħixu fi “żmien iebes,” bħalma bassret il-​Bibbja. (2 Timotju 3:1) Kuljum inħabbtu wiċċna maʼ sitwazzjonijiet li jħawduna u li dwarhom ikollna nieħdu xi deċiżjoni. Kemm jekk ikunu kbar u kemm jekk ikunu żgħar, dawn id-​deċiżjonijiet jistaʼ jkollhom effett profond fuq l-​istat tagħna—fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment.

2. Liema għażliet jistgħu jitqiesu taʼ ftit importanza, u madankollu l-​Kristjani dedikati kif iħarsu lejhom?

2 Ħafna mill-​għażliet li nagħmlu fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum jistgħu jkunu taʼ rutina jew taʼ ftit importanza. Per eżempju, kuljum ngħaddu mill-​proċess fejn irridu nagħżlu x’se nilbsu, x’se nieklu, maʼ min se niltaqgħu, u nibqgħu sejrin. Dawn l-​għażliet nagħmluhom kważi awtomatikament, bi ftit ħsieb. Imma huma dawn il-​kwistjonijiet tassew taʼ ftit importanza? Għall-​Kristjani dedikati, hija kwistjoni taʼ tħassib profond li l-​għażliet li nagħmlu fl-​ilbies u d-​dehra tagħna, fl-​ikel u x-​xorb tagħna, u fid-​diskors u l-​kondotta tagħna jkunu jirriflettu dejjem l-​irwol li għandna bħala qaddejja taʼ l-​Iktar Għoli, Alla Jehovah. Hawnhekk niġu mfakkrin fi kliem l-​appostlu Pawlu: “Sew jekk tieklu, sew jekk tixorbu, tagħmlu x’tagħmlu, agħmlu kollox għall-​glorja taʼ Alla.”—1 Korintin 10:31; Kolossin 4:6; 1 Timotju 2:​9, 10.

3. Liema għażliet huma taʼ tħassib serju ġenwinament?

3 Imbagħad hemm għażliet li huma taʼ tħassib saħansitra iktar serju. Per eżempju, id-​deċiżjoni jekk tiżżewwiġx jew jekk tibqax ġuvni jew xebba żgur li jkollha effett profond u dejjiemi fuq ħajtek. Hija ħaġa ċerta li l-​għażla tal-​persuna xierqa biex tiżżewwiġha, biex tkun is-​sieħba tiegħek għal għomrok, m’hijiex xi kwistjoni żgħira.a (Proverbji 18:22) Iżjed minn hekk, l-​għażla tagħna f’dawk li huma ħbieb u mseħbin, fl-​edukazzjoni, fl-​impjieg, u fid-​divertiment u r-​rikreazzjoni għandha rwol influwenti, saħansitra deċiżiv, fl-​ispiritwalità tagħna—għaldaqstant, fil-​ġid etern tagħna.—Rumani 13:​13, 14; Efesin 5:​3, 4.

4. (a) Liema abbiltà hi mixtieqa ferm? (b) Liema mistoqsijiet għandna bżonn inqisu?

4 Quddiem dan kollu, żgur li nixtiequ li jkollna l-​abbiltà li niddistingwu bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin jew bejn dak li jidher li hu tajjeb u dak li hu tajjeb tassew. “Xi ħadd jistaʼ jaħseb li triqtu dritta, iżda mbagħad tmiemha jwassal għall-​mewt,” twissi l-​Bibbja. (Proverbji 14:12) B’hekk, nistgħu nistaqsu: ‘Kif nistgħu niżviluppaw l-​abbiltà li niddistingwu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin? Fejn nistgħu nduru sabiex insibu l-​gwida meħtieġa fid-​deċiżjonijiet li nieħdu? X’għamlu n-​nies, fil-​passat u fil-​preżent, f’dan ir-​rigward, u x’kien ir-​riżultat?’

‘Il-​Filosofija u l-​Kliem Qarrieq u Fieragħ’ tad-​Dinja

5. Il-​Kristjani tal-​bidu f’liema tip taʼ dinja kienu jgħixu?

5 Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu għexu f’dinja dominata minn valuri u ideali Griegi u Rumani. Minn banda waħda, kien hemm il-​kumditajiet u l-​lussu taʼ kif kienu jgħixu r-​Rumani, xi ħaġa li ħafna kienu għajjurin għaliha. Mill-​banda l-​oħra, l-​intellettwali taʼ dak iż-​żmien kienu qed iġibu ’l quddiem mhux biss l-​ideat filosofiċi taʼ Platun u Aristotele imma wkoll dawk taʼ skejjel li kienu iktar ġodda, bħalma kienu l-​Epikurin u l-​Istojċi. Meta l-​appostlu Pawlu wasal Ateni fuq it-​tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, hu ħabbat wiċċu maʼ filosfi Epikurin u Stojċi li ħassewhom superjuri għal “dan il-​lablâb,” Pawlu.—Atti 17:18.

6. (a) Xi wħud mill-​Kristjani tal-​bidu x’ġew ittantati biex jagħmlu? (b) Pawlu liema twissija ta?

6 Għalhekk, huwa faċli biex tifhem għala xi wħud mill-​Kristjani tal-​bidu nġibdu lejn il-​modi taʼ kburija u l-​istili taʼ ħajja tan-​nies taʼ madwarhom. (2 Timotju 4:10) Dawk li kienu ħaġa waħda mas-​sistema donnhom li kienu jgawdu ħafna benefiċċji u vantaġġi, u l-​għażliet li għamlu dehru li jagħmlu sens. Id-​dinja donnha li kellha xi ħaġa taʼ valur x’toffrilhom, xi ħaġa li l-​mod taʼ ħajja taʼ Kristjan dedikat ma kellux. Madankollu, l-​appostlu Pawlu wissa: “Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin; skond il-​prinċipji tad-​dinja u mhux taʼ Kristu.” (Kolossin 2:8) Pawlu għala qalu dan?

7. L-​għerf tad-​dinja għal liema ħaġa jammonta tassew?

7 Pawlu ta din it-​twissija għaliex ħass li kien hemm periklu reali moħbi wara l-​ħsieb taʼ dawk li nġibdu lejn id-​dinja. Il-​fatt li uża t-​terminu “filosofija u kliem qarrieq” huwa sinifikanti b’mod speċjali. Il-​kelma “filosofija” tfisser letteralment “l-​imħabba għall-​għerf u l-​ġiri warajh.” Dan fih innifsu jistaʼ jkun taʼ benefiċċju. Fil-​fatt, il-​Bibbja, b’mod partikulari fil-​ktieb tal-​Proverbji, tinkuraġġixxi l-​ġiri wara t-​tip xieraq t’għarfien u għerf. (Proverbji 1:​1-7; 3:​13-18) Madankollu, Pawlu rabat il-​“filosofija” mal-​“kliem qarrieq.” Fi kliem ieħor, Pawlu qies li l-​għerf li kellha x’toffri d-​dinja kien vojt u qarrieq. Bħal ballun minfuħ, kellu d-​dehra li kien sod, imma minn ġewwa kien vojt. Tkun ċertament ħaġa fiergħa, saħansitra diżastruża, li tibbaża l-​għażla tiegħek taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin fuq xi ħaġa li hi vojta bħall-​“filosofija u kliem qarrieq” tad-​dinja.

Dawk li Jsejħu “Tajjeb il-​Ħażin, u Ħażin it-​Tajjeb”

8. (a) In-nies lejn min iduru għall-​pariri? (b) X’tip taʼ pariri jingħataw?

8 Illum l-​affarijiet ma tantx inbidlu. Kważi f’kull qasam taʼ l-​attività tal-​bniedem, hemm esperti kemm trid. Uħud li jagħtu pariri fuq iż-​żwieġ u l-​familja, kittieba fil-​gazzetti, uħud li jriduha taʼ terapisti, astroloġi, psikoloġi, u oħrajn huma lesti li jagħtuk xi parir—basta tħallashom. Imma x’tip taʼ pariri qed jingħataw? Spiss, il-​livelli tal-​Bibbja dwar il-​moralità jitwarrbu biex jagħmlu l-​wisaʼ għall-​hekk imsejħa moralità ġdida. Per eżempju, waqt li kien qed jitkellem dwar il-​fatt li l-​gvern ma riedx jirreġistra “żwiġijiet bejn persuni taʼ l-​istess sess,” editorjal f’waħda mill-​gazzetti prinċipali tal-​Kanada, The Globe and Mail, iddikjara: “Fis-​sena 2000, hija ħaġa assurda li tnejn min-​nies li jħobbu lil xulxin u li huma dedikati għandhom jiġu mċaħħdin mix-​xewqa l-​iktar għażiża għalihom għaliex jinzertaw li huma taʼ l-​istess sess.” Illum ix-​xejra hi li tkun tolleranti, mhux li tikkundanna. Kollox jitqies bħala li hu relattiv; m’għad hemm xejn li hu assolut f’dak li hu tajjeb jew ħażin.—Salm 10:​3, 4.

9. Nies li huma meqjusin li jixirqilhom ir-​rispett fis-​soċjetà x’jagħmlu spiss?

9 Hemm oħrajn li, meta jkunu se jieħdu xi deċiżjoni, iħarsu lejn dawk li rnexxew soċjalment u finanzjarjament—in-​nies għonja u famużi—bħala wħud taʼ min jimitahom. Għalkemm in-​nies għonja u famużi jitqiesu bħala li jixirqilhom ir-​rispett fis-​soċjetà taʼ llum, huwa spiss bil-​kliem biss li dawn jemmnu fl-​onestà u fil-​fiduċja, mhux bil-​fatti. Fil-​ġiri tagħhom wara l-​poter u l-​profitti, ħafna lanqas xejn ma jiddejqu jiksru r-​regoli u jitfgħu l-​prinċipji morali taħt saqajhom. Biex jiksbu l-​fama u l-​popolarità, xi wħud iwarrbu l-​valuri u l-​livelli stabbiliti bħallikieku m’huma xejn u jippreferu mġiba li mhix normali u li tixxokkja. Ir-​riżultat hu soċjetà permissiva li moħħha fil-​profitti u li għandha l-​motto, “Kollox jgħaddi.” Għalhekk, jissorprendik li n-​nies huma mħawdin u mitlufin fejn għandu x’jaqsam it-​tajjeb jew il-​ħażin?—Luqa 6:39.

10. Kliem Isaija dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin kif wera li kien veru?

10 Il-​konsegwenzi traġiċi taʼ deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fuq il-​bażi taʼ gwida difettuża nistgħu narawhom madwarna—żwiġijiet u familji mkissrin, abbuż tad-​drogi u taʼ l-​alkoħol, gruppi taʼ żgħażagħ vjolenti, taħlit taʼ relazzjonijiet sesswali bejn diversi persuni, mard trasmess sesswalment, biex insemmu biss ftit. Tassew, kif nistgħu nistennew li l-​affarijiet ikunu xort’oħra meta n-​nies jabbandunaw il-​livelli jew il-​punti taʼ referenza kollha meta jiġu biex jagħżlu t-​tajjeb u l-​ħażin? (Rumani 1:​28-32) Huwa sewwa sew bħalma ddikjara l-​profeta Isaija: “Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il-​ħażin, u ħażin it-​tajjeb; u jibdlu d-​dlam mad-​dawl, li jibdlu l-​morr mal-​ħelu, u l-​ħelu mal-​morr. Gwaj għal dawk li huma għorrief f’għajnejhom, u mingħalihom għandhom id-​dehen.”—Isaija 5:​20, 21.

11. Għala m’huwiex għaqli li tistrieħ fuqek innifsek meta tkun qed tiddetermina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin?

11 Il-​fatt li Alla talab kont mingħand dawk il-​Lhud tal-​qedem li saru “għorrief f’għajnejhom” jagħmilha saħansitra iktar importanti għalina li nevitaw li nistrieħu fuqna nfusna biex niddeterminaw x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Ħafna nies illum jaqblu maʼ l-​idea li “għandek tismaʼ biss minn dak li tgħidlek qalbek,” jew “agħmel dak li tħoss li hu tajjeb.” Tagħmel sens din l-​attitudni? Mhux skond il-​Bibbja, li tgħid b’mod ċar: “Fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Tistrieħ int fuq bniedem qarrieq u mħassar biex jiggwidak meta tkun se tieħu xi deċiżjoni? Ma tantx. Fil-​fatt, x’aktarx li tagħmel preċiż l-​oppost taʼ dak li jgħidlek bniedem bħal dan. Huwa għalhekk li l-​Bibbja tfakkarna: “Min jafda fih innifsu hu iblah, imma min jimxi fit-​triq taʼ l-​għerf jimxi fis-​sod.”—Proverbji 3:​5-7; 28:26.

Nitgħallmu X’Jogħġob lil Alla

12. Għala għandna bżonn nagħrfu x’inhi r-​“rieda taʼ Alla”?

12 Ladarba la għandna nistrieħu fuq l-​għerf tad-​dinja u lanqas fuqna nfusna meta niġu biex nagħżlu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, x’għandna nagħmlu? Innota dan il-​parir ċar mingħand l-​appostlu Pawlu: “Timxux max-​xejra taʼ din id-​dinja, iżda nbidlu skond it-​tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-​rieda taʼ Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Għala rridu nagħrfu x’inhi r-​rieda t’Alla? Fil-​Bibbja, Jehovah jagħti raġuni sinċiera imma fl-​istess ħin qawwija, billi jgħid: “Daqs kemm huma ogħla s-​smewwiet mill-​art, daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-​fehmiet tiegħi mill-​fehmiet tagħkom.” (Isaija 55:9) B’hekk, minflok ma nistrieħu fuq l-​hekk imsejjaħ sens komun jew fuq is-​sentimenti tagħna, niġu mwiddbin: “Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-​Mulej.”—Efesin 5:10.

13. Il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwann 17:3 kif jenfasizza l-​ħtieġa li tkun taf x’jogħġob lil Alla?

13 Ġesù Kristu enfasizza din il-​ħtieġa meta qal: “Din hi l-​ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Il-​kelma “jagħrfu” għandha tifsira ferm iktar profonda minn sempliċi “jafu.” Skond Vine’s Expository Dictionary, din “tindika relazzjoni bejn il-​persuna li taf u l-​oġġett magħruf; f’dan ir-​rigward, dak li hu magħruf huwa taʼ valur jew importanza għall-​wieħed li jaf, u b’hekk tiġi stabbilita r-​relazzjoni.” Biex ikollok relazzjoni maʼ xi ħadd ma tridx biss tkun taf min hu dan l-​individwu jew x’jismu. Jinvolvi wkoll li tkun taf xi jħobb u x’ma jħobbx, u tkun taf il-​valuri tiegħu, il-​livelli tiegħu—u tonorahom.—1 Ġwann 2:3; 4:8.

Inħarrġu s-​Sens taʼ li Nkunu Nafu Nagħżlu

14. Pawlu x’qal li kienet id-​distinzjoni ewlenija bejn it-​trabi spiritwali u n-​nies maturi?

14 Allura, kif nistgħu niksbu l-​abbiltà biex niddistingwu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin? It-​tweġiba nsibuha fil-​kliem taʼ Pawlu lill-​Kristjani Ebrej taʼ l-​ewwel seklu. Hu kiteb: “Kulmin jieħu mill-​ħalib mhux midħla tal-​kelma taʼ tjieba, għax hu tarbija. Imma l-​ikel solidu jappartjeni lil nies maturi, lil dawk li permezz taʼ l-​użu għandhom il-​fakultajiet perċettivi tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” Pawlu hawnhekk għamel kuntrast bejn il-​“ħalib,” li hu ddeskriva fil-​vers taʼ qabel bħala “l-​affarijiet elementari tal-​pronunzjamenti sagri t’Alla,” u “l-​ikel solidu,” li hu tan-​“nies maturi,” “dawk li permezz taʼ l-​użu għandhom il-​fakultajiet perċettivi tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:​12-14, NW.

15. Għala huwa meħtieġ xogħol iebes biex niksbu għarfien eżatt dwar Alla?

15 L-​ewwelnett, dan ifisser li rridu naħdmu iebes biex niksbu fehma eżatta tal-​livelli t’Alla kif insibuhom fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. M’aħniex infittxu xi lista taʼ regoli biex jgħidulna x’għandna jew x’m’għandniex nagħmlu. Il-​Bibbja m’hijiex ktieb taʼ din ix-​xorta. Minflok, Pawlu spjega: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.” (2 Timotju 3:​16, 17) Biex nibbenefikaw minn dan it-​tagħlim, iċ-​ċanfir, u t-​twiddib, irridu nużaw moħħna u l-​abbiltà li naħsbu. Dan jirrikjedi sforz, imma r-​riżultat—li nkunu ‘perfetti, imħejjijin għal kull ħidma tajba’—jiswieh l-​isforz li tagħmel.—Proverbji 2:​3-6.

16. Xi jfisser li jkollok il-​fakultajiet perċettivi mħarrġin?

16 Imbagħad, bħalma indika Pawlu, in-​nies maturi “għandhom il-​fakultajiet perċettivi tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” Hawnhekk niġu għall-​qofol tal-​kwistjoni. L-​espressjoni “għandhom il-​fakultajiet perċettivi tagħhom imħarrġin” tfisser letteralment li “l-​organi tas-​sens ġew imħarrġin (bħal ġinnasta).” (Kingdom Interlinear Translation) Ġinnasta taʼ l-​esperjenza li jkun fuq apparat magħżul, bħalma huma ċ-​ċrieki jew travu bilanċjat, jistaʼ f’ħakka t’għajn iwettaq manuvri li donnhom jisfidaw il-​gravità jew liġijiet oħrajn tan-​natura. Hu jkollu kontroll sħiħ fuq il-​membri taʼ ġismu l-​ħin kollu, u jħoss kważi istintivament liema mossi jrid jagħmel sabiex ikun jistaʼ jlesti l-​eżerċizzju tiegħu b’suċċess. Dan kollu huwa r-​riżultat taʼ taħriġ rigoruż u prattika li ma taqtaʼ xejn.

17. Aħna f’liema sens għandna nkunu bħal ġinnasti?

17 B’mod spiritwali, aħna wkoll irridu niġu mħarrġin bħal ġinnasta jekk irridu nkunu ċerti li d-​deċiżjonijiet u l-​għażliet li nagħmlu jkunu dejjem jagħmlu sens. Irridu l-​ħin kollu jkollna kontroll sħiħ fuq is-​sensi tagħna u fuq il-​membri taʼ ġisimna. (Mattew 5:​29, 30; Kolossin 3:​5-10) Per eżempju, tiddixxiplinahom int għajnejk biex ma tħarisx lejn materjal immorali jew widnejk biex ma tismax mużika jew diskors degradanti? Huwa minnu li aħna mdawrin b’materjal degradanti bħal dan. Madankollu, xorta waħda jiddependi minna jekk inħalluhx irabbi l-​għeruq f’qalbna u f’moħħna. Nistgħu nimitaw lis-​salmista li qal: “Ebda ħaġa ħażina ma nżomm quddiem għajnejja. Nobgħod ’il min jagħmel il-​ħażen, u ma norbotx qalbi miegħu. . . . Ma jżommx quddiemi min jitkellem bil-​gideb.”—Salm 101:​3, 7.

Ħarreġ bl-​Użu s-​Sens taʼ li Tkun Taf Tagħżel

18. X’inhu suġġerit bl-​espressjoni “permezz taʼ l-​użu” fl-​ispjega taʼ Pawlu dwar li wieħed iħarreġ is-​sens taʼ li jkun jaf jagħżel?

18 Żomm f’moħħok li huwa “permezz taʼ l-​użu” li aħna jistaʼ jkollna l-​fakultajiet perċettivi tagħna, is-​sens taʼ li nkunu nafu nagħżlu, imħarrġin biex niddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin. Fi kliem ieħor, kull darba li niffaċċjaw xi deċiżjoni, għandna nitgħallmu nużaw il-​qawwiet mentali tagħna biex nagħrfu liema prinċipji tal-​Bibbja jkunu involuti u kif jistgħu jiġu applikati. Żviluppa d-​drawwa li tagħmel riċerka fil-​pubblikazzjonijiet Bibliċi provduti permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:​45, NW) M’għandniex xi ngħidu, nistgħu nfittxu l-​għajnuna taʼ Kristjani maturi. Xorta waħda, l-​isforz persunali tagħna biex nistudjaw il-​Kelma t’Alla, flimkien maʼ talb lil Jehovah għall-​gwida u l-​ispirtu tiegħu, eventwalment se jkunu taʼ ġid kbir.—Efesin 3:​14-19.

19. Liema barkiet jistgħu jkunu tagħna jekk il-​fakultajiet perċettivi tagħna nħarrġuhom progressivament?

19 Hekk kif inħarrġu progressivament il-​fakultajiet perċettivi tagħna, il-​mira tkun li “ma nkunux aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim bil-​qerq tal-​bnedmin u bl-​ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-​iżball.” (Efesin 4:14) Pjuttost, billi nibbażaw fuq l-​għarfien u l-​fehma tagħna dwar dak li jogħġob lil Alla, nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, kbar u żgħar, li jkunu taʼ benefiċċju għalina, jibnu lil sħabna fit-​twemmin, u fuq kollox jogħġbu lil Missierna tas-​sema. (Proverbji 27:11) X’barka u protezzjoni hija din f’dawn iż-​żminijiet kritiċi!

[Nota taʼ taħt]

a F’lista taʼ iktar minn 40 esperjenza mill-​iktar stressanti fil-​ħajja tan-​nies, miġbura flimkien minn Drs. Thomas Holmes u Richard Rahe, il-​mewt taʼ xi ħadd mill-​imseħbin fiż-​żwieġ, id-​divorzju, u s-​separazzjoni jokkupaw l-​ewwel tliet postijiet. Iż-​żwieġ qiegħed fis-​sebaʼ post.

Tistaʼ Tispjega?

• Liema abbiltà hi meħtieġa biex nieħdu deċiżjonijiet li jagħmlu sens?

• Għala m’huwiex għaqli li nfittxu nies prominenti jew li nistrieħu fuq is-​sentimenti tagħna stess meta niddeċiedu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin?

• Għala għandna nkunu ċerti dwar dak li jogħġob lil Alla meta nieħdu xi deċiżjoni, u dan kif nistgħu nagħmluh?

• Xi jfisser li ‘jkollna l-​fakultajiet perċettivi tagħna mħarrġin’?

[Stampa f’paġna 9]

Huwa għalxejn li tfittex uħud li huma għonja u famużi biex jiggwidawk

[Stampa f’paġna 10]

Bħal ġinnasta, irid ikollna kontroll sħiħ fuq is-​sensi kollha tagħna u fuq il-​membri taʼ ġisimna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja