Min se Jiġi Rxoxtat?
“Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.”—ĠWANNI 5:28, 29.
1. Mosè liema dikjarazzjoni taʼ l-għaġeb semaʼ mill-għollieq jaqbad, u iktar tard min tenna dan il-kliem?
IKTAR minn 3,500 sena ilu ġrat xi ħaġa verament mhux tas-soltu. Mosè kien qed jieħu ħsieb in-nagħaġ tal-patrijarka Ġetro. Biswit il-Muntanja Ħoreb, l-anġlu taʼ Ġeħova deher lil Mosè f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. “Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm,” jgħidilna r-rakkont taʼ l-Eżodu. Imbagħad leħen sejjaħlu mill-għollieq. “Jien hu Alla taʼ missirijietek,” ddikjara l-leħen, “Alla taʼ Abraham, Alla taʼ Iżakk u Alla taʼ Ġakobb.” (Eżodu 3:1-6) Iktar tard, fl-ewwel seklu E.K., dan il-kliem ġie mtenni mill-Iben t’Alla nnifsu, Ġesù.
2, 3. (a) Liema prospett hemm jistenna lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb? (b) Liema mistoqsijiet iqumu?
2 Ġesù kien qed jitkellem maʼ xi Sadduċej, li ma kinux jemmnu fl-irxoxt. Ġesù qal: “Li l-mejtin jiġu mqajmin anki Mosè rrivelah, fir-rakkont dwar l-għollieqa, meta jsejjaħ lil Ġeħova ‘l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Iżakk u l-Alla taʼ Ġakobb.’ Hu mhux Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin, għax kollha ħajjin għalih.” (Luqa 20:27, 37, 38) B’dan il-kliem Ġesù kkonferma li mill-ħarsa t’Alla, għalkemm Abraham, Iżakk, u Ġakobb kienu ilhom mejtin, kienu għadhom ħajjin fil-memorja t’Alla. Bħal Ġob, huma qed jistennew it-tmiem tas-“servizz” tagħhom, ir-raqda tagħhom fil-mewt. (Ġob 14:14) Fid-dinja l-ġdida t’Alla, huma se jiġu rxoxtati.
3 Iżda xi ngħidu għall-biljuni taʼ nies li mietu matul l-istorja umana? Dawn ukoll se jiġu rxoxtati? Qabel ma nkunu nistgħu nieħdu tweġiba sodisfaċenti għal din il-mistoqsija, ejja naraw mill-Kelma t’Alla fejn imorru n-nies meta jmutu.
Fejn Huma l-Mejtin?
4. (a) In-nies fejn imorru meta jmutu? (b) X’inhu Xeol?
4 Il-Bibbja tiddikjara li l-mejtin “ma jafu xejn.” Fil-mewt m’hemm ebda turment fin-nar taʼ l-infern, ebda stennija twila u diffiċli fil-Limbu; wieħed sempliċement jerġaʼ lura fit-trab. Għalhekk, il-Kelma t’Alla tagħti lill-ħajjin dan il-parir: “Kull ma ssib x’tagħmel, agħmlu b’ħiltek kollha għax ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [“Xeol,” NW] fejn inti sejjer.” (Koħèlet 9:5, 10; Ġenesi 3:19) Ħafna nies m’humiex familjari mat-terminu “Xeol.” Hija kelma Ebrajka li ħadd ma jaf eżatt l-oriġini tagħha. Ħafna reliġjonijiet jgħallmu li l-mejtin għadhom ħajjin, imma bħalma turi l-Kelma mnebbħa t’Alla, dawk f’Xeol huma mejtin u ma jafu xejn. Xeol huwa l-qabar komuni taʼ l-umanità.
5, 6. Ġakobb fejn mar meta miet, u maʼ min ngħaqad hemmhekk?
5 Fil-Bibbja bil-lingwa oriġinali, il-kelma “Xeol” tidher l-ewwel darba f’Ġenesi 37:35. Meta l-patrijarka Ġakobb ħaseb li kien tilef ’l ibnu l-maħbub Ġużeppi, hu ma riedx jaf b’faraġ u qal: “Mnikket sa ninżel taħt l-art [“f’Xeol,” NW] ħdejn ibni.” Peress li kienu tawh x’jifhem li ibnu kien mejjet, Ġakobb xtaq imut u jkun f’Xeol. Iktar tard, disgħa minn ulied Ġakobb riedu jieħdu magħhom lil ħuhom iż-żgħir, Benjamin, lejn l-Eġittu sabiex iġibu l-ikel u jtaffu l-ġuħ. Madankollu, Ġakobb ma riedx, u qalilhom: “Ibni ma jinżilx magħkom; għax ħuh miet u hu baqaʼ waħdu. U jekk jiġrilu xi għawġ fit-triq, li sejrin fiha, tniżżluli xjuħiti bil-għali fil-qabar [“f’Xeol,” NW].” (Ġenesi 42:36, 38) Dawn iż-żewġ referenzi jorbtu l-mewt maʼ Xeol, mhux maʼ xi tip taʼ ħajja oħra wara l-mewt.
6 Ir-rakkont tal-Ġenesi jgħidilna li, fl-Eġittu, Ġużeppi kien sar l-amministratur li jqassam l-ikel. Għaldaqstant, Ġakobb setaʼ jmur hemmhekk u b’ferħ kbir jerġaʼ jingħaqad maʼ Ġużeppi. Wara dan, Ġakobb baqaʼ jgħix f’dik l-art sakemm miet fl-età avanzata taʼ 147 sena. Sabiex jaqtgħulu x-xewqa li esprima meta kien qed imut, uliedu ħadu l-fdalijiet tiegħu u difnuhom fl-għar taʼ Makfela fl-art taʼ Kangħan. (Ġenesi 47:28; 49:29-31; 50:12, 13) B’hekk, Ġakobb ngħaqad maʼ Iżakk, missieru, u m’Abraham, nannuh.
‘Inġabru maʼ Missirijiethom’
7, 8. (a) Abraham fejn mar meta miet? Spjega. (b) X’juri li oħrajn marru f’Xeol meta mietu?
7 Żmien qabel, meta Ġeħova kkonferma l-patt tiegħu m’Abraham u wiegħdu li nislu kien se joktor ħafna, hu indika x’kien se jiġrilu Abraham. Ġeħova qallu: “Int tmur bis-sliema għand missirijietek u tindifen meta tkun xjeħt sewwa.” (Ġenesi 15:15) U hekk ġara eżatt. Ġenesi 25:8 jgħid: “U Abraham ħa l-aħħar nifs u miet, wara xjuħija sewwa, xiħ mimli bil-għomor, u nġabar maʼ niesu.” Min kienu dawn? F’Ġenesi 11:10-26 insibu l-lista taʼ l-antenati tiegħu li tiħodna lura sa Sem, bin Noè. Mela, meta miet, Abraham inġabar maʼ dawn l-uħud li diġà kienu reqdin f’Xeol.
8 L-espressjoni “nġabar maʼ niesu” tidher taʼ sikwit fl-Iskrittura Ebrajka. Għaldaqstant, huwa loġiku li tikkonkludi li kemm bin Abraham, Ismagħel, u kemm ħu Mosè, Aron, marru f’Xeol meta mietu, fejn qed jistennew l-irxoxt. (Ġenesi 25:17; Numri 20:23-29) Fi qbil maʼ dan, Mosè wkoll mar f’Xeol, għalkemm ħadd ma kien jaf fejn kien qabru. (Numri 27:13; Dewteronomju 34:5, 6) B’mod simili, Ġożwè, is-suċċessur taʼ Mosè bħala mexxej taʼ Iżrael, flimkien maʼ ġenerazzjoni sħiħa taʼ nies, ukoll niżel f’Xeol meta miet.—Mħallfin 2:8-10.
9. (a) Il-Bibbja kif turi li l-kelma Ebrajka “Xeol” u l-kelma Griega “Ħades” jirreferu għall-istess post? (b) Liema prospett għandhom dawk li qegħdin f’Xeol, jew Ħades?
9 Sekli wara, David sar sultan fuq it-12-il tribù taʼ Iżrael. Meta miet, hu “strieħ maʼ missirijietu.” (1 Slaten 2:10) Hu wkoll kien f’Xeol? Xi ħaġa interessanti hi li, f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., l-appostlu Pietru rrefera għall-mewt taʼ David u kkwota Salm 16:10: “Għax int ma titlaqnix fl-imwiet [“f’Xeol,” NW].” Wara li semma li David kien għadu f’qabru, Pietru applika dan il-kliem għal Ġesù u indika li David “ra minn qabel u tkellem dwar l-irxoxt tal-Kristu, li la kien abbandunat f’Ħades u lanqas ġismu ma ra t-taħsir. Lil dan Ġesù Alla rxoxtah, u taʼ dan il-fatt aħna lkoll xhieda.” (Atti 2:29-32) Hawnhekk Pietru uża l-kelma “Ħades,” il-kelma ekwivalenti bil-Grieg għall-kelma Ebrajka “Xeol.” Għalhekk, dawk li jintqal li huma f’Ħades qegħdin fl-istess kundizzjoni taʼ dawk li jintqal li huma f’Xeol. Huma reqdin u qed jistennew l-irxoxt.
Hemm Uħud f’Xeol li M’Humiex Nies Sewwa?
10, 11. Għala nistgħu ngħidu li xi wħud li m’humiex nies sewwa jmorru f’Xeol, jew Ħades, meta jmutu?
10 Wara li Mosè ħareġ lill-ġens taʼ Iżrael mill-Eġittu, qam irvell fix-xagħri. Mosè qal lill-poplu biex jinfired minn max-xewwiexa ewlenin—Koraħ, Datan, u Abiram. Dawn kienu se jmutu mewta vjolenti. Mosè spjega: “Jekk dawn imutu bħalma jmut kull bniedem, u jekk tmisshom ix-xorti li tmiss lil kull bniedem, ma jkunx bagħatni l-Mulej. Imma jekk il-Mulej jagħmel xi ħaġa taʼ l-għaġeb, u tinfetaħ l-art u tiftaħ l-art fommha, u tiblaʼ lilhom u kull ma għandhom, u jinżlu ħajjin f’qiegħ l-art [“Xeol,” NW], tkunu tafu li dawn in-nies ħaduha kontra l-Mulej.” (Numri 16:29, 30) Għalhekk, sew jekk permezz taʼ l-art li nfetħet u belgħethom u sew jekk permezz tan-nar li ħaraqhom bħal fil-każ taʼ Koraħ u l-250 Levita li żammew miegħu, dawn ir-ribelli kollha spiċċaw f’Xeol, jew Ħades.—Numri 26:10.
11 Simgħi, li kien seħet lis-Sultan David, ngħata dak li ħaqqu minn Salamun, is-suċċessur taʼ David. “Tħallihx bla kastig,” ikkmandah David, “int bniedem għaref, u taf x’għandek tagħmillu: tniżżillu xjuħitu bid-demm lejn il-qabar [“Xeol,” NW].” Salamun ordna lil Benajja jesegwixxi s-sentenza. (1 Slaten 2:8, 9, 44-46) Raġel ieħor li ġie maqtul minn Benajja kien Ġowab, li qabel kien il-kmandant taʼ l-armata taʼ Iżrael. ‘Xjuħitu ma niżlitx bis-sliem fost il-mejtin [“f’Xeol,” NW].’ (1 Slaten 2:5, 6, 28-34) Dawn iż-żewġ eżempji huma xiehda taʼ kemm hi minnha l-għanja mnebbħa taʼ David: “Jinżlu l-ħżiena f’qiegħ l-art [“Xeol,” NW], il-ġnus kollha li jinsew ’l Alla.”—Salm 9:18 (9:17, NW).
12. Min kien Aħitofel, u fejn mar meta miet?
12 Aħitofel kien il-kunsillier persunali taʼ David. Il-pariri tiegħu kienu meqjusin bħallikieku kienu ġejjin minn Ġeħova nnifsu. (2 Samwel 16:23) B’sogħba, dan il-qaddej fdat sar traditur u ngħaqad fi rvell immexxi minn Absalom, bin David. Mid-dehra, David kien qed jirreferi għal dan it-tradiment meta kiteb: “M’huwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. M’hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu.” David kompla: “Ħa taqaʼ l-mewt fuqhom, ħa jinżlu ħajjin fl-imwiet [“f’Xeol,” NW], għax il-ħażen jgħammar fosthom.” (Salm 55:13-16 [55:12-15, NW]) Meta mietu, Aħitofel u sħabu marru f’Xeol.
Min Hemm f’Geħenna?
13. Ġuda għala hu msejjaħ “bin il-qerda”?
13 Qabbel is-sitwazzjoni taʼ David maʼ dik taʼ Ġesù, David Akbar. Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-12-il appostlu taʼ Kristu, sar traditur bħal Aħitofel. L-att qarrieqi taʼ Ġuda kien ferm iktar serju minn dak t’Aħitofel. Ġuda aġixxa kontra l-Iben uniġenitu t’Alla. Meta kien qed jitlob fi tmiem il-ministeru tiegħu fuq l-art, l-Iben t’Alla qal hekk dwar is-segwaċi tiegħu: “Meta kont magħhom, kont inħarishom minħabba ismek stess li tajtni; u żammejthom, u lanqas wieħed minnhom ma nqered ħlief bin il-qerda, sabiex titwettaq l-iskrittura.” (Ġwanni 17:12) Billi hawnhekk irrefera għal Ġuda bħala “bin il-qerda,” Ġesù indika li meta miet Ġuda, ma kien hemm ebda tama taʼ rxoxt għalih. Hu ma baqax jgħix fil-memorja t’Alla. Ma marx f’Xeol, imma f’Geħenna. X’inhi Geħenna?
14. X’tirrappreżenta Geħenna?
14 Ġesù kkundanna l-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu għax huma għamlu lil kull wieħed mid-dixxipli tagħhom ikun “jistħoqqlu jmur Geħenna.” (Mattew 23:15) Lura f’dak iż-żmien, in-nies kienu familjari mal-Wied taʼ Ħinnom, biċċa art użata bħala miżbla fejn kienu jintefgħu l-iġsma taʼ dawk il-kriminali li jkunu ġew maqtulin u li ma kinux jitqiesu denji li jkollhom difna xierqa. Ftit qabel, Ġesù stess kien semma ’l Geħenna fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. (Mattew 5:29, 30) It-tifsira simbolika tagħha kienet ċara għas-semmiegħa tiegħu. Geħenna kienet tirrappreżenta qerda sħiħa mingħajr tama taʼ rxoxt. Minbarra Ġuda l-Iskarjota, kien hemm oħrajn li marru f’Geħenna minflok f’Xeol, jew Ħades, meta mietu?
15, 16. Min mar f’Geħenna meta miet, u għala marru hemmhekk?
15 Adam u Eva, l-ewwel bnedmin, kienu maħluqin perfetti. Il-waqgħa tagħhom fid-dnub kienet intenzjonata. Quddiemhom kellhom ħajja jew mewt għal dejjem. Huma m’obdewx lil Alla u marru fuq in-naħa taʼ Satana. Meta mietu, ma kellhom ebda prospett li jibbenefikaw mis-sagrifiċċju li għamel Kristu bħala fidwa. Minflok, marru f’Geħenna.
16 Kajjin, l-ewwel imwieled taʼ Adam, qatel lil ħuh Abel u minn dakinhar ’il quddiem għex bħala maħrub. L-appostlu Ġwanni ddeskriva lil Kajjin bħala wieħed “li oriġina mill-Ħażin.” (1 Ġwanni 3:12) Huwa raġunevoli li nikkonkludu li bħall-ġenituri tiegħu, hu mar f’Geħenna meta miet. (Mattew 23:33, 35) X’kuntrast mas-sitwazzjoni tar-raġel sewwa Abel! “Bil-fidi Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn taʼ Kajjin, u b’din il-fidi ngħata xiehda li kien raġel sewwa, għax Alla xehed rigward l-għotjiet tiegħu,” spjega Pawlu, u żied, “u permezz tagħha, għalkemm miet, għadu jitkellem.” (Ebrej 11:4) Iva, bħalissa Abel qiegħed f’Xeol jistenna l-irxoxt.
L-“Ewwel Irxoxt” u “Rxoxt Aħjar”
17. (a) Matul dan iż-żmien tat-tmiem, min se jmur f’Xeol? (b) X’inhuma l-prospetti għal dawk li qegħdin f’Xeol u għal dawk li qegħdin f’Geħenna?
17 Ħafna li jaqraw din l-informazzjoni se jistaqsu dwar is-sitwazzjoni taʼ dawk li jmutu f’dan iż-żmien tat-tmiem. (Danjel 8:19) Rivelazzjoni kapitlu sitta jiddeskrivi r-rikba t’erbaʼ rikkieba taż-żwiemel f’dan il-perijodu taʼ żmien. Taʼ interess, l-aħħar wieħed jismu Mewt, u eżatt warajh hemm Ħades. B’hekk, ħafna li jmutu qabel il-waqt minħabba l-kundizzjonijiet li jġibu magħhom ir-rikkieba taʼ qablu jispiċċaw f’Ħades, fejn hemmhekk jistennew l-irxoxt fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Rivelazzjoni 6:8) Allura, x’inhuma l-prospetti għal dawk li jinsabu f’Xeol (Ħades) u dawk li jinsabu f’Geħenna? Fi kliem sempliċi, irxoxt għal taʼ l-ewwel; qerda eterna—ineżistenza—għal taʼ l-aħħar.
18. Xi prospett joffri l-“ewwel irxoxt”?
18 L-appostlu Ġwanni kiteb: “Hieni u qaddis hu min għandu sehem mill-ewwel irxoxt; fuq dawn it-tieni mewt m’għandhiex awtorità, imma jkunu qassisin t’Alla u tal-Kristu, u jsaltnu miegħu għall-elf sena.” Dawk li se jaħkmu maʼ Kristu għandhom sehem “mill-ewwel irxoxt,” imma x’tama għandhom il-bqija tal-bnedmin?—Rivelazzjoni 20:6.
19. Xi wħud kif jibbenefikaw minn “irxoxt aħjar”?
19 Sa minn żmien Elija u Eliżew, il-qaddejja t’Alla, il-miraklu taʼ l-irxoxt ġab in-nies lura għall-ħajja. “Xi nisa rċivew il-mejtin tagħhom bl-irxoxt,” irrakkonta Pawlu, “imma nies oħrajn ġew torturati għax ma ridux jaċċettaw il-ħelsien b’xi fidwa, sabiex jiksbu rxoxt aħjar.” Iva, dawn l-uħud li lealment baqgħu jżommu l-integrità tagħhom ħarsu ’l quddiem lejn irxoxt li ma joffrilhomx biss ftit snin oħra taʼ ħajja biex imbagħad imutu, imma l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem! Dan se jkun “irxoxt aħjar” tabilħaqq.—Ebrej 11:35.
20. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
20 Jekk immutu leali qabel ma Ġeħova jġib fi tmiemha din is-sistema mill-agħar, għandna t-tama ċerta taʼ “rxoxt aħjar,” aħjar fis-sens li dan hu rxoxt bil-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem. Ġesù wiegħed: “Tistagħġbux b’dan, għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) L-artiklu li jmiss se jkompli jikkunsidra l-iskop taʼ l-irxoxt. Se juri kif it-tama taʼ l-irxoxt issaħħaħna biex nibqgħu nżommu l-integrità tagħna u tgħinna niżviluppaw spirtu taʼ sagrifiċċju.
Tiftakar Int?
• Ġeħova għala hu deskritt bħala l-Alla “tal-ħajjin”?
• X’inhi l-kundizzjoni taʼ dawk li qegħdin f’Xeol?
• X’inhuma l-prospetti għal dawk li qegħdin f’Geħenna?
• Xi wħud kif se jibbenefikaw minn “irxoxt aħjar”?
[Stampa f’paġna 15]
Bħal Abraham, dawk li jmorru f’Xeol qed jistennew l-irxoxt
[Stampi f’paġna 16]
Adam u Eva, Kajjin, u Ġuda l-Iskarjota għala marru f’Geħenna?