Il-Kristjani U d-Dinja taʼ Bnedmin
“Imxu bil-għaqal maʼ dawk li huma barranin għalina.”—KOLOSSIN 4:5.
1. Ġesù x’qal rigward is-segwaċi tiegħu u d-“dinja”?
F’TALBA lil Missieru tas-sema, Ġesù qal dwar is-segwaċi tiegħu: “[I]d-dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.” Imbagħad żied: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin.” (Ġwann 17:14, 15) Il-Kristjani ma kellhomx jiġu sseparati fiżikament mid-dinja—per eżempju, billi jinqatgħu għalihom f’monasteri. Pjuttost, Kristu ‘bagħathom fid-dinja’ biex ikunu x-xhieda tiegħu “sa truf l-art.” (Ġwann 17:18; Atti 1:8) Xorta waħda hu talab lil Alla biex jgħasses fuqhom għaliex Satana, “[i]l-Prinċep taʼ din id-dinja,” kien se jqanqal mibegħda kontriehom minħabba l-isem taʼ Kristu.—Ġwann 12:31; Mattew 24:9.
2. (a) Il-Bibbja kif tużaha l-kelma “dinja”? (b) Jehovah liema attitudni bilanċjata juri lejn id-dinja?
2 Fil-Bibbja l-kelma “dinja” (koʹsmos bil-Grieg) taʼ spiss tindika s-soċjetà umana bla tjieba li “qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Minħabba li l-Kristjani jikkonformaw mal-livelli taʼ Jehovah u wkoll jobdu l-kmand biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla lid-dinja, xi drabi kien hemm relazzjoni diffiċli bejnhom u bejn id-dinja. (2 Timotju 3:12; 1 Ġwann 3:1, 13) Madankollu, koʹsmos hija wżata wkoll fl-Iskrittura biex tirreferi għall-familja umana inġenerali. Billi tkellem dwar id-dinja f’dan is-sens, Ġesù qal: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.” (Ġwann 3:16, 17; 2 Korintin 5:19; 1 Ġwann 4:14) Mela, waqt li jobgħod l-affarijiet li jikkaratterizzaw is-sistema mill-agħar taʼ Satana, Jehovah wera mħabbtu għall-umanità billi bagħat lil Ibnu lejn l-art sabiex isalva lil dawk kollha li kienu se ‘jersqu għall-indiema.’ (2 Pietru 3:9; Proverbji 6:16-19) L-attitudni bilanċjata taʼ Jehovah lejn id-dinja għandha tiggwida l-adoraturi tiegħu.
L-Eżempju Taʼ Ġesù
3, 4. (a) Ġesù liema pożizzjoni adotta inkwantu għat-tmexxija? (b) Ġesù kif qiesha lid-dinja taʼ bnedmin?
3 Ftit qabel mewtu, Ġesù qal lil Ponzju Pilatu: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja.” (Ġwann 18:36) Fi qbil maʼ dawn il-kelmiet, Ġesù kien iktar kmieni ċaħad l-offerta taʼ Satana biex jagħtih awtorità fuq is-saltniet tad-dinja, u kien irrifjuta li jħalli lil-Lhud jagħmluh sultan. (Luqa 4:5-8; Ġwann 6:14, 15) Madankollu, Ġesù wera mħabba kbira għad-dinja taʼ bnedmin. Eżempju taʼ dan ġie rrapportat mill-appostlu Mattew: “Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” Imqanqal mill-imħabba, hu ppriedka lin-nies fl-ibliet u fl-irħula tagħhom. Għallimhom u fejqilhom il-mard. (Mattew 9:36) Kien ukoll sensittiv għall-ħtiġijiet fiżiċi taʼ dawk li ġew biex jitgħallmu minnu. Naqraw: “Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: ‘Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq.’” (Mattew 15:32) X’konsiderazzjoni mqanqla mill-imħabba!
4 Il-Lhud kienu preġudikati ferm kontra s-Samaritani, imma Ġesù tkellem fit-tul maʼ mara Samaritana u qattaʼ jumejn jagħti xiehda bir-reqqa f’belt Samaritana. (Ġwann 4:5-42) Għalkemm Alla bagħtu għand in-“nagħaġ li ntilfu mid-dar taʼ Iżrael,” Ġesù kultant irreaġixxa għal espressjonijiet taʼ fidi magħmulin minn oħrajn li ma kinux Lhud. (Mattew 8:5-13; 15:21-28) Iva, Ġesù wera li huwa possibbli li wieħed ‘ma jkunx tad-dinja’ u fl-istess ħin juri mħabba lejn id-dinja taʼ bnedmin, lejn in-nies. Nuru aħna b’mod simili mogħdrija għan-nies fejn noqogħdu, fejn naħdmu, jew fejn nagħmlu x-xiri tagħna? Nuru aħna li jimpurtana mill-benesseri tagħhom—mhux biss għall-bżonnijiet spiritwali tagħhom, imma wkoll għall-bżonnijiet oħrajn jekk ikun possibbli min-naħa tagħna li ngħinuhom? Ġesù hekk għamel, u permezz taʼ dan, fetaħ it-triq biex jgħallem lin-nies dwar is-Saltna. Veru, aħna ma nistgħux nagħmlu mirakli litterali bħalma għamel Ġesù. Imma att taʼ karità taʼ spiss jagħmel, biex ngħidu hekk, il-mirakli f’li jegħleb il-preġudizzju.
L-Attitudni Taʼ Pawlu Lejn Nies “Li Huma Barranin”
5, 6. L-appostlu Pawlu kif ittratta maʼ Lhud li kienu “barranin”?
5 F’ħafna mill-ittri tiegħu, l-appostlu Pawlu jirreferi għan-nies “barranin” jew “li huma barranin,” u dan ifisser dawk li m’humiex Kristjani, kemm jekk Lhud u kemm jekk Ġentili. (1 Korintin 5:12; 1 Tessalonikin 4:12; 1 Timotju 3:7) Kif ittratta maʼ wħud bħal dawn? Hu ‘sar kollox maʼ kulħadd biex isalva lil kulħadd [“x’uħud,” KŻ].’ (1 Korintin 9:20-22) Meta kien jasal f’xi belt, il-mod tiegħu taʼ pridkar kien li l-ewwel imur għand il-Lhud li kienu jkunu ssetiljaw hemmhekk. X’kienet il-preżentazzjoni tiegħu? Bit-tattika u bir-rispett kollu, kien joffri provi konvinċenti minn fuq il-Bibbja li l-Messija kien ġie, kien miet mewta taʼ sagrifiċċju, u kien ġie rxoxtat.—Atti 13:5, 14-16, 43; 17:1-3, 10.
6 B’dan il-mod Pawlu bena fuq l-għarfien li l-Lhud kellhom tal-Liġi u l-profeti sabiex jgħallimhom dwar il-Messija u s-Saltna t’Alla. U hu rnexxielu jikkonvinċi lil xi wħud. (Atti 14:1; 17:4) Minkejja oppożizzjoni minn xi mexxejja Lhud, Pawlu wera sentimenti kordjali għal sħabu Lhud meta kiteb: “Ħuti, nixtieq tassew minn qalbi nitlob quddiem Alla li niesi jsalvaw. Jien xhud għalihom li huma għandhom il-ħeġġa għal Alla, iżda din m’hijiex ħeġġa skond l-għerf veru.”—Rumani 10:1, 2.
Jgħin Lil Kredenti Mhux Lhud
7. Ħafna proseliti kif wieġbu għall-aħbar tajba li ppriedka Pawlu?
7 Il-proseliti kienu nies li ma kinux Lhud u li kienu saru prattikanti ċirkonċiżi tal-Ġudaiżmu. Evidentement, kien hemm Lhud proseliti f’Ruma, fl-Antijokja Sirjana, fl-Etjopja, u fl-Antijokja tal-Pisidija—tabilħaqq, mad-Dijaspora Lhudija kollha. (Atti 2:8-10; 6:5; 8:27; 13:14, 43; qabbel Mattew 23:15.) Il-proseliti, kuntrarju għal ħafna ħakkiema Lhud, x’aktarx li ma kinux imkabbrin, u ma setgħux jiffanfraw li kienu dixxendenti t’Abraham. (Mattew 3:9; Ġwann 8:33) Minflok, huma kienu abbandunaw allat pagani u kienu bl-umiltà kollha daru lejn Jehovah, waqt li kisbu xi għarfien dwaru u dwar il-liġijiet tiegħu. U huma kellhom l-istess tama li kellhom il-Lhud taʼ Messija li kellu jiġi. Billi kienu diġà wrew li kienu lesti li jinbidlu minħabba t-tfittxija tagħhom għall-verità, ħafna minnhom kienu lesti li jagħmlu iżjed bidliet u jwieġbu għall-ippridkar taʼ l-appostlu Pawlu. (Atti 13:42, 43) Meta xi proselit li qabel kien iqim allat pagani kien jikkonverti għall-Kristjanità, dan kien ikun mgħammar b’mod uniku biex jagħti xiehda lil Ġentili oħrajn li jkunu għadhom iqimu lil dawk l-allat.
8, 9. (a) Minbarra l-proseliti, liema klassi oħra taʼ Ġentili kienu attirati lejn ir-reliġjon Lhudija? (b) Ħafna minn dawk mhux ċirkonċiżi li kienu jibżgħu minn Alla kif wieġbu għall-aħbar tajba?
8 Minbarra l-proseliti ċirkonċiżi, oħrajn li ma kinux Lhud ġew attirati lejn ir-reliġjon Lhudija. L-ewwel wieħed minnhom li sar Kristjan kien Kornelju li, għalkemm ma kienx proselit, kien “bniedem sewwa u kellu l-biżaʼ taʼ Alla.” (Atti 10:2) Fil-kummentarju tiegħu dwar l-Atti, il-Professur F. F. Bruce kiteb: “Dawn il-Ġentili normalment jissejħu ‘Dawk li jibżgħu minn Alla’; waqt li dan m’huwiex xi terminu tekniku, huwa konvenjenti biex jiġi wżat. Bosta Ġentili f’dak iż-żmien, waqt li ma kinux ippreparati li jikkonvertu kompletament għall-Ġudaiżmu (billi l-ħtieġa għaċ-ċirkonċiżjoni kienet speċjalment taʼ tfixkil għall-irġiel), ġew attirati mill-monoteiżmu sempliċi tal-qima Lhudija fis-sinagoga u mil-livelli etiċi tal-mod taʼ ħajja Lhudija. Xi wħud minnhom attendew is-sinagoga u saru familjari mhux ħażin mat-talb u l-lezzjonijiet mill-iskrittura, li semgħu jiġu moqrijin fil-verżjoni Griega.”
9 L-appostlu Pawlu ltaqaʼ maʼ ħafna li kienu jibżgħu minn Alla meta kien jippriedka fis-sinagogi fl-Asja Minuri u fil-Greċja. F’Antijokja tal-Pisidija hu indirizza lil dawk miġburin fis-sinagoga bħala “Nies taʼ Iżrael, u intom il-ġnus li tibżgħu minn Alla.” (Atti 13:16, 26) Luqa jikteb li wara li Pawlu ppriedka għal tliet Sibtijiet fis-Sinagoga f’Tessalonika, “xi wħud minnhom [mil-Lhud] emmnu [saru Kristjani] u ssieħbu miegħu u maʼ Sila; fosthom kien hemm għadd kbir taʼ Grieg[i] li kienu jqimu lil Alla, u mhux ftit nisa mill-kbarat.” (Atti 17:4) X’aktarx, xi Griegi kienu wħud mhux ċirkonċiżi li jibżgħu minn Alla. Hemm evidenza li bosta minn dawn il-Ġentili kienu ssieħbu mal-komunitajiet Lhud.
Pridkar Fost ‘Dawk Li Ma Jemmnux’
10. Pawlu kif ippridkalhom lill-Ġentili li ma kellhom ebda sfond mill-Iskrittura, u b’liema riżultat?
10 Fl-Iskrittura Griega Kristjana, it-terminu ‘dawk li ma jemmnux’ jistaʼ jirreferi għan-nies inġenerali li ma kinux parti mill-kongregazzjoni Kristjana. Taʼ spiss dan jirreferi għall-pagani. (Rumani 15:31; 1 Korintin 14:22, 23; 2 Korintin 4:4; 6:14) F’Ateni ħafna minn dawk li ma kinux jemmnu ġew edukati fil-filosofija Griega bla ebda sfond mill-Iskrittura. Skuraġġieh dan lil Pawlu milli jagħtihom xiehda? Le. Hu, madankollu, addatta l-preżentazzjoni tiegħu. B’sengħa kbira ppreżenta ideat Bibliċi mingħajr ma kkwota direttament mill-Iskrittura Ebrajka, li n-nies t’Ateni ma kinux familjari magħhom. B’ħila kbira wera similarità bejn il-verità tal-Bibbja u ċerti ħsibijiet li esprimew ċerti poeti Stojċi tal-qedem. U ppreżenta l-kunċett t’Alla wieħed veru għall-umanità kollha, Alla li se jiġġudika bit-tjieba permezz taʼ raġel li miet u ġie rxoxtat. B’hekk, Pawlu bit-tattika ppriedka dwar Kristu lin-nies t’Ateni. B’liema riżultat? Waqt li l-maġġuranza minnufih waqqgħuh għaċ-ċajt jew kienu xettiċi, “xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom.”—Atti 17:18, 21-34.
11. Korintu x’tip taʼ belt kienet, u x’kien ir-riżultat taʼ l-attività taʼ l-ippridkar li Pawlu għamel hemmhekk?
11 F’Korintu kien hemm komunità mdaqqsa taʼ Lhud, u għalhekk Pawlu beda l-ministeru tiegħu hemmhekk billi ppriedka fis-sinagoga. Imma meta sab li l-Lhud kienu jopponu, Pawlu mar għand il-popolazzjoni tal-Ġentili. (Atti 18:1-6) U x’popolazzjoni dik! Korintu kienet belt kosmopolitana u kummerċjali, b’ħajja mgħaġġla, magħrufa sew mad-dinja Griega-Rumana għall-ħajja laxka taʼ ġo fiha. Tabilħaqq, “li wieħed Jikkorintizza” kien ifisser li jipprattika l-immoralità. Madankollu, kien wara li l-Lhud kienu rrifjutaw l-ippridkar taʼ Pawlu li Kristu deherlu u qallu: “La tibżax, imma tkellem u tiskotx . . . , għax poplu kbir hawn għalija f’din il-belt.” (Atti 18:9, 10) Preċiż bħalma qal Ġesù, Pawlu stabbilixxa kongregazzjoni f’Korintu, avolja xi wħud mill-membri tagħha qabel kellhom mod taʼ ħajja a la Korintjana.—1 Korintin 6:9-11.
Jipprova Jsalva “Lill-Bnedmin Kollha” Llum
12, 13. (a) It-territorju tagħna llum kif inhu simili għal dak taʼ żmien Pawlu? (b) Liema attitudni nuru aħna f’territorji fejn ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu ilhom li ġew stabbiliti jew fejn ħafna huma diżillużi bir-reliġjon organizzata?
12 Illum, bħal fl-ewwel seklu, “il-grazzja taʼ Alla . . . [“ġġib,” NW] salvazzjoni lill-bnedmin kollha.” (Titu 2:11) It-territorju għall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba espanda biex issa qiegħed ikopri l-kontinenti kollha u l-biċċa l-kbira tal-gżejjer tal-baħar. U, bħal fi żmien Pawlu, il-“bnedmin kollha” qegħdin tabilħaqq jiġu milħuqin. Per eżempju, xi wħud minna jippridkaw f’pajjiżi fejn il-knejjes tal-Kristjaneżmu ilhom stabbiliti għal ħafna sekli. Bħal-Lhud taʼ l-ewwel seklu, il-membri tagħhom għandhom mnejn ikunu mgħaddsin fi tradizzjonijiet reliġjużi. Xorta waħda, aħna henjin li nfittxu lil dawk b’kundizzjoni tajba tal-qalb u nibnu fuq kwalunkwe għarfien li jistaʼ jkollhom tal-Bibbja. Ma rridux ma nagħtuhomx ċans jitkellmu jew niddisprezzawhom anki jekk il-mexxejja reliġjużi tagħhom xi drabi jopponuna u jippersegwitawna. Pjuttost, aħna nirrikonoxxu li xi wħud fosthom għandhom mnejn ikollhom “ħeġġa għal Alla” avolja neqsin mill-għarfien eżatt. Bħal Ġesù u Pawlu, aħna nuru mħabba ġenwina għan-nies, u għandna xewqa ħerqana li huma jiġu salvati.—Rumani 10:2.
13 Waqt l-ippridkar, ħafna minna niltaqgħu maʼ individwi li huma diżillużi bir-reliġjon organizzata. Madankollu, għandhom mnejn li għad għandhom il-biżaʼ t’Alla, jemmnu b’Alla sa ċertu punt u jipprovaw jgħixu ħajja tajba. M’għandniex nifirħu li niltaqgħu maʼ nies li għadhom jemmnu xi ftit b’Alla fost din il-ġenerazzjoni mgħawġa u li dejjem iktar ma tridx taf b’Alla? U m’aħniex aħna ħerqanin li nidderiġuhom lejn forma taʼ qima li m’hijiex immarkata b’ipokresija u qerq?—Filippin 2:15.
14, 15. Kif saret disponibbli għalqa kbira għall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba?
14 Fit-tixbieha tiegħu dwar ix-xibka, Ġesù bassar li kellu jkun hemm territorju kbir ferm għax-xogħol taʼ l-ippridkar. (Mattew 13:47-49) Waqt li spjega din it-tixbieha, It-Torri Tal-Għassa tal-15 taʼ Settembru, 1992, f’paġna 9 stqarr: “Matul is-sekli membri tal-Kristjaneżmu kellhom parti kbira f’li jittraduċu, jikkopjaw, u jqassmu l-Kelma t’Alla. Knejjes iktar tard ifformaw jew appoġġjaw lil soċjetajiet tal-Bibbja, li ttraduċew il-Bibbja fil-lingwi taʼ pajjiżi mbegħdin. Huma wkoll bagħtu missjunarji mediċi u għalliema, li fformaw Kristjani taʼ l-isem. Dan ġabar numru kbir taʼ ħut mhux tajjeb, li ma kellhomx l-approvazzjoni t’Alla. Imma taʼ l-inqas, espona miljuni taʼ wħud li m’humiex Kristjani għall-Bibbja u għal għamla taʼ Kristjanità, għalkemm korrotta.”
15 Il-proselitiżmu tal-Kristjaneżmu kien effettiv speċjalment fl-Amerka t’Isfel, fl-Afrika, u f’xi gżejjer tal-baħar. Fi żmienna, instabu ħafna ġwejdin f’dawn l-inħawi, u nistgħu nkomplu nagħmlu ħafna ġid jekk ikollna attitudni pożittiva, u mimlija mħabba lejn nies umlin bħal dawn, saħansitra bħalma kellu Pawlu lejn proseliti Lhud. Fost dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħna hemm ukoll il-miljuni taʼ nies li jistgħu jissejħu “dawk li jissimpatizzaw” max-Xhieda taʼ Jehovah. Dawn dejjem jieħdu gost jarawna meta nżuruhom. Xi wħud studjaw il-Bibbja magħna u attendew għal-laqgħat tagħna, partikolarment il-Mafkar annwali tal-mewt taʼ Kristu. Ma jirrappreżentawx dawn l-uħud għalqa kbira għall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna?
16, 17. (a) Liema tipi taʼ nies navviċinaw aħna bl-aħbar tajba? (b) Aħna kif nimitawh lil Pawlu f’li nippridkaw lil diversi tipi taʼ nies?
16 Barra minn hekk, xi ngħidu għal dawk li jiġu minn kulturi barra mill-Kristjaneżmu—kemm jekk niltaqgħu magħhom f’art twelidhom u kemm jekk huma immigranti f’pajjiżi tal-Punent? U xi ngħidu għal dawk il-ħafna miljuni li abbandunaw ir-reliġjon għalkollox, u saru atei jew anjostiċi? Iktar minn hekk, xi ngħidu għal dawk li jħaddnu kważi b’ħeġġa reliġjuża l-filosofija moderna jew il-psikoloġija popolari li tiġi ppubblikata fil-kotba numerużi taʼ referenza misjubin fil-ħwienet tal-kotba? Għandu xi ħadd minn dawn in-nies jiġi injorat, u kkunsidrat bħala li m’hemmx tama li jiġi mifdi? Mhux jekk nimitaw lill-appostlu Pawlu.
17 Meta kien qiegħed jippriedka f’Ateni, Pawlu ma waqax fin-nassa taʼ li jiddibatti l-filosofija mas-semmiegħa tiegħu. Hu, iżda, ċertament li addatta r-raġunar tiegħu għan-nies li kien qiegħed jittratta magħhom, billi ppreżenta l-veritajiet tal-Bibbja b’mod ċar u loġiku. Bl-istess mod, aħna m’għandniex għalfejn insiru esperti fir-reliġjonijiet u l-filosofiji tan-nies li nippridkawlhom. Madankollu, aħna naddattaw il-mod tagħna taʼ kif navviċinawhom biex nagħmlu x-xiehda tagħna effettiva, u b’hekk insiru “kollox maʼ kulħadd.” (1 Korintin 9:22) Waqt li kiteb lill-Kristjani f’Kolossi, Pawlu stqarr: “Imxu bil-għaqal maʼ dawk li huma barranin għalina; nqdew tajjeb b’kull okkażjoni. Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-melħ taʼ l-għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.” (Korsiv tagħna.)—Kolossin 4:5, 6.
18. Liema responsabbiltà għandna, u x’qatt m’għandna ninsew?
18 Bħal Ġesù u l-appostlu Pawlu, ejjew nuru mħabba lejn il-bnedmin kollha. Speċjalment ejjew noħorġu barra minn triqitna biex naqsmu m’oħrajn l-aħbar tajba tas-Saltna. Mill-banda l-oħra, qatt tinsa dak li Ġesù qal dwar id-dixxipli tiegħu: “M’humiex tad-dinja.” (Ġwann 17:16) Dak li dan ifisser għalina se jkompli jiġi kkunsidrat fl-artiklu li jmiss. (w97 11/1)
Bħala Reviżjoni
◻ Iddeskrivi l-attitudni bilanċjata taʼ Ġesù lejn id-dinja.
◻ L-appostlu Pawlu kif ippriedka lil-Lhud u lill-proseliti?
◻ Pawlu kif avviċina lil dawk li kienu jibżgħu minn Alla u lil dawk li ma kinux jemmnu?
◻ Kif nistgħu aħna nkunu “kollox għal kulħadd” fl-attività tagħna taʼ l-ippridkar?
[Stampi f’paġna 24]
Billi jwettqu atti taʼ qalb tajba mal-proxxmu tagħhom, il-Kristjani taʼ spiss jistgħu jegħlbu l-preġudizzju