LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • pe kap. 25 pp. 208-216
  • Favur Id-Dinja Taʼ Satana, Jew Favur Is-Sistema Ġdida T’Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Favur Id-Dinja Taʼ Satana, Jew Favur Is-Sistema Ġdida T’Alla?
  • Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ID-​DINJA TAʼ SATANA​—X’INHI?
  • KIF TEVITA LI TKUN PARTI MID-​DINJA
  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Kun af lill-għadu tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Min Hu X-Xitan?
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Għadu Tal-Ħajja Taʼ Dejjem
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
pe kap. 25 pp. 208-216

Kapitlu 25

Favur Id-​Dinja Taʼ Satana, Jew Favur Is-​Sistema Ġdida T’Alla?

1. Liema ħaġa tassew tagħti prova li int favur is-​sistema ġdida t’Alla?

INT FAVUR is-​sistema ġdida taʼ tjieba t’Alla, u tridha tiġi? Int kontra Satana, u trid li d-​dinja tiegħu tispiċċa? Tistaʼ tgħid, Iva, għaż-​żewġ mistoqsijiet. Imma huwa dak biżżejjed? Hemm qawl antik li jgħid li bejn il-​kliem u l-​fatti hemm baħar jikkumbatti. Jekk temmen fis-​sistema l-​ġdida t’Alla, huwa l-​mod kif tgħix ħajtek li tassew se jagħti prova taʼ dan.​—Mattew 7:​21-23; 15:​7, 8.

2. (a) Min huma ż-​żewġ sidien li nistgħu naqdu? (b) Liema ħaġa turi taʼ min aħna rsiera, jew qaddejja?

2 Il-fatt huwa li l-​mod taʼ ħajja tiegħek jistaʼ jogħġob biss lil wieħed minn żewġ sidien. Jew qiegħed taqdi ’l Alla Jehovah jew lil Satana x-​Xitan. Prinċipju misjub fil-​Bibbja jgħinna napprezzaw dan. Dan jgħid: “Ma tafux li jekk tibqgħu tippreżentaw lilkom infuskom lil xi ħadd bħala rsiera biex tobduh, intom irsiera tiegħu għaliex tobdu lilu?” (Rumani 6:16) Int lil min tobdi? Ir-​rieda taʼ min tagħmel? Hi x’inhi t-​tweġiba tiegħek, jekk int issegwi l-​mogħdijiet ħżiena tad-​dinja ma tistax tkun qiegħed taqdi lil dak Alla veru, Jehovah.

ID-​DINJA TAʼ SATANA​—X’INHI?

3. (a) Il-Bibbja min turi li huwa l-​ħakkiem tad-​dinja? (b) Fit-​talb, Ġesù kif wera li hemm differenza bejn id-​dinja u d-​dixxipli tiegħu?

3 Ġesù sejjaħ lil Satana “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja.” U l-​appostlu Ġwanni qal li “d-​dinja kollha kemm hi qiegħda taħt il-​poter tal-​wieħed mill-​agħar.” (Ġwann 12:31; 1 Ġwann 5:19) Innota li f’talba ’l Alla Ġesù ma nkludiex lid-​dixxipli tiegħu bħala parti mid-​dinja taʼ Satana. Hu qal: “Jien nitlob għalihom [id-dixxipli tiegħu]; jien nitlob, mhux għad-​dinja . . . M’huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:​9, 16; 15:​18, 19) Minn dan jidher ċar li l-​veri Kristjani għandhom iżommu separati mid-​dinja.

4. (a) Fi Ġwann 3:16 l-​espressjoni “d-​dinja” għal min tirreferi? (b) X’inhi “d-​dinja” li minnha s-​segwaċi taʼ Kristu jridu jkunu separati?

4 Imma Ġesù għal liema ħaġa kien qiegħed jirreferi meta qal “id-​dinja”? Fil-​Bibbja l-​espressjoni “d-​dinja” xi drabi tfisser sempliċement l-​umanità inġenerali. Alla bagħat lil Ibnu biex jagħti ħajtu bħala rahan għal din id-​dinja taʼ l-​umanità. (Ġwann 3:16) Madankollu Satana organizza l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​umanità kontra Alla. Mela d-​dinja taʼ Satana hija din is-​soċjetà umana organizzata li teżisti apparti jew barra mill-​organizzazzjoni viżibbli t’Alla. Hija din id-​dinja li minnha l-​veri Kristjani jridu jkunu separati.​—Ġakbu 1:27.

5. Liema ħaġa hija parti importanti mid-​dinja, u kif inhi rrappreżentata fil-​Bibbja?

5 Id-dinja taʼ Satana​—is-​soċjetà umana organizzata tiegħu—​hija fformata minn diversi partijiet konnessi mill-​qrib. Parti importanti hija r-​reliġjon falza. Fil-​Bibbja r-​reliġjon falza hija rrappreżentata bħala “mara żienja kbira,” jew prostituta, bl-​isem “Babilonja l-​Kbira.” Hija imperu dinji, bħalma jidher mill-​fatt li “għandha saltna fuq is-​slaten taʼ l-​art.” (Rivelazzjoni 17:​1, 5, 18) Imma xi provi hemm li Babilonja l-​Kbira hija imperu dinji reliġjuż?

6, 7. (a) Liema ħaġa tagħti prova li Babilonja l-​Kbira hija imperu reliġjuż? (b) X’relazzjoni kellha u għad għandha r-​reliġjon falza mal-​gvernijiet politiċi?

6 Ladarba “s-​slaten taʼ l-​art” jintqal li ‘jiżnu’ magħha, Babilonja l-​Kbira ma tistax tkun imperu dinji politiku. U ladarba l-​“merkanti li jivvjaġġaw” taʼ l-​art jieqfu ’l bogħod u jagħlu għall-​qerda tagħha, m’hijiex imperu dinji kummerċjali. (Rivelazzjoni 17:2; 18:15) Madankollu, li hija tassew imperu reliġjuż jidher mill-​istqarrija tal-​Bibbja li permezz tal-​‘prattika spiritistika tagħha l-​ġnus kollha ġew żvijati.’​—Rivelazzjoni 18:23.

7 Prova oħra li Babilonja l-​Kbira hija imperu reliġjuż hija r-​relazzjoni tagħha maʼ “bhima selvaġġa.” Fil-​Bibbja bhejjem bħal dawn jirrappreżentaw gvernijiet politiċi. (Danjel 8:​20, 21) Babilonja l-​Kbira hija deskritta bħala li qiegħda “bil-​qiegħda fuq bhima selvaġġa lewn l-​iskarlat . . . li kellha sebat irjus u għaxart iqran.” Hija b’hekk kienet qiegħda tipprova teżerċita influwenza fuq din il-​“bhima selvaġġa,” jew gvern dinji. (Rivelazzjoni 17:3) U huwa fatt li matul l-​istorja r-​reliġjon kienet u għadha mdaħħla fil-​politika, billi taʼ spiss tgħid lill-​gvernijiet x’għandhom jagħmlu. Hija tassew eżerċitat “saltna fuq is-​slaten taʼ l-​art.”​—Rivelazzjoni 17:18.

8. Liema hija parti oħra importanti mid-​dinja taʼ Satana, u kif inhuma rrappreżentati fil-​Bibbja?

8 Dawn il-​gvernijiet politiċi jifformaw parti importanti oħra mid-​dinja taʼ Satana. Bħalma diġà nnotajna, huma rrappreżentati fil-​Bibbja bħala bhejjem. (Danjel 7:​1-8, 17, 23) Li dawn il-​gvernijiet bħal bhejjem jirċievu l-​poter tagħhom mingħand Satana huwa muri minn viżjoni miktuba mill-​appostlu Ġwanni: “Jien rajt bhima selvaġġa tielaʼ mill-​baħar, b’għaxart iqran u sebat irjus . . . U d-​dragun ta lill-​bhima l-​poter tiegħu.” (Rivelazzjoni 13:​1, 2; 12:9) Prova oħra li dawn is-​saltniet, jew gvernijiet, huma parti mid-​dinja taʼ Satana hija l-​fatt li Satana ttanta lil Ġesù billi offrielu dawn is-​saltniet. Satana ma setax għamel dan kieku ma kienx il-​ħakkiem tagħhom.​—Mattew 4:8, 9.

9. (a) Parti oħra tad-​dinja taʼ Satana kif inhi deskritta f’​Rivelazzjoni 18:11? (b) Din x’tagħmel u tippromwovi, billi tagħti prova li Satana qiegħed warajha?

9 Jerġaʼ parti prominenti oħra tad-​dinja taʼ Satana hija s-​sistema kummerċjali rgħiba u oppressiva, li f’​Rivelazzjoni 18:11 hemm referenza għaliha bħala “merkanti li jivvjaġġaw.” Din is-​sistema kummerċjali tippromwovi xewqa egoistika fin-​nies biex jakkwistaw l-​affarijiet li hija tipproduċi, avolja għandhom mnejn ma jkollhomx bżonnhom u jistgħu wkoll ikunu aħjar mingħajrhom. Fl-​istess waqt is-​sistema kummerċjali rgħiba takkumula l-​ikel f’imħażen imma tħalli miljuni taʼ nies imutu bil-​ġuħ għaliex ma jistgħux iħallsu għall-​ikel. Mill-​banda l-​oħra, armi militari li kapaċi jeqirdu l-​familja umana kollha jiġu prodotti u mibjugħin bi profitt. B’hekk is-​sistema kummerċjali taʼ Satana, flimkien mar-​reliġjon falza u l-​gvernijiet politiċi, tippromwovi egoiżmu, kriminalità u gwerer terribbli.

10, 11. (a) Liema huwa aspett ieħor tad-​dinja taʼ Satana? (b) Liema twissijiet Bibliċi hemm kontra li wieħed jinvolvi ruħu f’dan l-​aspett?

10 Is-soċjetà umana organizzata taħt Satana x-​Xitan hija tassew mill-​agħar u korrotta. Hija kontra l-​liġijiet taʼ tjieba t’Alla, u mimlija b’kull xorta taʼ prattiċi mmorali. Mela aspett ieħor tad-​​dinja taʼ Satana jistaʼ jintqal li huwa l-​għixien laxk tagħha u l-​modi mmorali tagħha. Għal din ir-​raġuni ż-​żewġ appostli Pawlu u Pietru wissew lill-​​Kristjani biex jevitaw il-​prattiċi ħżiena tan-​nies tal-​ġnus.​—Efesin 2:​1-3; 4:​17-19; 1 Pietru 4:​3, 4.

11 L-appostlu Ġwanni, ukoll, enfasizza l-​ħtieġa li l-​Kristjani joqogħdu għassa kontra xewqat żbaljati u modi mmorali tad-​dinja. Hu kiteb: “Tkunux tħobbu lid-​dinja jew l-​affarijiet fid-​dinja. Jekk xi ħadd iħobb lid-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier m’hijiex fih; għaliex kull ħaġa li hemm fid-​dinja​—ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja taʼ dak li jkun—​ma toriġinax mill-​Missier, imma toriġina mid-​dinja.” (1 Ġwann 2:​15, 16) Id-​dixxiplu Ġakbu qal li ‘jekk xi ħadd irid ikun ħabib tad-​dinja, qiegħed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.’​—Ġakbu 4:4.

KIF TEVITA LI TKUN PARTI MID-​DINJA

12, 13. (a) Ġesù kif wera li l-​Kristjani jridu jkunu fid-​dinja? (b) Kif inhu possibbli li tkun fid-​dinja imma ma tkun ebda parti minnha?

12 Sakemm iddum teżisti d-​dinja taʼ Satana, il-​Kristjani jridu jgħixu fiha. Ġesù wera dan meta talab lil Missieru: “Nitolbok, mhux biex toħroġhom ’il barra mid-​dinja.” Imma mbagħad Ġesù żied rigward is-​segwaċi tiegħu: “M’huma ebda parti mid-​dinja.” (Ġwann 17:​15, 16) Kif inhu possibbli li tkun fid-​dinja taʼ Satana imma xorta ma tkun ebda parti minnha?

13 Sewwa, int tgħix fost in-​nies li jifformaw is-​soċjetà umana organizzata tal-​lum. Dawn in-​nies jinkludu nies żienja, rgħiba u oħrajn li jagħmlu affarijiet mill-​agħar. Għandek mnejn taħdem magħhom, tmur l-​iskola magħhom, tiekol magħhom, u tieħu sehem f’attivitajiet oħrajn bħal dawn magħhom. (1 Korintin 5:​9, 10) Trid saħansitra tħobbhom, bħalma jagħmel Alla. (Ġwann 3:16) Imma Kristjan veru ma jħobbx l-​affarijiet mill-​agħar li jagħmlu n-​nies. Ma jadottax l-​attitudnijiet, l-​azzjonijiet u l-​miri tagħhom fil-​ħajja. Ma jieħu ebda sehem fir-​reliġjon u fil-​politika korrotta tagħhom. U waqt li taʼ spiss irid jaħdem fid-​dinja kummerċjali biex jaqlaʼ l-​għixien, ma jiħux sehem fi prattiċi qarrieqa taʼ negozju; lanqas ma jagħmel il-​mira prinċipali tiegħu fil-​ħajja l-​akkwist t’affarijiet materjali. Ladarba hu favur is-​sistema ġdida t’Alla, jevita s-​sħubija ħażina taʼ dawk li jgħixu favur id-​dinja taʼ Satana. (1 Korintin 15:33; Salm 1:1; 26:​3-6, 9, 10) Bħala riżultat, hu qiegħed fid-​dinja taʼ Satana imma xorta m’hu ebda parti minnha.

14. Jekk int favur is-​sistema ġdida t’Alla, liema kmand Bibliku se tobdi?

14 Xi ngħidu dwarek? Trid int tkun parti mid-​dinja taʼ Satana? Jew int favur is-​sistema ġdida t’Alla? Jekk int favur is-​sistema ġdida t’Alla, se tkun separat mid-​dinja, inkluża r-​reliġjon falza tagħha. Se tagħti kas tal-​kmand: “Oħorġu minnha [Babilonja l-​Kbira], poplu tiegħi.” (Rivelazzjoni 18:4) Madankollu, li toħroġ minn Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, jinkludi iktar milli sempliċement taqtaʼ kull konnessjoni maʼ l-​organizzazzjonijiet reliġjużi foloz. Ifisser ukoll li ma jkollok x’taqsam xejn maċ-​ċelebrazzjonijiet reliġjużi tad-​dinja.​—2 Korintin 6:​14-18.

15. (a) Minflok it-​twelid taʼ Ġesù, il-​Kristjani x’kienu kkmandati josservaw? (b) Liema ħaġa turi li Ġesù ma setax twieled fil-​bard tax-​xitwa? (ċ) Id-​data tal-​25 taʼ Diċembru għala ntgħażlet bħala l-​jum li fih jiġi ċċelebrat it-​twelid taʼ Ġesù?

15 Il-Milied huwa btala reliġjuża prominenti llum. Imma l-​istorja turi li din ma kenitx ċelebrazzjoni osservata mill-​Kristjani tal-​bidunett. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex josservaw mafkar taʼ mewtu, mhux taʼ twelidu. (1 Korintin 11:​24-26) Il-​fatt huwa li l-​25 taʼ Diċembru m’hijiex id-​data tat-​twelid taʼ Ġesù. Ma setgħetx kienet, ladarba l-​Bibbja turi li fil-​ħin tat-​twelid tiegħu xi ragħajja kienu għadhom fl-​għelieqi bil-​lejl. Ma kinux ikunu hemmhekk fl-​istaġun kiesaħ u bix-​xita tax-​xitwa. (Luqa 2:​8-12) Fil-​fatt il-​25 taʼ Diċembru ntgħażlet bħala d-​data biex jiġi ċċelebrat it-​twelid taʼ Ġesù minħabba li, bħalma tispjega The World Book Encyclopedia: “In-​nies taʼ Ruma diġà kienu josservawha bħala l-​Festa taʼ Saturno, billi kienu jiċċelebraw jum it-​twelid tax-​xemx.”

16. (a) Liema festa reliġjuża prominenti oħra kellha bidu m’huwiex Kristjan? (b) Il-​veri Kristjani għal liema raġunijiet tajbin ma jiċċelebrawx il-​Milied u l-​Għid?

16 L-Għid huwa btala reliġjuża oħra prominenti. Il-​Ġimgħa Mqaddsa f’xi pajjiżi taʼ l-​Amerka Latina hija simili. Imma l-​Għid ma kienx jiġi ċċelebrat mill-​Kristjani bikrin lanqas. Dan, ukoll, kellu l-​bidu tiegħu f’ċelebrazzjonijiet m’humiex Kristjani. The Encyclopædia Britannica tgħid: “M’hemm ebda indikazzjoni fit-​Testment il-​Ġdid li l-​festa taʼ l-​Għid kienet tiġi osservata.” Madankollu tagħmel tassew differenza li l-​Milied u l-​Għid m’humiex ċelebrazzjonijiet Kristjani imma attwalment kellhom il-​bidu tagħhom minn adoraturi t’allat foloz? L-​appostlu Pawlu wissa kontra t-​taħlit tal-​veru mal-​falz, billi qal li saħansitra “ftit ħmira tiffermenta l-​għaġna kollha.” (Galatin 5:9) Hu qal lil xi Kristjani bikrin li kien żball għalihom li josservaw ġranet li kienu mħarsin taħt il-​liġi taʼ Mosè imma li kienu ġew imneħħijin minn Alla għall-​Kristjani. (Galatin 4:​10, 11) Kemm huwa bil-​wisq iżjed importanti għall-​veri Kristjani llum li jżommu ’l bogħod minn btajjel li Alla qatt ma qal li għandhom jiġu osservati u li ġew mir-​reliġjon falza!

17. (a) X’hemm żbaljat dwar btajjel li jagħtu ġieħ lil bnedmin famużi jew lil ġnus? (b) Il-​Bibbja kif turi liema korsa għandhom jieħdu l-​Kristjani?

17 Btajjel oħrajn tad-​dinja jagħtu ġieħ lil xi nies famużi. Jerġaʼ oħrajn jagħtu ġieħ jew jeżaltaw lil ġnus jew organizzazzjonijiet dinjin. Imma l-​Bibbja twissi kontra li wieħed jagħti ġieħ u jadura lil xi bnedmin, jew li jafda f’organizzazzjonijiet umani biex iwettqu dak li Alla biss jistaʼ jagħmel. (Atti 10:​25, 26; 12:​21-23; Rivelazzjoni 19:10; Ġeremija 17:​5-7) Mela btajjel li għandhom it-​tendenza li jeżaltaw lil xi bniedem jew organizzazzjoni umana m’humiex f’armonija mar-​rieda t’Alla, u Kristjani veri m’humiex se jieħdu sehem fihom.​—Rumani 12:2.

18. (a) Liema oġġetti għamlu n-​nies biex jonorawhom jew iqimuhom? (b) X’tgħid il-​liġi t’Alla dwar li wieħed jagħti ġieħ u jqim lil xi oġġett?

18 Ħafna oġġetti ġew magħmulin mill-​bnedmin li lin-​nies jintqalilhom biex jagħtuhom ġieħ jew iqimu. Ftit minn dawn huma magħmulin mill-​metall jew mill-​injam. Oħrajn huma magħmulin miċ-​ċarruta u jistaʼ jkollhom meħjuta jew impinġija fuqhom xi stampa taʼ xi ħaġa fis-​sema jew fuq l-​art. Nazzjon jistaʼ jgħaddi liġi li tgħid li kulħadd għandu jagħti ġieħ u qima lil oġġett bħal dan. Imma l-​liġi t’Alla tgħid li l-​qaddejja tiegħu m’għandhomx jagħmlu dan. (Eżodu 20:​4, 5; Mattew 4:10) X’għamlu n-​nies t’Alla f’sitwazzjoni bħal din?

19. (a) Is-sultan taʼ Babilonja x’ikkmanda lil kulħadd biex jagħmel? (b) Il-​Kristjani jagħmlu tajjeb li jimitaw l-​eżempju taʼ min?

19 F’Babilonja tal-​qedem is-​Sultan Nebukadneżżar bena xbiha mmensa tad-​deheb u kkmanda li kulħadd imil quddiemha. ‘Min ma jmilx,’ hu qal, ‘jintefaʼ fil-​kalkara tan-​nar jaqbad.’ Il-​Bibbja tgħidilna li tliet żgħażagħ Ebrej, Xadrak, Mexak u Abednego, irrifjutaw li jagħmlu dak li kkmanda s-​sultan. Għala? Għaliex kien jinvolvi qima, u l-​qima tagħhom kienet tappartjeni lil Jehovah biss. Alla approva dak li għamlu, u salvahom mir-​rabja tas-​sultan. Fil-​fatt, Nebukadneżżar għaraf li dawn il-​qaddejja taʼ Jehovah ma kinux taʼ periklu għall-​Istat, u għalhekk għadda liġi biex jipproteġi l-​libertà tagħhom. (Danjel 3:​1-30) Ma tammirax int il-​fedeltà taʼ dawn iż-​żgħażagħ? Se turi int li tassew int favur is-​sistema ġdida t’Alla billi tobdi l-​liġijiet kollha t’Alla?​—Atti 5:29.

20. Liema modi diversi juża Satana biex jipprova jġegħilna niksru l-​liġijiet t’Alla dwar moralità sesswali?

20 Satana, m’għandniex xi ngħidu, ma jridniex naqdu lil Jehovah. Iridna naqdu lilu. Għalhekk jipprova jġegħilna nagħmlu dak li jrid huwa, peress li jaf li aħna nsiru l-​irsiera, jew qaddejja, taʼ dak li lilu nobdu. (Rumani 6:16) Permezz taʼ diversi mezzi, inkluż it-​televixin, films, ċerti forom taʼ żfin u letteratura mmorali, Satana jinkuraġġixxi relazzjonijiet sesswali bejn persuni m’humiex miżżewġin, kif ukoll l-​adulterju. Kondotta bħal din tiġi magħmula tidher aċċettabbli, saħansitra xierqa. Madankollu, dan huwa kontra l-​liġijiet t’Alla. (Ebrej 13:4; Efesin 5:​3-5) U wieħed li jieħu sehem f’kondotta bħal din fil-​fatt qiegħed juri li hu favur id-​dinja taʼ Satana.

21. Liema prattiċi oħrajn hemm li, jekk wieħed jieħu sehem fihom, se juri li hu favur id-​dinja taʼ Satana?

21 Hemm prattiċi oħrajn li d-​dinja taʼ Satana għamlithom popolari imma li huma kontra l-​liġijiet t’Alla. Li wieħed jisker b’xorb alkoħoliku huwa waħda minnhom. (1 Korintin 6:​9, 10) Prattika oħra hija l-​użu taʼ drogi bħalma huma l-​marijuana u l-​eroina għall-​gost, kif ukoll l-​użu tat-​tabakk. Dawn l-​affarijiet huma taʼ ħsara għall-​ġisem u maħmuġin. L-​użu tagħhom huwa biċ-​ċar ksur taʼ l-​istruzzjoni t’Alla biex “innaddfu lilna nfusna minn kull tniġġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu.” (2 Korintin 7:1) It-​tipjip tat-​tabakk ukoll jagħmel ħsara lis-​saħħa taʼ dawk li jkunu qrib tagħna u li jkollhom jibilgħu d-​duħħan, u għalhekk min ipejjep qiegħed jikser il-​liġi t’Alla li tgħid li Kristjan għandu jħobb lil għajru.​—Mattew 22:39.

22. (a) X’tgħid il-​Bibbja dwar id-​demm? (b) Għala li wieħed jieħu trasfużjoni tad-​demm fil-​fatt m’huwiex differenti milli wieħed ‘jieklu’? (ċ) Liema ħaġa turi illi ‘li tastjeni mid-​demm’ ifisser li ma tieħdu fik bl-​ebda mod?

22 Prattika komuni oħra f’diversi partijiet tad-​dinja hija li wieħed jiekol id-​demm. B’hekk annimali li ma jiġux żvinati sewwa jittieklu jew id-​demm jistaʼ jitbattal u jintuża bħala ikel. Madankollu, il-​Kelma t’Alla tipprojbixxi li wieħed jiekol id-​demm. (Ġenesi 9:​3, 4; Levitiku 17:10) Xi ngħidu, allura, dwar li wieħed jieħu xi trasfużjoni tad-​demm? Xi persuni jistgħu jirraġunaw illi li wieħed jieħu trasfużjoni tad-​demm m’huwiex l-​istess bħal meta wieħed ‘jieklu.’ Imma m’huwiex minnu li meta pazjent ma jkunx jistaʼ jieħu ikel minn ħalqu, it-​tabib taʼ spiss jirrikmanda li jiġi mitmugħ bl-​istess metodu kif tingħata trasfużjoni tad-​demm? Il-​Bibbja tgħidilna biex ‘nastjenu . . . mid-​demm.’ (Atti 15:​20, 29) X’ifisser dan? Kieku tabib kellu jgħidlek biex tastjeni mix-​xorb alkoħoliku, kien dak ifisser sempliċement li m’għandekx tieħdu minn ħalqek imma li tistaʼ ddaħħlu direttament ġol-​vini tiegħek? Dażgur li le! Hekk ukoll, ‘li tastjeni mid-​demm’ ifisser li ma tieħdu ġo fik bl-​ebda mod.

23. (a) Liema deċiżjoni għandek bżonn tieħu? (b) Liema ħaġa se turi liema deċiżjoni ħadt?

23 Int għandek turi ’l Alla Jehovah li int favur is-​sistema ġdida tiegħu u li m’intix parti minn din id-​dinja. Dan jitlob deċiżjoni. Id-​deċiżjoni li trid tieħu hija li taqdi lil Jehovah, li tagħmel ir-​rieda tiegħu. Ma tistax tkun indeċiż, bħalma kienu xi Iżraeliti fl-​antik. (1 Slaten 18:21) Għax ftakar, jekk m’intix taqdi lil Jehovah, allura qiegħed taqdi lil Satana. Int tistaʼ tgħid li int favur is-​sistema ġdida t’Alla, imma x’qiegħda tgħid il-​kondotta tiegħek? Li tkun favur is-​sistema ġdida t’Alla jinvolvi li tevita l-​prattiċi kollha li Alla jikkundanna u li m’humiex se jkunu fis-​sistema ġdida taʼ tjieba tiegħu.

[Stampa f’paġna 209]

X’inhi d-​dinja li Ġesù ma riedx jitlob għaliha u li d-​dixxipli tiegħu m’huma ebda parti minnha?

[Stampi f’paġna 211]

Fil-​Bibbja, ir-​reliġjon falza hija rrappreżentata bħala prostituta fis-​sakra, u l-​gvern dinji li hija riekba fuqu bħala bhima selvaġġa

L-​għixien laxk huwa aspett tad-​dinja taʼ Satana. Is-​sistema kummerċjali rgħiba wkoll hija parti prominenti

[Stampa f’paġna 213]

Ladarba fit-​twelid taʼ Ġesù xi ragħajja kienu għadhom fl-​għelieqi maʼ l-​imrieħel tagħhom bil-​lejl, ma setax twieled fil-​25 taʼ Diċembru

[Stampa f’paġna 214]

Il-​qaddejja t’Alla rrifjutaw li jqimu xbiha mibnija minn wieħed sultan. X’kont tagħmel int f’sitwazzjoni simili?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja